Visualizzazione post con etichetta periklu. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta periklu. Mostra tutti i post

sabato 23 gennaio 2021

Il-ġurnalist u l-ġurnaliżmu

 

Fl-24 ta’ Jannar niċċelebraw il-festa ta’ San Franġisk ta’ Sales, isqof u duttur tal-Knisja. Huwa patrun tal-istampa kattolika, tal-ġurnalisti, tal-kittieba u tal-awturi. Bħal kull settur ieħor, il-ġurnaliżmu għandu il-qaddis prottettur tiegħu, u xħin taqra jew tisma’ b’dak li jgħaddu minnu dawn it-talin tasal tgħid li għandhom bżonn l-għajnuna ta’ qaddis. Illum, lejlet il-festa ta’ dan il-qaddis, ħsiebi mar fuq Il-ġurnalist u l-ġurnaliżmu.

Ġurnalisti

Hawn Malta għandna ġurnaliżmu limitat minħabba ċ-ċokon ta’ pajjiżna u s-suq żgħir li l-aħbar issib. Madanakollu xorta waħda hawn numru ta’ ġurnalisti tajbin li jafu xogħolhom sew u jippruvaw iwettquh bl-akbar reqqa u serjertà. Iżda jkollna nammettu li l-istampa ħielsa u indipendenti f’Malta hija ftit li xejn. F’pajjiżna jew ikollok kamra tal-aħbarijiet ta’ partit politiku jew tal-Knisja jew xi oħra li jkollha xi aġenda. Din hija r-realtà fil-ġurnaliżmu ta’ pajjiżna. Ma nagħtix tort lill-ġurnalist imma nagħti t-tort lis-sistema jew lill-mentalità ta’ ħafna minna l-Maltin li l-politika partiġġjana saret il-fidi, it-twemmin, ir-reliġjion tagħna. Il-ġurnalist minkejja li jagħmel xogħlu b’passjoni u mħabba, fl-aħħar mill-aħħar għandu famija fuq spallejh u għalhekk jaħdem biex jaqla’ biċċa ħobż għalih u għall-familja. Minħabba dan, il-ġurnalist ma jistax ikun liberu għax irid jimxi mal-aġenda ta’ min iħaddmu. Għalhekk anke f’pajjiżna ġieli rajna ġurnalisti li minn kamra tal-aħbarijiet imorru jaħdmu f’oħra u jinbidel it-ton ta’ kliemhom. Dan ma jfissirx li ġurnalist ma għandux ikollu opinjoni personali iżda jaqbel jew ma jaqbilx, ikollu jifrex it-tapit għal min iħaddmu u aħbar iwassalha lil min jisma’ skont kif ikun jixtieq l-imgħallem tiegħu. Wara kollox, fl-aħħar tax-xahar, il-paga mingħand min iħaddmu jirċeviha u allura ma jistax joħodha kontra tiegħu. Dan ma jfissirx li ma hawnx lok għal awtokritika.

Ħbieb tiegħi

Meta madwar 17-il sena ilu bdejt nikteb spiss fuq dan il-ġurnal, is-superjuri tiegħi xtaqu li nagħmel kors fil-ġurnaliżmu. Jien ilqajt din il-proposta bil-qalb u għamilt baċellerat f’din ix-xjenza ta’ komunikazzjoni fil-Belt Eterna - Ruma. Hemmhekk bdejt l-isgtudji ma’ grupp ta’ mija u tmenin student imma fit-tielet sena spiċċajna madwar erbgħin. Illum fost il-kollegi universitarji li kelli, hemm min jaħdem mar-Rai u mar-Radju tal-Vatikan. Hemm min minkejja li ġab il-baċellerat, ħadem f’kamp ieħor. Hemm min saħansitra ħalla l-Italja u mar jgħix l-Amerika.

Ma’ dawn ma nistax ma nsemmix il-ġurnalisti Maltin li wkoll matul is-snin saru ħbieb tiegħi wkoll. Insellem lil dawn il-ħbieb li l-ġurnaliżmu laqqagħni magħhom u llum sirna nafu lil xulxin, nibgħatu l-awguri lil xulxin, nistaqsu għall-membri tal-familji ta’ xulxin, nieqfu nitkellmu meta niltaqgħu fit-triq, jew f’xi festa!

Lil dawn il-ħbieb kollha nawguralhom il-festa t-tajba u jalla San Franġisk ta’ Sales jieqaf magħhom.

Ġurnaliżmu u ġurnaliżmu

Mhux kull ġurnaliżmu huwa l-istess. Lanqas f’pajjiżna ma huwa kollu l-istess. Mhux qed ngħid għal dawk l-aħbarijiet li fuq stazzjon jgħidu li ħaġa hija bajda u l-istess aħbar fuq stazzjon ieħor tismagħha tixxandar li dik l-istess ħaġa mhix sewda. Fil-verità jkun qed jingħad l-istess ħsieb iżda bi kliem differenti.  Fil-kontenut tkun l-istess aħbar imwassla lil min qed jisma’ b’mod li jrid il-kap tal-istazzjon jew kamra tal-aħbarijiet, biex tkun taqbel mal-politika jew l-aġenda tiegħu.

Illum anke f’pajjiżna hawn ġurnaliżmu tad-diskors fuq in-nies, dak li jissejjaħ gossip. Ġurnaliżmu li jirrapporta dak li jkun deher fuq Facebook jew Twitter. Personalment dan ma narahx ġurnaliżmu għax dak li jara l-ġurnalist fuq il-mezzi tal-media soċjali nkunu rajnieh jien u int qabel ma reġa’ xandru hu. Imma din hija tendenza ġdida fil-ġurnaliżmu ta’ pajjiżna wkoll, aħbar li jekk tgħasarha ma jibqa’ xejn minnha, aħbar tad-duħħan, aħbar tal-bigilla. Ikollna ngħidu li dan it-tip ta’ gossiping qed jiżdied u nibża’ li dan jgħin biex il-kwalità tal-intelliġenza tal-qarrej dejjem tibqa’ tonqos! Ma rridx insemmi minn dawn il-psewdo aħbarijiet għax mhux sew, imma nitlob lill-ġurnalisti Maltin biex jekk jogħġobhom jirrispettaw l-intelliġenza tal-poplu kollu!

Il-periklu

Il-ġurnalist ġieli jħabbat wiċċi mal-periklu. Qiegħed nitkellem dwar il-ġurnaliżmu internazzjonali, dak il-ġurnalist li jintbagħat fuq il-kamp tal-gwerra, fuq quddiem tal-irvellijiet, fost it-terroristi, biex jien u int naqraw jew nisimgħu dak li qed jiġri fid-dinja. Skont il-Committee to protect journalists kien hemm 30 ġurnalist li tilfu ħajjithom fl-2020 li 21 minnhom inqatlu direttament waqt il-qadi ta’ dmirhom. Dan in-numru huwa aktar mid-doppju tas-sena ta’ qabel. L-aktar pajjiżi perikolużi għall-ġurnalisti kienu l-Messiku u l-Afganistan. Dan it-tagħrif ħadtu min-New York Times tat-22 ta’ Diċembru 2020. Hawn naraw kemm il-ġurnalist jista’ jkun f’periklu biex jaqdi dmiru sewwa. Tassew li jkun hemm ġurnalisti li jkunu ġew assassinati minħabba xi storja oħra, imma l-biċċa l-kbira jinqatlu fuq xogħolhom.

Illum ma stajtx ma naqsamx magħkom dawn il-ħsibijiet dwar dak il-ħaddiem li bis-saħħa tiegħu l-aġenziji tal-aħbarijiet iwasslu lilna dak li jkun qed jiġri fid-dinja kollha.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 23 ta' Jannar 2021





venerdì 14 novembre 2014

Il-mowbajl

Niftakar meta kont żgħir l-għalliema tagħna dejjem kienu jgħidulna li aħjar toħroġ bla flus milli minghajr maktur, għax bla flus minn hemm u minn hawn issib lil xi ħadd jisilfek, imma l-maktur irid ikun tiegħek. Illum din il-problema ssolviet ukoll għax jekk tinsa l-maktur malajr tixtri pakkett imkatar tal-karti, anzi ngħid għalija lanqas għadni nuża mkatar tad-drapp u naħseb li bosta huma bħali. Imma l-importanza li kellu l-maktur qabel, illum ħadha appartat li sirna nsibu fil-but ta’ kulħadd. Qiegħed ngħid għat-telefon ċellulari, jew kif ilkoll nafuh: il-mowbajl.

Mill-fantasija għar-realtà
Fi ċkuniti meta konna naraw xi film li kien ikun fih xi telefon f’ xi karozza, konna ngħidu li dak film tal-gideb u tal-fantasija għax dak iż-żmien ma konniex nimmaġinaw li jista’ jkun hawn aċċess għal kulħadd għal telefon bla wajer. Tabilħaqq li kien hemm il-pulizija u s-suldati li kellhom ir-radju bla fil li bih kienu jikkomunikaw, imma qatt ma mmaġinjana li anke Ċikku l-poplu kellu jkollu telefon bħal dawn. Għall-ewwel li bdew it-telefon ċellulari, dawn kienu kbar u tqal, bl-antenna  u kulħadd kien jinduna li dak li jkun ikollu wieħed għax kienu goffi u ma kienux joqgħodu fil-but. Illum l-apparat ċkien,l-antenna spiċċat u l-piż sar ħafif.

Jagħtik status
Meta dan it-tip ta’ telefon beda jinfirex, sar oġġett li jagħti status lil dak li jkun u kien hemm żmien li konna mmorru f’ restaurant u min kien ikollu mowbajl kien ipoġġih fuq il-mejda mal-frieket is-skieken u l-imgħaref. Kien bhal donnu oġġett li jgħolli l-grad ta’ dak li jkun. Illum l-ebda status ma għadu jagħti l-mowbajl għax sar oġġett li nsibu anke f’ idejn it-tfal.

Żidna l-periklu
Ikollna nammettu li minn kemm ilna li għandna l-mowbajl fil-but, żidna il-periklu fit-toroq tagħna. Kemm-il darba rajt żgħażagħ jaqsmu t-triq u minflok iħarsu lejn il-karozzi, jibqgħu għaddejjin itektku fuq il-mowbajl tagħhom. Agħar min hekk huwa l-fatt li bosta sewwieqa jużaw il-mowbajl waqt li jkunu jsuqu. Dan huwa ksur tal-liġi u hemm piena għal min jinqabad jagħmel din il-ħaġa, imma sfortunatament ħafna jinjoraw il-liġi. Allura jkollna ngħidu li bil-mowbajl żidna l-perikli f’ ħajjitna. Dan biex ma nsemmix il-periklu li bosta żgħażagħ qegħdin jitgħallmu jiktbu b’mod ħażin. L-Ingliżi draw jiktbu How r u? minflok how are you? Iqsar u malajr teħles! It-Taljani jużaw il-K f’ che jew perché. U aħna l-Maltin la teżisti għajn, la akka u xejn.

Nagħti skandlu?
Meta kont Ruma, fil-mowbajl tiegħi niżżilt applikazzjoni li fiha t-talb li aħna s-saċerdoti obbligati ngħidu kuljum.  Kont ninżel fil-knisja għal dan it-talb u nuża l-mowbajl minflok il-ktieb tqil jiżen għaxar kili! Kien hemm min skandalizza ruħu għax skont huma, kien  ikun hemm patri li minflok jitlob kien jioqgħod jilgħab biċ-ċellulari tiegħu. Wieħed parruċċan anzjan imma li jħobb it-teknoloġija għamel bħali. Issa sirna tnejn nużaw il-mowbajl għal-lawdi u għall-vespri. It-tnejn irduppjajna u fl-aħħar kien hemm bosta lajċi li jiġu jitolbu magħna permezz tal-mowbajl. Anzi saħansitra kien hemm min beda jġib miegħu t-tablet u jsegwi minn fuqu. Dak li għall-ewwel kien skandlu fl-aħħar sar stument ta’ ġid.

Il-mowbajl illum
Tkun fuq tal-linja, tkun tistenna fi kju, tkun dieħel il-Belt, tkun tippassiġġa tas-Sliema, tkun Malta, tkun barra dejjem issib lil xiħadd bl-imbierek mowbajl f’idu. Min jikteb messaġġ, min jaqra l-aħbarijiet, min jaqra xi ktieb, min jilgħab xi logħba u l-kumplament. Jiena darba saħansitra ktibt artiklu għal dan il-ġurnal fuq il-mowbajl tiegħi. Żgur li ma huwiex il-mod eċċellenti biex tikteb artiklu, imma f’ każi partikolari jkollok tinqeda b’ dak li ssib.

U bla ma trid tieqaf u taħseb u tgħid x’ użu sar fih il-mowbajl illum. Niktbu bih, inżommu l-appuntamenti fih, naraw il-kalendarju, nieħdu r-ritratti uniġbdu xi biċċa film, nibgħatu l-messaġġi, naqraw l-e mails, nidħlu fil-facebook, nilgħabu l-logħob, naraw fejn qegħdin fid-dinja permezz tal-GPS li xi mowbajl fihom. Illum nistgħu naraw it-televiżjoni minn fuq il-mowbajl ukoll. Il-mowbajl qiegħed iservi wkoll biex min irid iniżżel applikazzjoni għat-talb.
Nagħmlu xi ħaġa oħra b’ dan l-apparat li llum jinstab fil-but ta’ kulħadd? Qiegħed inħoss li donni insejt xi ħaġa fil-lista ta’ hawn fuq. Hekk hu, bilħaqq bil-mowbajl nistgħu nagħmlu telefonata, anzi l-iskop ewlieni ta’ dan l-apparat kien li nċemplu lil xulxin imma llum kważi kważi nagħmlu mitt ħaġa bih minbarra nċemplu.

X’ lussu għandna fil-but illum, apparat li sar importanti daqs kemm kien il-maktur fi ċkuniti.


Fr Reno Muscat

dan l-artiklu deher fin-Nazzjon, 15 ta' Novembru 2014





sabato 5 luglio 2014

Diżabilità

Illum il-ġurnata il-kuxjenza lejn persuni bi ħtiġijiet differenti minn dawk li normament jaqgħu f’ moħħna kibbret ħafna. Ma nistgħux ngħidu li ilħaqna l-ogħla livell fejn jidħlu servizzi offruti lill-persuni li llum sirna nsejħulhom “b’diżabilità”, imma tal-inqas il-livell huwa ħafna aħjar minn dak li kien ftit għexieren ta’ snin ilu, u dan mhux biss f’pajjiżna iżda fil-pajjiżi żviluppati kollha.

Min għandu diżabilità?

Meta nsemmu nies b’diżabilità dlonk naħsbu f’ dawk li fiżikament ma jistgħux jagħmlu kollox waħedhom. Imma stenna daqxejn, min minna jista’ jagħmel kollox waħdu? Anke jekk illum għandu mnejn li jeżisti xi ħadd li ma għandux bżonn ta’ ħaddieħor biex jgħix ħajtu bla tfixkil, għad jiġi żmien li saħtu tonqoslu u dak li llum jagħmel waħdu jkollu bżonn l-għajnuna biex jagħmlu. Allura f’ kelma waħda nistgħu ngħidu li lkoll kemm aħna għandna d-diżabiltajiet tagħna, min b’ mod u min b’iehor, min bi ftit u min b’ ħafna.

Nuqqas ta’ ħsieb

Fi djarna u fit-toroq tagħna kultant niltaqgħu ma’ inkonvenjenti li jikkawżaw tbatija bla bżonn. Ngħid id-dritt ma kontx nifhem għalfejn l-awtoritajiet ma kienux jagħtu permess li ssir rampa ta’ garage fuq bankina. Illum nifhem li min ikun għaddej minn fuq il-bankina se jinħoloqlu inkonvenjent b’ dik ir-rampa. M’inix nirreferi għal xi persuna li tkun għaddejja minn hemm fuq siġġu tar-roti, imma għal persuna li tkun għaddejja b’ pushchair jew b’ shopping carrier. Bosta drabi dawn il-persuni ma jkunux jistgħu jibqgħu għaddejjin minn fuq il-bankina u jkollhom jinżlu fit-triq biex ikomplu sejrin fejn kienu sejrin. Ġieli t-triq tkun dejqa u traffikuża u għalhek dawn it-talin ikunu esposti għall-periklu.

Każ li dejjem tani fastidu hija rampa quddiem dar tal-anzjani f’ wieħed mill-irħula Maltin. Id-diriġenti ta’ din id-dar għollew il-bankina b' madwar metru biex l-anzjani tad-dar ma jkollomx jinżlu taraġ meta joħorġu. Sa hawn kollox sew, anzi prosit, imma l-gwaj hu li fuq il-bankina inħolqot rampa u min ikun għaddej min hemm jew ikollu jitla’ u jinżel ir-rampa jew inkella jkollu jinżel minn fuq il-bankina u jimxi fit-triq, li minbarra li hija dejqa hija wkoll traffikuża. Issa l-anzjani tad-dar tnaqqsilhom l-inkonvenjent imma l-pubbliku li jgħaddi mit-triq żdiedlu. Ir-rampa li semmejt setgħet issir fuq ġewwa tad-dar u b’ hekk kienet tissolva problema bla ma tiġi kkawżata oħra. Imma sewwa jgħidu l-Ingliżi li Common sense is not so common! Dan mhux biss nuqqas ta’ ħsieb mid-diriġenti tad-dar imma wkoll mill-awtoritajiet li taw il-permess li ssir din ir-rampa. Nittama tal-inqas li din saret bil-permess!

Sajjetta fil-bnazzi

Forsi naħsbu li d-diżabiltajiet  jew nitwieldu bihom jew jaslu fuqna ladarba nixjieħu. Niżbaljaw bil-kbir meta naħsbu hekk. Ngħidu li riħ ta’ siegħa jbiddel qiegħa, u tabilħaqq għax sempliċi inċident fit-triq, sempliċi marda u tinbidillek ħajtek minn lejl għan-nhar. Ħajjitna tista’ tinbidel bħal sajjetta fil-bnazzi.

Amy Camilleri Zahra
Ħabiba tiegħi inbidlitilha ħajjitha bħall-Erbgħa fost il-ġimgħa. Qiegħed nirreferi għal Amy Camilleri Zahra. Din iż-żagħżugħa inbidlitilha ħajjitha f’ daqqa, imma minflok intelqet mal-kurrent bdiet tiġġieled mal-ħajja u jkolli ngħid li rebħitilha. Illum Amy, flimkien ma’ oħrajn, waqqfet għaqda biex anke nies b’diżabilità jkunu jistgħu jgħixu kemm jista jkun bla problemi żejda. Hija qaltli li d-diżabilità hija s-soċjeta li toħloqha għax kieku kull post ikun aċċessibli għal kulħadd ma tibqa’ teżisti l-ebda diżabilità.  U għalhekk nerġa’ għall-mistoqsija li bdejt biha: min minna jista’ jagħmel kollox waħdu? Min minna ma għandux xi diżabilità? Fi ftit kliem allura nistgħu ngħidu li dak li jsir għal dawk bi bżonnijiet speċjali jsir għalina lkoll, għalik u għalija, għax aħna lkoll għandna jew għad ikollna d-diżabiltajiet tagħna.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon, 5 ta' Lulju 2014

domenica 29 dicembre 2013

Ix-xorb u s-sewqan ma jmorrux flimkien


F’ dan iż-żmien tas-sena jiżdiedu t-twissijiet biex jekk dak li jkun joħroġ u jkun ser isuq ma jixrobx xorb alkolħoliku sabiex inaqqas il-periklu għalih u għall-oħrajn. Dan huwa żmien li fih il-ħruġ jiżdied u mal-ħruġ jiżdied ukoll il-konsum tal-alkoħol. Dawn il-jiem jgħaddu imma t-twissijiet tajjeb li nżommuhom tul is-sena kollha.

Periklu fit-toroq
Li tkun fit-triq, issuq, riekeb ġewwa karozza jew miexi diġa hemm għadd ta’ riskji. Waħda ħabiba tiegħi ftit jiem ilu rrakkuntatli kif kienet fi triq ġewwa Ruma, fil-karozza mal-familja tagħha u ħin bla waqt waqgħet siġra u ġiet fuq mutur li kien għaddej minn l-istess triq. Is-sewwieq tal-mutur tilef ħajtu. Perikli bħal dawn imdawrin bihom bla ma nintebħu. Fatt ieħor ġara lili ftit xhur ilu ġewwa Ruma wkoll. Kont għaddej minn triq u bdiet tqattar ix-xita, erġajt lura biex inġib umbrella. Buffura riħ waqqgħet persjana minn xi ħames sulari għoli u ġiet fuq mara ftit metri bogħod minni. B’ xorti tajba din id-diżgrazzja ma kienitx fatali u minkejja li l-mara ttieħdet l-isptar, intbagħtet lura d-dar wara fit ħin. Bosta perikli oħra jinstabu fit-toroq tagħna u ma nistgħux neliminawhom.

Inżidu l-periklu
Minbarra l-konsum tal-alkoħol u s-sewqan hemm każi oħra fejn il-periklu, għalina u għall-oħrajn, noħolquh aħna stess. Kemm-il darba naraw peruni jsuqu l-karozza u fl-istess waqt jitkellmu fuq il-mowbajl jew agħar minn hekk jibgħatu xi sms? Dawn huma atti illegali li jiġu ippenalizzati meta dak li jkun jinqabad, imma l-pulizija u l-gwardjani lokali ma jitgħux ikunu ma’ kull karozza. Fit-toroq tagħna faċli nitilfu l-konċentrazzjoni meta nkunu qegħdin insuqu, biżżejjed tara riklam jew tilmaħ peruna. Nistgħu nitilfu l-konċentrazzjoni tagħna u dik il-frazzjoni ta’ sekonda tista’ tkun fatali għalina jew għal ħaddieħor.  Anke kelma mingħand persuna li tkun riekna magħna għandha mnejn ittellifna. B’ dan kollu fit-toroq tagħna tajjeb li ma nkunux aħna li nżidu l-periklu fit-toroq tagħna.

Festi bla xorb
Hawn min jaħseb li jekk ma jinxtorobx xorb alkoħoliku ma jkunux iċċelebrati sewwa l-festi tal-Milied. Jien ma nimmaġinax li toħroġ u tixrob biss ilma imma hemm soluzzjoni wkoll għal min joħroġ u jsuq. Ftit ġimgħat ilu kont mistieden tieġ Malta. F’ bar minnhom kien hemm għażla ta’ cocktails li bosta minnhom ma kienx fihom alkoħol. Ħajruni nduq wieħed u jkolli nammetti li ma ridx nemmen li ma kiex fih alkoħol għax kellu togħma tassew tajba. Jien m’inix xi wieħed li niffrekwenta l-barijiet imma nemmen li xarbiet bħal dawn issibhom fil-ħwienet tax-xorb li normalment bosta jfittxu fil-festi. Tkun idea tajba li min se jsuq jixrob cocktail bla alkoħol, wieħed, tnejn u anke tlieta jekk ikollu aptit, imma jkun moħħu mistrieħ li jkun f’qagħda li jsuq u jasal lura d-dar, hu u dawk li jkollu miegħu, qawwijin u sħaħ.
Mhux diffiċli nnaqqsu l-periklu minn madwarna. Kieku kulħadd jagħti sehmu ikollna ħafna iktar paġni fil-gazzetti mimlijin b’ aħbarijiet sbieħ minflok aħbarijiet li jniktuna. Ftit ta’ rieda tajba kull ma hemm bżonn. Mhux matul il-jiem tal-festi biss imma matul is-sena kollha għax il-periklu jinsab ma’ saqajna dejjem u kullimkien.


Fr. Reno Muscat OP

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 28 ta' Diċembru 2013