sabato 4 maggio 2024

Għada tkun inkurunata l-Madonna ta’ Fatima

Forsi smajtu bl-avveniment li ser iseħħ għada fil-Knisja Parrokkjali ddedikata lill-Madonna ta’ Fatima fir-raħal ta’ Tal-Pietà u Gwardamanġa. Jien ktibt dwar din l-inkurunazzjoni xi ġimgħat ilu. Jiena, li nagħmel parti mill-komunità li tmexxi lil din il-parroċċa ma nistax ma naqsamx magħkom dak li jkolli f’qalbi, għalhekk illum ser nikteb xi ħaġa dwar l-inkurunazzjoni.

Inkurunazzjoni

Id-disinn tal-Kuruna 

Id-drawwa tal-inkurunazzjoni ilha teżisti minn żminijiet il-qedem. Sultan, Prinċep, Imperatur jew forom oħra ta’ mexxejja kienu jkunu nkurunati. Anke l-Papa kien ikun inkurunat. Fil-Knisja Kattolika din id-drawwa ma kinitx limitata purament għal prinċep jew papa iżda bdew ikunu nkurunati wkoll xbihat. Din il-prattika bdiet fl-Italja. Bi tweġiba għall-moviment ikonoklastiku appoġġjat mill-Kalvinisti, patri Franġiskan Kapuċċin, Girolamo Paolucci di Calboldi di Forlì (1552–1620), ħabrek għall-inkurunazzjoni ta’ xbihat sagri bħala tweġiba għax-xiżmatiċi u fis-27 ta’ Mejju 1601 inkuruna lill-Madonna fis-Santwarju ta’ Santa Maria della Steccata f'Parma, l-Italja. Il-Konti Alessandro Pallavicini kien ta’ għajnuna kbira għal di Calboldi. Qabel mewtu, Pallavicini ħalla legat li assigura li dawn il-prattiċi jkunu ppreservati għas-snin li ta’ wara. Fl-1780 ġie stabbilit ritwal għall-inkurunazzjonijiet, bl-isem Ordo servandus in tradendis coronis aureis. Sa dak iż-żmien, it-talbiet għall-inkurunazzjonijiet solenni kienu saru numerużi. Il-Knisja, fil-prudenza tagħha, meta tevalwa t-talbiet, dejjem fittxet tliet karatteristiċi: l-istoriċità (awtentiċità storika) tad-devozzjoni, l-attributi mirakolużi jew il-garanzija tal-preservazzjoni tal-qima lejn ix-xbieha. Mill-1981, id-deċiżjoni jekk xbieha tkunx inkurunata jew le ma baqgħetx f’idejn il-Vatikan imma għaddiet f’idejn l-ordinarju, l-Isqof, l-Arċisqof jew il-Kardinal tad-djoċesi tal-post.

Bidu

L-ewwel xbieha Marjana, inkurunata b'ċerimonja mingħajr l-approvazzjoni papali diretta, saret mill-Kardinal Orazio Spinola għall-Madonna tad-Dwieli meqjuma fil-Bażilika ta' Santa Maria delle Vigne f'Ġenova fil-5 ta' April 1616. L-ewwel xbieha ta’ Marija Bambina li ġiet inkurunata pontifikament kienet il-pittura ta’ Lippo Memmi magħrufa bħala La Madonna della Febbre fis-sagristija tal-Bażilika ta’ San Pietru f’Ruma fis-27 ta’ Mejju 1631. L-ewwel xbieha Marjana nkurunata pontifikament barra minn Ruma kienet il-Madonna ta' Trsat fil-Kroazja fit-8 ta' Settembru 1715. L-ewwel xbieha Marjana inkurunata personalment minn Papa nnifsu kienet il-Madonna del Popolo fit-3 ta' Ġunju 1782 mill-Papa Piju VI fil-Katidral ta' Ċesena.

F’Malta

Il-kuruna li għada ser titpoġġa fuq ras il-Madonna f'Tal-Pietà
Disinn ta' Gabriel Farrugia u xoghol tal-artist u ta' Joseph Duca
 

Sal-lum f’Malta għandna 22 xbieha Marjana inkurunati uffiċjalment, għada bl-inkurunazzjoni tal-Madonna ta’ Fatima f’Tal-Pietà isiru 23. Meta ktibt uffiċjalment kont qed nifhem dawk ix-xbihat li ġew inkrunati b’digriet. 

L-ewwel xbieha Marjana inkurunata f’Malta kienet dik tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta. Meta l-Karmelitani poġġew saqajhom fil-Belt Valletta fl-1570, bnew knisja ddedikata lill-Madonna tal-Karmnu li tlestiet fl-1591. Sa mill-ħolqien tal-pittura titulari, id-devozzjoni lejn il-Madonna kienet kbira kemm fin-numru ta’ nies li kienu jżuru l-knisja kif ukoll f’dak li għandu x’jaqsam mad-donazzjonijiet mogħtija, bħal ġiżirajjen, imsielet u kuruni tad-deheb u fidda li ġew mogħtijin lil din il-pittura. L-ewwel darba li tissemma din il-pittura tal-Madonna tal-Karmnu fis-Santwarju Bażilika fil-Belt Valletta, kien waqt iż-żjara pastorali tal-Inkwiżitur Ġenerali Mons Gregorio Salviati f’Ġunju tal-1755. L-inkurunazzjoni tal-Madonna tal-kwadru titulari saret fil-15 ta’ Lulju, 1881, mill-Isqof ta’ Malta Carmelo Scicluna b’digriet tal-Papa Ljun XIII u tal-kapitlu tal-Bażilika ta’ San Pietru f’Ruma, fid-19 ta’ Ġunju 1880. Dak iż-żmien kienu qed jiġu inkurunati bosta pitturi antiki madwar id-dinja, pitturi li l-fidili kellhom devozzjoni kbira lejhom, bħalma kellha l-Madonna tal-Karmnu f’Malta.

Nixtieq kieku nagħti tagħrif imqar qasir dwar kull xbieha inkurunata li għandna f’pajjiżna imma l-ispazju ma jippermettix għalhekk ser insemmihom skont kif ġew inkurunati. F’din il-lista nsibu xbihat tal-Madonna, kemm statwi kif ukoll pitturi.  Wara l-Madonna tal-Karmnu tal-Belt insibu l-Madonna ta’ San Luqa l-Imdina, il-Madonna tal-Mellieħa, il-Kunċizzjoni ta’ Bormla, il-Madonna tal-Ħerba f’Birkirkara, il-Bambina tal-Isla, il-Madonna ta’ Damasku magħrufa bħala tal-Griegi fil-Belt Valletta, il-Madonna Ta’ Pinu, il-Madonna tas-Saħħa, tal-Grazzja Ħaż-Żabbar, tal-Grazzja r-Rabat Għawdex, il-Kunċizzjoni tal-Qala, il-Madonna ta’ Caraffa fil-Belt Valletta, il-Madonna tal-Għar, il-Madonna ta’ Pompei fir-Rabat Għawdex, il-Bambina tax-Xagħra, Santa Marija l-Mosta, Santa Marija tal-Katidral tar-Rabat Għawdex, il-Viżitazzjoni tal-Għarb, Santa Marija taż-Żebbuġ Għawdex, il-Madonna tas-Sokkors Kerċem u l-Madonna tal-Qalb ta’ Ġesù jew kif nafuha aktar tas-Sacro Cuor f’Tas-Sliema. Għada tiżdied magħhom il-Madonna ta’ Fatima ta’ Gwardamaġa Tal-Pietà li ser ikollha fuw rasha kuruna mill-isbaħ disinn tal-artist Gabriel Farrugia.

Dan huma x-xbihat Marjani inkurunati fil-gżejjer tagħna imma tajjeb ngħid li hemm xbihat oħra bħalma huma dawk ta’ San Ġużepp fir-Rabat ta’ Malta, magħruf bħala San Ġużepp ix-Xiħ u dak tal-Qala Għawdex. Barra minn dawn insibu wkoll oħrajn inkurunati imma mingaħjr digriet.

Tal-Pietà

L-inkurunazzjoni ta’ għada sejra ssir fil-Knisja Parrokkjali tal-Madonna ta’ Fatima stess, f’Tal-Pietà Gwardamanġa mill-Arċisqof ta’ Malta Mons. Charles J. Sciluna waqt quddiesa li tibda fis-6,30 ta’ filgħaxija. Minn qalbi nistdinkom tingħaqdu magħna għal din l-okkażjoni speċjali mhux biss għalina imma għal Malta kollha.

Narakom

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 4 ta' Mejju 2024





Nessun commento:

Posta un commento