Meta nitkellmu maż-żgħażagħ
tal-lum u ngħidulhom li tfulitna u żgħożitna kienet għal kollox differenti minn
dik li jgħixu huma spiss jistaqsuna kif konna ngħaddu mingħajr karozza kull
persona fid-dar, bla mobile u fuq kollox bla computer u bla internet. Jien
spiss ngħidilhom li ħaġa ma tistax tħoss in-nuqqas tagħna ladarba din ma tkunx
teżisti u għalhekk ma tkunx taf biha. Ngħidilhom ukoll li min jaf 100 sena oħra
kif jiskantaw ulied uliedhom meta jaraw kif qed jgħixu huma llum meta għad ma
għandhomx dak li jkollhom huma.
Ikollna nammettu li l-ħajja llum hija għal kollox differenti minn dik li twelidna fiha aħna li qlibna nofs seklu fiż-żmien. Il-progress li sar narawh b’għajnejna u mmissuh b’idejna. Aħna kellna nadattaw irwieħna għal dinja li ma konniex nafu. Aħna ma twelid biex f’era teknoloġika u għalhekk kellna nidħlu f’din id-dinja għal kollox ġdida għalina. Madankollu bosta minna nippreferu l-ħajja ta’ tfulitna minn dik tal-lum. Biss din hija ħaġa normali għal kollox għax anke xi wħud minn dawk ta’ qabilna jemmnu li tfulithom kienet aħjar minn tagħna. Dan huwa kollu frott tal-progress li ma jista’ jwaqqfu ħadd. Imma kull progress għandu prezz x’jitħallas. Nieħdu pereżempju l-internet. Ejjew naraw ftit it-tajjeb u l-ħażin ta’ din it-teknoloġija li llum nistgħu ngħidu nużawha lkoll kemm aħna.
Għajnuna
Bis-saħħa tal-internet sirna
nkunu nafu x’qed jiġri fid-dinja dak il-ħin stess. Sirna nkunu nafu bejn wieħed
u ieħor x’temp ser ikollna sa ħmistax-il ġurnata qabel. Sirna saħansitra nixtru
minn fuq l-internet u meta ngħid nixtru ma nkunx qed nirreferi biss għal xiri
minn ħwienet barra minn Malta. Illum tista’ tagħmel ix-xirja minn fuq
l-internet. Illum tista’ tordna x’tiekol minn fuq il-computer u saħansitra
tħallas bla ma ddaħħal idek fil-but u toħroġ il-karriera. Dan kollu lanqas
fil-ħolm ta’ tfulitna ma kien jeżisti. Imma ma taħsbux li l-bniedem tal-lum sar
dipendenti wisq mit-teknoloġija speċjalment mill-internet?
Minkejja li huwa għodda utli
ħafna fil-ħajja ta’ kuljum, l-Internet fil-fatt huwa munita b’żewġ naħat
opposti. Fil-fatt, l-użu fit-tul tal-Internet tant għamel lin-nies dipendenti
fuq il-ħajja onlajn li ftit minuti mingħajr ma jkollhom apparat elettroniku
f’idejhom jistgħu jagħmluhom donnhom ħlejjaq bla sabar, donnhom mhux f’dinja.
Dawn is-sitwazzjonijiet jirriżultaw f’esperjenzi ta’ ansjetà u aġitazzjoni
psikomotriċi. Mhux ta’ b’xejn li llum nitkellmu dwar id-Dipendenza fuq
l-Internet. L-użu patoloġiku tat-teknoloġija diġitali nstab li huwa sors ta’
diversi problemi tas-saħħa, kemm fiżiċi kif ukoll mentali. Fost oħrajn sirna
nsibu diversi kundizzjonijiet patoloġiċi, bħall- abbuż fl-użu tal-Internet,
logħob tal-azzard onlajn jew cyber bullying.
L-użu eċċessiv tal-Internet , kif
ukoll il-vizzju li jitrabbew minnu, spiss ikun akkumpanjat minn rabja ,
tensjoni u ansjetà. Dawn il-manifestazzjonijiet għandhom effett detrimentali
fuq is-saħħa tal-individwu, u jħeġġu wkoll imġieba negattiva, bħall-irtirar
soċjali. Il-kategorija tan-nies l-aktar f’riskju hija ċertament dik
tal-adolexxenti . Fil-fatt, matul l-aħħar għoxrin sena, kienet preċiżament
il-kategorija ta’ qawwija fuq l-Internet, f’termini tal-kwantità ta ħin li
l-individwi jqattgħu fuq l-Internet.
Bosta studji rrappurtaw
l-eżistenza ta’ relazzjoni bil-kontra bejn il-vizzju tal-Internet u l-benessri
mentali u psikoloġiku ta’ individwu.
Biss tajjeb insemmu wkoll li hemm
probelmi oħra marbutin mal-internet. Barra mill-ħsara psikoloġika nistgħu
nsemmu wkoll il-ħsara fiżika. Billi meta naħdmu fuq l-internet inkunu bilqegħda
spiss nibdew nesperjenzaw problemi ta’ wgigħ f’daharna, fi spallejlna u
fil-qadd. Tul ta’ ħin quddiem l-monitor tal-computer jagħmel ukoll ħsara lil
għajnejn. Bosta jissuġġerixxu li minn ħin għal ħin inqumu minn fuq is-siġġu u nitilqu
minn fuq l-iskrivanija biex nibbdlu għal ftit il-pożizzjoni ta’ ġisimna. Dwar
l-għajnejn għandna niffukkaw għal ftit ħin fuq xi ħaġa li tkun bogħod minna u
hekk inserrħuhom ftit. Din il-ħaġa għandu jifhimha wkoll min iħaddem u jħalli lill-ħaddiema
tiegħu jqumu minn posthom kull tant ħin. Tajjeb ukoll li nitkellmu ma’ tabib
tal-għajnejn anke jekk ikun għad għandna l-vista tajba biex jekk ikun hemm
bżonn nibdew nilbsu nuċċali meta nkunu quddiem il-monitoer tal-computer.
Imma
Fl-aħħar tibqa’ il-mistoqsija:
imma llum nista’ ngħaddi bla internet? It-tweġiba mhix faċli. Ħajjitna saret
wisq tiddependi minnu u dan rajnieh waqt il-pandemija tal-Covid 19. Minn
tagħlim tal-iskejjel sa ċertu xogħol seta’ jibqa’ għaddej grazzi
għall-internet. Mela t-tweġiba hija waħda: il-moderazzjoni hija tajba f’kollox
u fuq kollox fl-użu tal-internet.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-nazzjon - 11 ta' Mejju 2024
Nessun commento:
Posta un commento