Żgur li ħafna minnha ġieli bdew xi kollezzjoni ta’ xi ħaġa. Aktarx li meta
konna tfal ilkoll konna nġemmgħu xi ħaġa jew oħra. Forsi konna nixtri
r-ritratti tal-plejers tal-futbol u nwaħħluhom f’album u sena wara sena nibnu kollezzjoni
ta’ dawn l-albums. Il-bniet aktarx ma kinux iġemmu dawn ir-ritratti u għalhekk
kelli l-impressjoni li l-kollezzjonijiet huma aktar marbutin mas-sess maskil,
iżda maż-żmien indunajt li kont żbaljat.
Bolli
Aktarx li l-akbar kollezzjonisti huma dawk tal-bolli. Billi kull pajjiż għandu s-servizz postali tiegħu, joħorħu bosta settijiet ta’ bolli madwar id-dinja kollha u għalhekk faċli wieħed, jew waħda, jitħajjar jibda dan id-delizzju tat-tifdil tal-bolli. Malta għandna fama li joħorġu bolli varjati u sbieħ u għalhekk huma mfittxija mill-filatelisti, kif jissejħu dawk li jġemmgħu l-bolli. Il-Belt tal-Vatikan ukoll toħroġ għadd tal settijiet ta’ bolli ta’ kull sena u jingħad li dawn huma sors ta’ dħul biex jitħallsu l-ħaddiema li jaħdmu ma’ din il-belt stat.
Il-filatelisti jfittxu dak li jissejjaħ il-first day cover, jiġifieri li
l-bolli tagħhom ikollhom it-timbru fuqhom bid-data tal-jum li ħarġu
fiċ-ċirkolazzjoni. B’timbru bħal dan, il-valur tal-bolla jiżdied. Waħda
mill-akbar kollezzjonijiet tal-bolli nsibuiha fl-Istati Uniti. Hemmhekk hemm
mużew mimli b’xejn inqas minn sitt miljun bolla minn madwar id-dinja kollha.
Muniti
Kollezzjoni oħra wkoll popolari hija dik li tissejjaħ numismatika, li
tfisser it-tifdil tal-muniti ta’ flus. Ngħid għalija kull meta nsiefer għadni
sal-lum niġbor xi muniti tal-post li nżur u nżommhom f’kaxxa. Mhux qed ngħid li
għamndi xi kollezzjoni prezzjuża, imma lili tfakkarni fil-pajjiżi li nkun żort.
Illum billi parti kbira tal-Ewropa hija fiz-zona Ewro, tlift xi ftit mill-interess,
biss anke l-Ewro jista’ jifforma parti minn kollezzjoni ta’ muniti għax wara
kollox quddiem huma kollha xorta biss fuq wara kull pajjiż għandu d-disinn
tiegħu, Barra minn hekk minn żmien għal żmien jinħarġu muniti ta’ żewġ Ewro
biex jitfakkar xi avveniment u allura tinħareġ munita differenti fuq wara
tagħha.
Tajjeb insemmu xi kollezzjonijet famużi fid-dinja. F’Washington DC insibu
n-National Numismatic Collection li fiha aktar minn miljun u sitt mitt elf
munita differenti. F’San Pietruburgu, sewwasew fil-mużew insejjaħ Eremitaġġ,
(li dwaru kont ktibt artiklu f’dan il-ġurnal fl-14 ta' Ottubru 2017) insibu
kollezzjoni ta’ muniti li fiha madwar miljun u mija u ħamsa u għoxrin elf
biċċa. Insemmi wkoll il-mużew Brittaniku fejn hemm madwar miljun munita.
Bajd
La semmejt San Pietruburgu ma nistax ma nsemmix il-mużew li jissejjaħ
Faberge. Dan huwa l-post fejn wieħed jista’ jara kollezzjoni ta’ bajd mhux
tat-tiġieġ jew ta’ xi għasfur ieħor imma bajd taċ-ċeramika jew ta’ xi materjal
prezjuż li tant huma popolari ġewwa r-Russja. Dan il-bajd hemm minnu mżejjen
b’deheb u ħaġar prezzjuz li ħafna minnu kien xi riġal ta’ xi peruna li
tappartjeni għall-familji rjali tal-pajjiż. Dawn il-bajd kienu kollha maħdumin
mid-ditta ta’ Gustav Faberge u għalhekk dan il-mużew iġib ismu.
Santi
F’dan il-qasam ukoll hawn kollezzjonijet ta’ livell għoli li llum nistgħu
nsejħulhom patrimonju. Aktar ma jgħaddi żmien dawn is-santi aktar qed isiru
rari. Jien niftakar li meta konna tfal kull qasam tal-Museum kien ikollu
daqsxejn ta’ vetrina li fiha jkun hemm is-santi għall-bejgħ. Naħseb li din il-ħaġa
llum ma għadekx issibha.
Ta’ kollox
Kieku kelli nibqa’ nikteb dwar kollezzjonijiet li nsibu fid-dinja lanqas
qatt ma nieqaf għax tant hawn min ifaddal ħwejjeġ differenti: arloġġi, tazzi,
fliexken, inbid, statwi, pupi tal-kostum, armi, ash trays, key rings, ikoni,
basktijiet tal-plastik, li llum naqsu ħafna mill-idejn, tappijiet tal-fliexken
tax-xorb minerali, pakketti tas-sigaretti, kaxxi tas-sulfarini u nsomma nistgħu
nibqgħu sejrin bil-lista u ma nispiċċaw qatt.
Kollezjoni tista’ tibda minn xi ħaġa ċkejkna, anzi, aktarx li b’hekk tibda,
imma naqra naqra, ħaġa wara ħaġa tista’ tinbidel f’kollezzjoni interessanti u
forsi anke prezzjuża. Il-kollezzjonist tant jidħol fl-ispirtu tal-kollezjoni li
jibda jixxennaq li jkompli jkabbar il-kollezzjonin tiegħu. Kollezzjoni tista’
tkun ukoll passatemp.
U inti tfaddal xi ħaġa? Jekk le, ipprova ibda kollezzjoni ta’ xi ħaġa.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 16 ta' Jannar 2021
Nessun commento:
Posta un commento