sabato 23 gennaio 2021

Il-ġurnalist u l-ġurnaliżmu

 

Fl-24 ta’ Jannar niċċelebraw il-festa ta’ San Franġisk ta’ Sales, isqof u duttur tal-Knisja. Huwa patrun tal-istampa kattolika, tal-ġurnalisti, tal-kittieba u tal-awturi. Bħal kull settur ieħor, il-ġurnaliżmu għandu il-qaddis prottettur tiegħu, u xħin taqra jew tisma’ b’dak li jgħaddu minnu dawn it-talin tasal tgħid li għandhom bżonn l-għajnuna ta’ qaddis. Illum, lejlet il-festa ta’ dan il-qaddis, ħsiebi mar fuq Il-ġurnalist u l-ġurnaliżmu.

Ġurnalisti

Hawn Malta għandna ġurnaliżmu limitat minħabba ċ-ċokon ta’ pajjiżna u s-suq żgħir li l-aħbar issib. Madanakollu xorta waħda hawn numru ta’ ġurnalisti tajbin li jafu xogħolhom sew u jippruvaw iwettquh bl-akbar reqqa u serjertà. Iżda jkollna nammettu li l-istampa ħielsa u indipendenti f’Malta hija ftit li xejn. F’pajjiżna jew ikollok kamra tal-aħbarijiet ta’ partit politiku jew tal-Knisja jew xi oħra li jkollha xi aġenda. Din hija r-realtà fil-ġurnaliżmu ta’ pajjiżna. Ma nagħtix tort lill-ġurnalist imma nagħti t-tort lis-sistema jew lill-mentalità ta’ ħafna minna l-Maltin li l-politika partiġġjana saret il-fidi, it-twemmin, ir-reliġjion tagħna. Il-ġurnalist minkejja li jagħmel xogħlu b’passjoni u mħabba, fl-aħħar mill-aħħar għandu famija fuq spallejh u għalhekk jaħdem biex jaqla’ biċċa ħobż għalih u għall-familja. Minħabba dan, il-ġurnalist ma jistax ikun liberu għax irid jimxi mal-aġenda ta’ min iħaddmu. Għalhekk anke f’pajjiżna ġieli rajna ġurnalisti li minn kamra tal-aħbarijiet imorru jaħdmu f’oħra u jinbidel it-ton ta’ kliemhom. Dan ma jfissirx li ġurnalist ma għandux ikollu opinjoni personali iżda jaqbel jew ma jaqbilx, ikollu jifrex it-tapit għal min iħaddmu u aħbar iwassalha lil min jisma’ skont kif ikun jixtieq l-imgħallem tiegħu. Wara kollox, fl-aħħar tax-xahar, il-paga mingħand min iħaddmu jirċeviha u allura ma jistax joħodha kontra tiegħu. Dan ma jfissirx li ma hawnx lok għal awtokritika.

Ħbieb tiegħi

Meta madwar 17-il sena ilu bdejt nikteb spiss fuq dan il-ġurnal, is-superjuri tiegħi xtaqu li nagħmel kors fil-ġurnaliżmu. Jien ilqajt din il-proposta bil-qalb u għamilt baċellerat f’din ix-xjenza ta’ komunikazzjoni fil-Belt Eterna - Ruma. Hemmhekk bdejt l-isgtudji ma’ grupp ta’ mija u tmenin student imma fit-tielet sena spiċċajna madwar erbgħin. Illum fost il-kollegi universitarji li kelli, hemm min jaħdem mar-Rai u mar-Radju tal-Vatikan. Hemm min minkejja li ġab il-baċellerat, ħadem f’kamp ieħor. Hemm min saħansitra ħalla l-Italja u mar jgħix l-Amerika.

Ma’ dawn ma nistax ma nsemmix il-ġurnalisti Maltin li wkoll matul is-snin saru ħbieb tiegħi wkoll. Insellem lil dawn il-ħbieb li l-ġurnaliżmu laqqagħni magħhom u llum sirna nafu lil xulxin, nibgħatu l-awguri lil xulxin, nistaqsu għall-membri tal-familji ta’ xulxin, nieqfu nitkellmu meta niltaqgħu fit-triq, jew f’xi festa!

Lil dawn il-ħbieb kollha nawguralhom il-festa t-tajba u jalla San Franġisk ta’ Sales jieqaf magħhom.

Ġurnaliżmu u ġurnaliżmu

Mhux kull ġurnaliżmu huwa l-istess. Lanqas f’pajjiżna ma huwa kollu l-istess. Mhux qed ngħid għal dawk l-aħbarijiet li fuq stazzjon jgħidu li ħaġa hija bajda u l-istess aħbar fuq stazzjon ieħor tismagħha tixxandar li dik l-istess ħaġa mhix sewda. Fil-verità jkun qed jingħad l-istess ħsieb iżda bi kliem differenti.  Fil-kontenut tkun l-istess aħbar imwassla lil min qed jisma’ b’mod li jrid il-kap tal-istazzjon jew kamra tal-aħbarijiet, biex tkun taqbel mal-politika jew l-aġenda tiegħu.

Illum anke f’pajjiżna hawn ġurnaliżmu tad-diskors fuq in-nies, dak li jissejjaħ gossip. Ġurnaliżmu li jirrapporta dak li jkun deher fuq Facebook jew Twitter. Personalment dan ma narahx ġurnaliżmu għax dak li jara l-ġurnalist fuq il-mezzi tal-media soċjali nkunu rajnieh jien u int qabel ma reġa’ xandru hu. Imma din hija tendenza ġdida fil-ġurnaliżmu ta’ pajjiżna wkoll, aħbar li jekk tgħasarha ma jibqa’ xejn minnha, aħbar tad-duħħan, aħbar tal-bigilla. Ikollna ngħidu li dan it-tip ta’ gossiping qed jiżdied u nibża’ li dan jgħin biex il-kwalità tal-intelliġenza tal-qarrej dejjem tibqa’ tonqos! Ma rridx insemmi minn dawn il-psewdo aħbarijiet għax mhux sew, imma nitlob lill-ġurnalisti Maltin biex jekk jogħġobhom jirrispettaw l-intelliġenza tal-poplu kollu!

Il-periklu

Il-ġurnalist ġieli jħabbat wiċċi mal-periklu. Qiegħed nitkellem dwar il-ġurnaliżmu internazzjonali, dak il-ġurnalist li jintbagħat fuq il-kamp tal-gwerra, fuq quddiem tal-irvellijiet, fost it-terroristi, biex jien u int naqraw jew nisimgħu dak li qed jiġri fid-dinja. Skont il-Committee to protect journalists kien hemm 30 ġurnalist li tilfu ħajjithom fl-2020 li 21 minnhom inqatlu direttament waqt il-qadi ta’ dmirhom. Dan in-numru huwa aktar mid-doppju tas-sena ta’ qabel. L-aktar pajjiżi perikolużi għall-ġurnalisti kienu l-Messiku u l-Afganistan. Dan it-tagħrif ħadtu min-New York Times tat-22 ta’ Diċembru 2020. Hawn naraw kemm il-ġurnalist jista’ jkun f’periklu biex jaqdi dmiru sewwa. Tassew li jkun hemm ġurnalisti li jkunu ġew assassinati minħabba xi storja oħra, imma l-biċċa l-kbira jinqatlu fuq xogħolhom.

Illum ma stajtx ma naqsamx magħkom dawn il-ħsibijiet dwar dak il-ħaddiem li bis-saħħa tiegħu l-aġenziji tal-aħbarijiet iwasslu lilna dak li jkun qed jiġri fid-dinja kollha.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 23 ta' Jannar 2021





Nessun commento:

Posta un commento