Attività sinonima mas-sajf Malti
huma l-festi li jsiru fil-parroċċi tagħna. Meta joqrob is-sajf ikun qed joqrob
l-isbaħ żmien għad-dilettanti filwaqt li dawk li ma jħobbux il-festi jibdew
jgħoddu l-jiem sakemm dan l-istaġun jiġi fi tmiemu.
X’festi
Ngħaddu mbagħad għall-każini
tal-banda. Ħafna minn dawn il-każini llum saru palazzi li fihom iħaddnu opri
mill-isbaħ u ta’ kull sena l-membri tas-soċjetajiet jibqgħu jinsistu li dawn
l-opri jiżdiedu. Minbarra l-opri artistiċi ma ninsewx li dawn il-każini huma
wkoll maħżen ta’ mużika. Fl-arkivji ta’ ħafna mill-każini tal-banda nsibu għadd
kbir ta’ siltiet mużikali minn madwar id-dinja kollha.
U ma nistax ma nsemmix l-armar
fit-toroq tagħna. Illum nistgħu ngħidu li kull festa għandha armar fit-toroq.
Xi armar antik illum huwa patrimonju ta’ artistrija enormi filwaqt li jkollna
ninżgħu l-kappell għall-armar ġdid li kull sena qed jiżdied. Tabilħaqq li l-preġju
tal-armar antik huwa enormi fejn dak tal-ġdid meta toqgħod tqis li kull biċċa
skultura kienet saret b’idejn waħda waħda mhux bħal-lum, forma u timla
bil-fibre. Ma’ dan l-armar irridu nsemmu l-għadd ta’ statwi li jintramaw
fuqhom, xogħol statwarji kapaċissimi Maltin kif ukoll id-drapp ta’ bandalori u
pavaljuni li jikkumplementawhom.
Nistgħu ngħidu li l-festi Maltin
mhux il-vetrina tax-xogħol Malti?
Kontra
Bħal f’kollox issib min hu kontra
dawn il-festi. Biss naħseb li min ikun kontra tagħhom ikollu wkoll raġuni.
Forsi jiffoka biss fuq i-festi ta’ barra, fejn ikollna nammettu li ġieli rajna
esegerazzjonijiet, forsi jgħid li l-logħob tan-nar idejqu. Fil-fond ta’ qalbi
naħseb li dawk li jirraġunaw hekk ikunu għaddew minn xi esperjenza kerha, forsi
waqt il-marċ ra xeni xejn dinjitużi ta’ sokor jew teħid ta’ drogi – ħwejjeġ li
jkollna nammettu li saru komuni fil-festi tagħna. Forsi jkun hemm xi raġuni
oħra, min jaf xi tkun!
Pika jew kompetizzjoni
Ma naħsibx li nkun qed nikxef xi
sigriet jew qed ngħid xi ħaġa ġdida jekk ngħid li l-festi tagħna fihom ukoll
il-piki. Piki bejn żewġ għaqdiet fl-istess parroċċa jew piki ma’ parroċċa jew
parroċċi ġirien. Piki ma’ rħula oħra u nistgħu nibqgħu sejrin. Il-Malti jgħid
li l-piki jaqtgħu l-aptiti imma mill-banda l-oħra kieku ma kinux dawn il-piki
kieku l-festi tagħna ma humiex dawk li huma llum. Kemm ikun aħjar kieku
minnflok pika jkun hemm kompetizzjoni. Nipprova nagħmel xi ħaġa orġinali biex
inti wara tipprova toħloq xi ħaġa oħra li tissupera dak li nkun għamilt jien.
Il-piki jistgħu joħolqu anke l-periklu, ngħidu aħna fejn jidħol il-logħob
tan-nar. Il-piki jaqtgħu l-aptit u kien hemm wieħed dilettant tal-festi qalli
li l-piki jibdlu d-delizzji f’kastiġi. Ikolli ngħid għandu raġun biex ibigħ dan
il-ħabib għax ix-xogħol li jsir għall-festa ħafna minnu huwa xogħol volontarju u
għalhekk meta jibda jsir ta’ bil-fors ma jibqax delizzju imma jsir uġigħ ta’
ras. Għalhekk il-moderazzjoni tajba u l-kompetizzjoni ma għandhiex tinbidel f’pika.
Festi tal-qaddisin
Primarjament il-festi tagħna huma
festi reliġjużi, isiru biex jonoraw qaddis jew qaddisa u għalhekk hija ħaġa
assurda li fihom insibu elemenri li jmorru kontra l-valuri Nsara. Ħalli nagħmel
mistoqsija retorika: Kemm verament huma Nsara l-festi tagħna llum? Ikun hawn
min joħlom li xi darba l-festi jerġgħu lura għal meta kienu tal-kappillan,
festi ta’ tlett ijiem. Ma nafx kemm il-ħolm ta’ dan għad iseħħ. Hija ħasra li
festa li ssir biex tonora qaddis imbagħad l-inqas li jattendu nies ikun
għall-funzjonijiet reliġjużi. Imma dik hija r-realtà li qed naraw illum. La
tlaqna l-ħabel minn idejna mhux lakemm nerġgħu nieħduh lura.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 25 ta' Mejju 2024
Nessun commento:
Posta un commento