Fost il-ħafna annimali li l-bniedem iddomestika u daħħalhom jagħmlu parti
mill-ħajja tiegħu nsibu l-kelb. Forsi dan huwa l-aktar annimal domestiku maħbub
min-nies tant li jissejjaħ l-akbar ħabib tal-bniedem. Illum aktar minn qabel
saret dehra komuni tara lil xi ħadd biċ-ċinga tal-kelb f’idu. Ħaġa sabiħa oħra
hi li f’pajjiżna l-klieb li jiġġerrew barra donnhom għabu u sparixxew. Mhux
l-istess nistgħu ngħidu għal pajjiżi oħra. Hu x’inhu l-kelb huwa annimal li
mhux biss iservi ta’ għajnuna għall-bniedem imma wkoll iservi ta’ kumpanija.
Oriġini
Il-kelb huwa annimal mill-familja tal-lupi u aktarx li huwa l-ewwel annimal
karnivoru li ġie ddomestikat. Madanakollu il-ġenetika tal-kelb tal-lum hija
mbegħda mhux ħażin mill-ġenetika tal-lupu modern. Dan kollu huwa xogħol
l-evoluzzjoni li firdet li dawn il-familji minn xulxin. Xjenzati moderni llum
isostnu li l-kelb u l-lupu tal-lum ma humiex tal-istess razza u li l-antenati
tal-kelb kienu lupi li llum ma għadhomx jeżistu fid-dinja. Intant inħallu
x-xjenza għax-xjenzati u aħna nkomplu naraw xi ħaġa fuq il-kelb.
Tagħna jew mhux
Fost ir-razez ta’ klieb insibu l-kelb Malti. Dan il-kelb kien popolari
ħafna kemm fil-Greċja Antika kif ukoll f’ Ruma tal-qedem tant li aktarx li
l-kelb tal-filosfu Aristotli kien tar-razza Maltija. Huwa kelb sufi abjad li
jħobb il-fsied. L-istoriku Grieg Strabone jgħid li dan il-kelb oriġina f’Malta
u għalhekk jissejjaħ hekk. Il-poeta Ruman Marku Valerju Marziale jgħid li ħabib
tiegħu bl-isem ta’ Publju kellu kelb ta’ din ir-razza bl-isem ta’ “Issa”. Hemm
min jemmen li l-ħabib ta’ Marku Valerju ma kien ħadd għajr Publju, il-gvernatur
Ruman tal-gżira ta’ Malta li laqa’ għandu lil San Pawl.
Minkejja isem dan il-kelb, huwa fatt kurjuż li l-kelb nazzjonali ta’ Malta
ma huwiex il-kelb Malti imma l-kelb tal-fenek. Dan tal-aħħar minkejja li huma
magħruf bħala Pharaoh hound, ma għandu x’jaqsam xejn la mal-Fargħun u lanqas
mal-Eġittu imma huwa kelb purament Malti. Biex ngħidu s-sewwa għall-klima ta’
pajjiżna aktar ikun għal qalbu l-kelb tal-fenek milli dak bl-isem ta’ Malta.
Fi ċkuniti kienu popolari ħafna s-sensiliet televiżivi bi klieb bħala
protagonisti. Niftakar lil Lassie, lil Rin Tin Tin, Sergeant Rex u ma nistgħux
ma nsemmux il-karattri animati ta’ Pluto u Droopy li kienu wkoll klieb.
Minbarra sensiliet, matul is-snin kien hemm diversi films bi klieb bħala
artisti bħal ngħidu aħna Benji, 101 dalmations, Beethoven, Lady and the Trramp
u Turner and Hooch. Dawn ma humiex l-uniċi films imma xi wħud mill-aktar
popolari. Il-kelb huwa annimal kapaċi jiftakar dak li jkun mgħallem u għalhekk
mhux daqstant diffiċli li jsir film b’xi kelb bħala protagonist.
Ta’ għajnuna
Il-kelb huwa wkoll annimal li jgħin lil bniedem. Forsi pajjiżna ma
nużawhomx, imma l-kelb tar-razza ta’ San Bennard huwa utli ħafna f’pajjiżi fejn
jagħmel is-silġ. F’pajjiżna mdorrijin naraw klien f’idejn il-pulizija. Fil-fatt
il-korp għandu s-sezzjoni tal-klieb tiegħu. Dawn huma klieb imħarrġa tajjeb
biex jgħinu lil pulizija fi dmirhom kontra l-kriminalità. Mhux hekk biss,
il-klieb tal-pulizija ġieli kienu stumetali biex tinstab xi persuna f’kaz ta’
xi diżgrazzja.
Klieb li tassew huma ta’ għajnuna kbira huma dawk li jmexxu lil xi persuna
nieqsa mid-dawl. Dawn jitħarrġu biex imexxu lil sidhom fit-triq bla ebda
periklu ta’ xejn. Dan l-aħħar smajna li
hawn razza ta’ klieb li ġew imħarrġa biex ixommu lil dawk li jkollhom il-virus
tal-Covid19 u skont esperti jingħad li dawn huma professjonali f’xogħolhom u
jagħtu r-riżultat dak il-ħin stess. Dan kollu huwa frott is-sens qawwi tax-xamm
li għandhom il-klieb.
Kelb jista’ jintuża għal attivitajiet sportivi bħalma huma t-tlielaq tal-klieb
kif ukoll huma s-sieħeb fidil tal-kaċċatur.
Illum dorna dawra ħafifa fuq l-annimal li jissejjaħ l-akbar ħabib
tal-bniedem. Minkejja li fil-Malti l-kelma “Kelb” għandha tifsira li bniedem
ikun kattiv, nafu li l-kelb ta’ veru ma hu kattiv xejn. Il-kelb huwa annimal li
lest jissogra ħajtu għal sidu, żgur li mhux kattiv.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 30 ta' Jannar 2021
Nessun commento:
Posta un commento