venerdì 31 maggio 2024

Tal-Pietà - Raħal Marjan

 

Fl-Arċidjoċesi ta’ Malta nsibu li fost il-parroċċi kollha, il-Madonna tieħu l-ewwel post fejn jidħlu t-titulari. L-istess ħaġa nistgħu ngħidu għad-Djoċesi ta’ Għawdex. Fost dawn il-parroċċi Marjani hemm xi titulari b’aktar minn parroċċa waħda, bl-akbar numri ta’ dawn il-każi jkun l-Assunta b’xejn inqas minn 11-il parroċċa. Imbagħad insibu oħrajn li huma waħdanin. Fost dawn tal-aħħar insibu l-parroċċa tal-Madonna ta’ Fatima f’Tal-Pietà li tiġbor fiha wkoll iż-żona ta’ Gwardamanġa. Minkejja li din hija parroċċa relattivament ġdida, għax twaqqfet fl-1968, ir-raħal ta’ Tal-Pietà nistgħu nqisuh bħala raħal Marjan. Għaliex qed ngħid hekk? Ma kinitx il-parroċċa li welldet din ir-rabta bejn Marija u l-lokal għax sa minn żmien twil ilu kien hemm x’jorbot lil Verġni Mqaddsa ma’ dan ir-raħal li għandu wkoll wieħed mit-titli mogħtijin lil Marija Santissima. Naraw ftit kemm rabtiet hemm bejn dan ir-raħal u Marija.

Id-Duluri

L-epidemija tal-pesta ta’ Malta ta’ bejn l-1592 u l-1593 kienet waħda kbira li qatlet eluf ta’ nies f’Malta. Dak iż-żmien il-mejtin kienu jindifnu fi knejjes jew kappelli, iżda minħabba n-numru kbir ta’ mwiet f’din l-epidemija, kien meħtieġ li jinbena ċimiterju ġdid. Dan inbena fuq biċċa art barra l-Belt Valletta u fil-qrib inbniet kappella ddedikata lil Santu Rokku. Xi sorsi jgħidu li l-kappella nbniet fl-1592 jew l-1593 filwaqt li oħrajn jgħidu li nbniet fl-1612. Fil-bidu tas-seklu XVII id-dedikazzjoni tal-knisja nbidlet minn Santu Rokku għad-Duluri. Il-knisja kienet tissejjaħ bit-Taljan Santa Maria a Mare jew La Pietà, li huwa wieħed mit-titli mogħtijin lill-Madonna tad-Duluri. L-inħawi tal-madwar saru magħrufa bħala Tal-Pietà u meta aktar tard żviluppa r-raħal żamm l-isem ta' Tal-Pietà. Għalhekk dlonk naraw li kienet din il-kappella li tat isem dan ir-raħal. L-artal maġġur tal-knisja juri lill-Verġni Marija żżomm il-ġisem mejjet ta’ Ġesù, pittura magħrufa bħala la Pietà. Dan tpitter minn Gioacchino Loretta, segwaċi ta’ Mattia Preti. Din il-knisja tat ukoll l-isem li tinsab fiha: Triq id-Duluri.

Ta’ Loreto

Sewwasew fuq ix-xaqliba l-oħra ta’ Tal-Pietà, fiż-żona magħrufa bħala Gwardamanġa, insibu knisja oħra li wkoll hija ddedikata lill-Madonna taħt it-titlu Ta’ Loretu. Din hija tas-Sorijiet Orsolini. Il-knisja nbniet fuq art imsejħa “Ta’ Lubo Bordin” mgħotija lis-sorijiet mill-fundatur tagħhom  Mons. Isidoro dei Conti Formosa.  L-ewwel ġebla poġġieha Mons. Mawru Caruana, Isqof ta’ Malta, nhar it-Tlieta l-1 ta’ Mejju 1928. Din hija knisja oħra Marjana fir-raħal ta’ Tal-Pietà. Fil-knisja nsibu bosta statwi biss waħda partikolari hija dik tal-Madonna ta’ Loreto (mhux ta’ fuq l-artal maġġur) li kienet inġiebet Malta minn Mons. Dei Conti Formosa nnifsu.

Is-Santwarju Parrokkjali

Il-knisja parrokkjali tal-Madonna ta’ Fatima tinsab fuq l-għolja ta’ Gwardamanġa u s-santwarju nbena mill- patrijiet Dumnikani fl-1952. Il-knisja nfetħet fl-1955 u saret parroċċa fl-1968.

Ix-xbieha tal-Madonna li issa hija nkurunata hija tal-injam. Din l-istatwa sabiħa fiha madwar tliet metri u kwart tul, waslet fid-dwana ta’ Malta fit-tielet ġimgħa ta’ April tas-sena 1956. Kienet imbierka mill-Arċisqof Mikiel Gonzi u sar pellegrinaġġ biha mill-parroċċa ta’ San Duminku l-Belt sas-santwarju ta’ Gwardamanġa Tal-Pietà.

Bħal kull parroċċa oħra, bdiet tiġi organizzata festa u biex tagħmel festa trid statwa titulari. Kien imqabbad l-Iskultur Rabti Ġlormu Dingli biex joħloq statwa tal-Madonna ta’ Fatima bħala statwa titulari u proċessjonali. Din waslet fil-parroċċa fl-1971.

Xbihat fit-toroq

F’Tal-Pietà ma nsibux numru kbir ta’ niċeċ fit-toroq, imma mill-waħdiet li hemm insibu waħda bix-xbieha tal-Immakulata Kunċizzjoni. Din tinsab kantuniera ta’ Triq Blackley u t-Telgħa ta’ Gwardamaġa. Din hija niċċa mill-isbaħ bl-arzella, l-gwarniċ u l-pilastri tagħha skulturati fil-ġebla Maltija. Xbieha oħra Marjana nsibuha fuq il-faċċata tal-Knisja tad-Duluri. Din l-istatwa turi lil Marija Addolorata bilwieqfa u f’kull ġenb tagħha hemm anġlu. Fuq il-kampnar tas-santwarju parrokkjali nsibu xbieha tal-Madonna ta’ Fatima. Din ġiet skolpita fl-irħam fl-Italja Ma’ dawn l-istatwi żdiedu żewġ xbihat oħra Marjani fis-sena 2021. Waħda tinsab f’niċċa  fi Triq id-Duluri u turi lill-Addolorata, kopja tal-famuża “La Pietà” u oħra turi lill-Madonna ta’ Fatima. Din tinsab fin-nofs tal-qasam tad-djar.

Nixtieq insemmi niċċa oħra li minkejja li ma tagħmilx mal-Parroċċa Ta’ Fatima, bħala konfini tal-Kunsill Lokali tagħmel ma’ Tal-Pietà. Din hija niċċa tad-Duluri tinsab fi Triq ix-Xatt. Fiha ma nsibux statwa imma pittura. Hemm storja ħelwa marbuta ma’ din ix-xbieha. Jingħad li l-pittur Giuseppe Calì kien għamel wegħda li jekk jiżżewweġ lit-tfajla li kien tefa’ għajnejh fuqha kien ipitter kwadru tad-Duluri u jpoġġih għall-qima. Meta x-xewqa tiegħu saret realtà huwa żamm il-wegħda tiegħu. dan il-kwadru llum inbidel u minn floku hemm santa tad-Duluri u l-pittura oriġinali tinsab fil-parroċċa tal-Imsida.

Dan kollu juri li tabilħaqq it-titlu ta’ Raħal Marjan jixraq lil Tal-Pietà.

Fr Reno Muscat 

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 1 ta' Ġunju 2024



Nessun commento:

Posta un commento