Visualizzazione post con etichetta edukazzjoni. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta edukazzjoni. Mostra tutti i post

sabato 23 novembre 2024

Edukazzjoni

Meta ngħidu “Edukazzjoni” nistgħu nkunu qed nirreferu għal żewġ ħwejjeġ differenti. Bniedem jista’ jkun edukat għax iġib ruħu sewwa, jaf u jimxi mal-manjieri t-tajba u bniedem jista’ jkun edukat għax ikollu livell ta’ skola.

Etikett

L-edukazzjoni tista’ tidher fl-etikett. Bniedem edukat fl-imġieba tiegħu juża l-etikett. L-etikett jiġbor fih ir-regoli u l-użanzi tajbin kollha li kull persuna għandha ssegwi f’diversi sitwazzjonijiet pubbliċi, kemm jekk huma mumenti partikolari fil-ħajja ta’ kull individwu bħal ngħidu aħna tiġijiet, festini jew anke f’każi ta’ luttu kif ukoll f’sitwazzjonijiet aktar komuni, bħal ikliet f’ristorant, laqgħat u hekk.

Il-kelma etikett, kif ukoll it-tifsira tagħha, għandhom l-oriġini tagħhom fix-xogħol miktub minn Monsinjur Giovanni Della Casa, ippubblikat wara mewtu fl-1558 u intitolat, preċiżament, Galateo overo de' costumes. Tajjeb ngħidu li l-etikett bit-Taljan jissejjaħ ukoll Galateo. F’dan it-trattat, li għandu l-forma ta’ djalogu Platoniku bejn l-awtur innifsu u n-neputi żgħir tiegħu Annibale, il-monsinjur jitkellem dwar id- drawwiet tajbin kollha, ir-regoli li sa issa ma kinux għadhom miktuba dwar l-imġieba u d-drawwiet li raġel tal-klassi tiegħu kellu jsegwi, il-manjieri tajbin kollha li tgħallem matul ħajtu bħala diplomatiku u bniedem tal-Knisja. Illum il-ġurnata, l-etikett kif isemmih Monsinjur Della Casa ma jeżistix: id-drawwiet evolvew u, mal-medda taż-żmien, kull parir miktub minn dan il-bniedem jidher li ġie sostitwit jew mitmum. Dan, madankollu, ma jfissirx li m'għadx hemm xi regoli li għandek issegwi: l-etikett qed jevolvi kontinwament u jirnexxilu jgħaqqad kemm esperjenzi ġodda kif ukoll użanzi qodma. Jekk, għalhekk, jinbidel fis-sustanza tiegħu, l-iskop tal-etikett huwa dejjem l-istess: rispett għall-oħrajn, koeżistenza pjaċevoli bejn l-individwi u soċjetà aktar armonjuża għall-ħajja tajba ta' kulħadd.

Fil-ħajja ta’ kuljum

Għal xiex japplika l-etikett illum? Anke skont it-tifsira l-ġdida tiegħu, l-etikett għandu jiġi adottat għal kull azzjoni tal-ħajja ta' kuljum, billi tibda minn fuq il-mejda: kif tiekol, kif tuża l-pożati, x'għandek tagħmel meta tkun mistieden u kif iżżomm konversazzjonijiet bejn il-ħbieb. Dawn kollha jaqgħu f'din il-kategorija. Ma jonqsux ukoll regoli għal kull aspett soċjali, mir-relazzjoni mal-ġirien għal diversi avvenimenti bħal ngħidu aħna tiġijiet l-ewwel nett. Fil-fatt, it-tiġijiet huma wieħed mis-suġġetti li għalihom ħafna nies jagħtu attenzjoni akbar minn avvenimenti oħrajn. Biss f'ambjenti aktar informali ma għandux jintesa lanqas l-etikett.

Tagħlim

L-edukazzjoni tfisser ukoll dik il-bagalja ta’ tagħlim li bniedem jakkumula permezz tal-istudju. Il-kelma edukazzjoni ġejja mill-verb Latin educĕre li jfisser tiġbed il barra. It-terminu edukazzjoni huwa marbut mill-qrib ma’ dak tal-pedagoġija, dixxiplina li, skont it-tifsira moderna, tittratta l-istudju sistematiku. Fil- Greċja tal-qedem, jiġifieri madwar 400 qabel Kristu, is-sistema edukattiva msejħa paideia f'Ateni u agoghé fi Sparta, kienet tinvolvi mhux biss istituzzjonijiet edukattivi iżda kienet tikkonċerna dwar il-parteċipazzjoni fil-kultura Griega kollha kemm hi. Skont il-filosofija Sokratika - Platonika, it-tagħlim mhu xejn ħlief li “jiġbed” għarfien, li diġà jeżisti fl-individwu u li jrid “jinħareġ” permezz ta’ proċess xieraq. Mela għalhekk educĕre, tiġbed il barra t-tagħlim mill-individwu.

Edukazzjoni bi dritt 

L-edukazzjoni hija dritt rikonoxxut universalment. Għall-edukazzjoni formali b'mod partikolari, hemm regoli li jistabbilixxu garanziji preċiżi. Fuq livell globali, l- istati membri tal-Ġnus Magħquda ffirmaw id- Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-1948 li, bl-artikolu 26, tiggarantixxi d-dritt għall-edukazzjoni. Il-UNESCO stabbiliet fl-1960 li parti importanti mid-dritt għall-edukazzjoni tikkonsisti fin - nuqqas ta' diskriminazzjoni. F-1966 il-Patt Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICESCR) jafferma mill-ġdid id-dritt għall-edukazzjoni għal kulħadd. Fuq livell Ewropew mill-1953 il-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali bl-artiklu 2 tal-ewwel protokoll, jobbliga lill-pajjiżi firmatarji kollha li jiggarantixxu forom xierqa ta’ edukazzjoni għaċ-ċittadini tagħhom. Dan id-dritt huwa wkoll garantit mill-Karta Soċjali Ewropea tal-Kunsill tal-Ewropa, iffirmata fl-1961 u riveduta fl-1996. Fuq livell nazzjonali, kważi l-pajjiżi kollha għandhom leġiżlazzjoni li tiggarantixxi forom fundamentali ta’ edukazzjoni liċ-ċittadini tagħhom, anke jekk mhux kollha kapaċi japplikawhom bis-sħiħ. Il-Kostituzzjoni ta’ Malta tgħid hekk: “L-edukazzjoni primarja għandha tkun obbligatorja u fl-iskejjel tal-Istat għandha tkun bla ħlas. L-istudenti kapaċi u meritevoli, ukoll jekk mingħajr risorsi finanzjarji, għandhom dritt li jilħqu l-ogħla gradi ta’ edukazzjoni.” Dan insibuh f’Kapitlu II tal-Kostituzzjoni fejn jiġu trattati il-prinċipji tal-istat Malti.

Edukazzjoni u Edukazzjoni

Rajna ż-żewġ tifsiriet ta’ Edukazzjoni u rajna kif waħda mhux bil-fors tiġbed lill-oħra. Fil-verità ġieli ngergru li jkun hemm nuqqas ta’ edukazzjoni minn ċerti persuni ta’ livell ta’ edukazzjoni. Le dan mhux logħob bil-kliem, imma ħsieb profond. Importanti li dawn iż-żewġ karattri ta’ edukazzjoni jimxu id f’id, dejjem flimkien.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 23 ta' Novembru 2024




venerdì 24 novembre 2017

Ir-rispett lejn il-Pulizija

Persuna li fi tfultina kellha rispett kbir minna kienet dik tal-membru tal-Korp tal-Pulizija. Il-kbar kienu jgħallmuna li għandu jkollna rispett lejn dawn il-persuni għax bis-saħħa tagħhom tinżamm l-ordni fil-pajjiż. Kienu jgħidulna li jekk jinqala’ xi ħaġa għandna morru għandhom, jekk inkunu f’xi post iffullat u nintilfu għandna nfittxu pulizija biex jerġa’ jsibilna lill-ġenituri tagħna. Fi ftit kliem nistgħu ngħidu li fina tnissel sens ta’ rispett lejn l-uniformi. Mhux lejn il-libsa imma lejn il-persuna li tilbisha u lejn il-ħidma li twettaq.

Niftakar li meta konna żgħar kellna anke ktieb, wieħed minn sensiela, li tiddiskrivi għadd ta’ xogħlijiet, li kien iddedikat lill-pulizija. Dan kien ikompli jkabbar fina is-sens ta’ rispett lejn min ikun f’dan il-mestier.

Storja fl-isem
Il-kelma pulizija ġejja mill-kelma Griega πολιτεία  (politeía). Kelma Griega oħra, qrib din il-kelma hija πόλις (pólis). Minkejja li dawn iż-żewġ kelmiet jixxiebħu ma jfissrx li huma l-istess. L-ewwel waħda tfisser gvern, mexxej ċivili filwaqt li t-tieni kelma tfisser belt-stat. Billi ma humiex l-istess ħaġa xorta hemm rabta bejn il-mexxej u l-belt għax huwa l-persuna li jmexxi l-ordni fil-belt jew il-pajjiż. Minn din il-kelma Griega ħarġet il-kelma Latina politia, li bejn wieħed u ieħor għandha l-istess tifsira u maż-żmien nibtet il-kelma pulizija, police bl-Ingliz, polizia bit-Taljan, police bil-Franċiż, polizei bil-Ġermaniż, policía bl-Ispanjol u nistgħu nibqgħu sejrin hekk. Kważi l-ilsna kollha ħadu terminu għal dak il-mestier li qegħdin nitkellmu dwaru mill-kelma Griega.

Nistgħu ngħidu li llum fid-dinja kollha, fil-pajjiżi kollha, mhux dawk biss żviluppati, insibu l-korp tal-pulizija għaż-żamma tal-ordni. Id-data uffiċjali tat-twaqqif tal-Korp tal-Pulizija f’ Malta hija t-12 ta’ Lulju 1814.

Għaqda
Minħabba n-natura ta’ dan ix-xogħol mhux kulħadd jaqbel li huma jkunu f’union. Il-ħidma tal-pulizija mhix strettament militari imma lanqas huma Boy Scouts. (Bir-rispett kollu lejn l-Iscouts – għaqda li tant għandi għal qalbi u li fiha għaddejt uħud mill-isbaħ snin ta’ żgħożiti!) Wara kollox dan huwa xogħol li minkejja li huwa differenti minn xogħlijiet oħra, xorta għandek bniedem tad-demm u l-laħam taħt il-qoxra tal-uniformi, xorta għandek lill-persuna umana li għalkemm bħala pulizija tibqa’ 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa, xħin tlesti dmirha, tmur id-dar u ssib il-familja, lill-omm u l-aħwa jekk ġuvni jew xebba, issib lill-mara jew lir-raġel u lit-tfal jekk dak li jkun ikollu l-familja tiegħu. Għalhekk personalment naqbel li l-pulizija jkollhom union. Tajjeb ukoll li ma jkunx hemm il-monopolju, sewwasew bħal fil-każ ta’ Malta, fejn hemm żewġ unions fejn jistgħu jissieħbu l-pulizija.

Pulizija agrediti
Fi tfulitna meta konna nisimgħu li xi ħadd ħebb għal xi pulizija konna nqisu dan l-att bħala wieħed gravi. Mhux biss attakk fiżiku imma anke jekk persuna ttajjar il-beritta ta’ pulizija kien meqjuż bħala offiża. Ma nafx jekk kienx hemm xi penali għal min iwettaq dan l-att u jekk kien hemm ma naħsibx li din tneħħet. Iżda llum ma għadniex nisimgħu b’persuni li jtajru l-beritta minn fuq ras xi kuntistabbli, illum l-atti huma wisq aktar gravi, illum l-attakki huma fiżiċi u gravi.

Xbajna nisimgħu u naqraw b’każi fejn membri tal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta jiġu aggrediti għax ikunu qed jagħmlu xogħolhom. Xbajna naqraw b’pulizija li spiċċat l-isptar għall-kura għax xi ħadd għoġbu jieħu l-liġi b’idejh u jidrob lill-kuntistabbli li waqt ħidmietu jiġbidlu l-attenzjoni għal xi kontravinzjoni jew għal xi ksur tal-liġi li jkun għamel. X’nippretendu li kulħadd jieħu l-liġi b’idejh u jagħmel li jrid? Niġu sewwa għax nispiċċaw bħall-ġungla.

Edukazzjoni
Dan l-aħħar qrajna li membru tal-Korp spiċċat l-isptar wara inċident quddiem il-Junior College fl-Imsida. Xi studenti kienu qed jifirħu, kienu qed jiċċelebraw, imma ejjew inkunu rġiel: biex tiċċelebra hemm għalfejn tispiċċa ċċappas iċ-ċelebrazzjoni tiegħek? Kieku ma seħħx dak li seħħ ma kienx ikun aħjar? Hu x’inhu dak li ġara ġara u se jibqa’ miktub bla ma jista’ jitħassar qatt.

Biss jiena ma nagħtix it-tort kollu lill-istudenti f’dan il-każ. It-tort il-kbir huwa tal-istruttura kollha, fejn il-poplu kollu ma għadux iħoss ripsett lejn il-membri tal-korp. Illum ma għadniex inħarsu lejn l-uniformi imma qed inneżżgħu lill-kuntistabbli u narawh bħala bniedem bħalna. Tassew li huwa bniedem bħalna imma bniedem b’missjoni!

Hemm bżonn li l-pulizija terġa’ tingħata d-dinjità li kellha darba. Hemm bżonn li l-affarijiet jitranġaw minn fuq, anzi minn fuq nett. Hemm bżonn li jekk pulizija jaqdi dmiru u jiġi agredit (u anke jekk le), isib min jagħtih appoġġ, min ikun ta’ spalla għalih, min ikun warajh. B’hekk dak il-pulizija, li wara kollox qiegħed fuq xogħlu mhux b’passatemp imma biex jaqla l-biċċa tal-ħobż, jagħmel dmiru sewwa: kif jixraq lilu u kif jixraq lilna ċittadini ta’ pajjiż ċivilizzat.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 25 ta' Novembru 2017





venerdì 17 febbraio 2017

Etikett

Il-mod kif wieħed għandu jġib ruħu ta’ nies quddiem in-nies insejħulu “Etikett”. L-etikett juri x’aħna, l-etikett juri il-livell ta’ soċjetà li ġejjin minnha. L-etikett huwa l-imġieba soċjali tagħna. Billi aħna l-Maltin għexna għal snin twal mal-Ingliżi, ħadna ħafna mill-etikett, mid-drawwiet tajba tagħhom, iżda ma nistgħux ngħidu li qatt wasalna biex nilħqu l-eċċellenza tagħhom fejn jidħol dan il-qasam.

Mill-Franċiż
Il-kelma “Etikett” hija kelma Franċiża: étiquette, li sewwasew ma għandha x’ taqsam xejn mal-mod kif inġibu ruħna. Din il-kelma tfisser tikketta jew tabella. Lejn nofs is-seklu XVIII l-Inġliżi bdew jużaw din il-kelma fis-sens modern li nużawha aħna wkoll. Aħna ħadna l-kelma mingħand l-Ingliżi. Ma użajniex il-kelma Taljana. It-Taljani jużaw il-kelma “Galateo” jew “Bon ton” biex ifissru dak li aħna nifhmu b’ etikett. Illum il-ġurnata anke l-Franċiżi jużaw il-kelma étiquette mhux biss għat-tabella ta’ mal-bagalja tas-safar jew it-tikketta ta’ mal-flixkun iżda anke għall-mod kif wieħed iġib ruħu fis-soċjetà. U jekk taħseb ftit din hija kelma adattata ħafna għax il-mod kif iġġib ruħek jagħtik tikketta ta’ dak li int.

Eżempji
Fi ċkunitna konna nistudjaw materja li llum ma nemminx li għadha tiġi studjata fl-iskejjel tagħna. Aħna kellna l-istudju soċjali. Parti minn din il-materja kienet tinkludi kif wieħed għandu jġib ruħu f’ għadd ta’ sitwazzjonijiet. Ejjew inġibu eżempju ta’ ikla f’ restaurant! Ħalli nara kemm niftakar minn dak li tgħallimt!

Il-kamrier dejjem għandu jservi l-ikel min-naħa tax-xellug ta’ dak li jkun bilqegħda filwaqt li jneħħi l-platt il-vojt min-naħa tal-lemin. Is-sarvetta għandha tinfetaħ u tibqa’ miftuħa fuq saqajn dak li jkun. Id-dahar għandu jinżamm dritt mad-dahar tas-siġġu. Dak li jkun qed jistieden, il-kap tal-mejda, għandu jistenna li kull persuna fuq il-mejda tkun servuta qabel jibda jiekol u għandu jkun hu li jibda jiekol l-ewwel. Qabel jisserva t-tieni platt il-kamriera għandhom jaraw li kulħadd lesta mill-ewwel wieħed u li l-platti tneħħew minn fuq il-mejda. Kienu jgħidulna li hija nuqqas ta’ edukazzjoni tiekol il-ħobż bejn l-ewwel u t-tieni platt. L-etikett jitlob li qabel tixrob l-ilma jew l-inbid għandek toffri li timla t-tazza ta’ dawk ta’ ħdejk jekk dawn ikollhom it-tazza vojta.

Meta jkun hemm xi bniedem ġdid mistieden, dan għandu jiġi ppreżentat qabel l-ikla. Din il-persuna għandha tkun preżentata mill-kap tal-mejda. Dak li jkun fuq il-mejda għandu joħroġ idu l-leminija biex jieħu b’ id il-mistieden u mhux il-mistieden joħroġ idu l-ewwel. Meta nieħdu b’ idejn xi ħadd, aħna l-irġiel għandna nqumu bilwieqfa. In-nisa jistgħu jibqgħu bilqegħda biex jieħdu b’ idejn xi ħadd. Meta npoġġu fuq il-mejda għandna npoġġu l-koppji fejn xulxin bla ma nifirduhom u raġel ikollu raġel ieħor quddiemu u mara jkollha mara oħra quddiemha biex hekk ikunu jistgħu jitkellmu bil-libertà kollha.
Dawn huma biss ftit. L-etikett nużawh f’ kull ħin u f’ kull waqt tal-jum. Fit-triq, fil-ħanut, fuq tal-linja, fuq ix-xogħol, waqt li nkunu qed insuqu (mhux li kien nużawh!!) Aħjar nieqaf għax qed jiġuni aktar sitwazzjonijiet li tgħallimna nġibu ruħna fihom xi erbgħin sena ilu!

Il-prattiċità
Illum il-ħajja mgħaġġla u ma għadiex dik li kienet snin ilu. Il-laqgħat soċjali saru aktar numerużi, l-ikliet fil-ħwienet tal-ikel ma għadhomx biss xi okkażjoni rari iżda saru parti mill-ħajja tagħna. B’ dan l-istil ta’ ħajja lanqas nimmaġinaw li mmorru nieklu u nżommurettament ir-regoli tal-etikett li semmejt aktar il fuq. Irridu nkunu prattiċi. Iżda li tkun prattiku ma jfissirx li tkun maledukat.

Kultant il-maledukazzjoni hija frott tan-nuqqas ta’ ħsieb. Immaġina tkun f’ restaurant fejn fuq il-mejda ta’ ħdejk ikun hemm familja bit-tfal. Dawn jibdew iwerżqu, jgħajtu u jiġru ’l hemm u ’l hawn u inti tispiċċa li minflok tieħu gost, tirrovina il-lejla. Żgur li każ bħal dan ma jkunx tort tat-tfal iżda tan-nuqqas ta’ ħsieb ta’ min ikun ħadhom f’ post mhux adattat għalihom.

Evoluzzjoni
L-etikett għadda minn evoluzzjoni. Dak li kien jgħodd mitejn sena ilu ma għadux kollu kemm hu prattiku għal-lum. Drawwiet tbiddlu u magħhom inbidel ukoll l-etikett. Biss żgur li n-nuqas ta’ edukazzjoni qatt ma tista’ tieħu post l-etikett.

Dan l-aħħar qiegħed  ninnota li l-edukazzjoni naqset sew minn fostna. Mhux qed ngħid għall-edukazzjoni taċ-ċertifikati, il-lawri u l-masters għax dawn saru komuni, iżda fejn jidħlu manjieri kultant inħoss li morna l-baħar. Nies li temmew l-istudji tagħhom fl-università, nies li tistenna minnhom ċertu livell ta’ manjieri, ġieli ssib li huma agħar minn dawk li telqu l-iskola ta’ 16-il sena. Mhux qed ngħid li kulħadd hekk, Alla ħares! Lanqas qed ngħid għall-Maltin biss. Sfortunatament qed naraw għemejjel nieqsa mill-etikett minn bosta barranin li jkunu fostna. Mhux sewwa!

Kemm hu sew li nużaw l-etikett f’ ħajjitna, f’ kull sitwazzjoni li nkunu fiha.  Kemm jitnaqqas inkwiet kieku kulħadd ikun jaf il-manjieri t-tajba!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 18 ta' Frar 2017





sabato 16 maggio 2015

Etika u edukazzjoni

Etika hija kelma ġejja mill-Grieg antik li tfisser il-karattru, id-drawwiet, il-mod kif wieħed iġib ruħu. Etika hija wkoll fergħa tal-filosofia li tistudja l-morali. Mill-etika joħorġu bosta friegħi oħra bħal pereżempju il-Bioetika, li hija l-mod li wieħed għandu jġib ruħu dwar il-ħajja. Edukazzjoni jew il-verb teduka ġej mill-kelma Latina educere li tfisser toħroġ dak li hemm ġewwa. Ma tridx wisq biex tinduna li hemm rabta bejn l-etika u l-edukazzjoni.

Influwenza Brittanika
F’ pajjiżna, kull fejn iddawwar wiċċek għandek tara xi ħaġa li tfakkrek li għal 164 sena konna kolonja Brittanika. Minkejja li ftit għadhom jintuża it-telefon pubbliku, għax illum kulħadd bil-mobile, għadna naraw xi gabbana tat-telefon ħamra ’l hawn u ’l hemm. Il-kaxxi tal-posta għadhom ħomor u xi wħud minnhom għad għandhom fuqhom l-arma tar-re jew ir-reġina tal-Ingilterra. Biżżejjed tara s-sewqan tal-karozzi, insuqu fuq ix-xellug tat-triq mhux bħal bosta pajjiżi oħrajn. Kliemna fih bosta Ingliżati, mhux bi ksuħat imma għax hekk imdorrijin. In-numru tal-karozza tal-linja, in numri tat-telefon u l-prezzijiet kollha bl-Ingliż inlissnuhom. Dan ma nagħmluhx bi ksuħat imma għax hekk joħorġu b’ mod spontanju.

Xi ħbieb tiegħi, li ma humiex Maltin, spiss jiċċajtaw u jgħiduli li aħna Brittaniċi u mhux Maltin. Wieħed minnhom meta ġie l-ewwel darba Malta, ftit wara l-wasla tiegħu staqsieni fejn hu l-Big Ben għax kollox kien qisu l-Ingilterra. Ħabib ieħor qalli li ma kienx jaf li aħna nsuqu fuq “in-naħa żbaljata tat-triq”, bħalma jagħmlu fl-Ingilterra. Ċajt ħelu li jġiegħlek tifhem li hemm influwnza Brittanika qawwija f’ pajjiżna u li għandna mnejn lanqas nindunaw biha għax aħna mdorrijin fiha.

Etika Brittanika
Il-mod kif persuna Brittanika normalment iġġib ruħha nafuh sewwa u ma hemmx għalfejn noqgħodu ngħidu wisq dwar il-gentleman Ingliż. Minkejja t-temprament mediterranju tagħna, minkejja li aħna l-Maltin inġenerali qatt ma lħaqna l-livell tal-gentleman Ingliż, lanqas nistgħu ngħidu li ċertu komportament ma tgħallimnihx minn dawk li mexxewna għal tant snin. Il-gentleman Ingliż jinża’ l-kappell biex isellem, il-Malti ma jġorrx kappell allura ma jistax jinżgħu, imma jaf isellem bl-akbar edukazzjoni xorta waħda. Fejn jidħol etikett fil-pubbliku ħadna ħafna mill-Ingliżi.

Fil-pubbliku
Fi ċkuniti, minkejja li ma konniex għadna kolonja, kellna bosta tagħlim dwar kif għandna nġbu ruħna fil-pubbliku. Lil min għandna nirrispettaw aktar minn ħaddieħor u ħwejjeġ minn dawn. Kienu jgħallmuna li meta tkun qiegħed tistenna fil-kju, għandek toqgħod wara min imissek. Ma nistgħux ngħidu li l-kju Malti xi darba kien perfett bħall-kju Ingliż, imma nsomma, kien hemm min jipprova. Kienu jgħidulna li jekk inkunu fuq tal-linja għandna nċedu postna lill-persuni adulti, lill-anzjani jew lin-nisa tqal.

Illum donnhom dawn id-drawwiet ma għadhomx moda f’ pajjiżna. Tkun fejn tkun, tkun ġo liema kju tkun dejjem issib lil min jipprova jaqbżek. Tkun f’ tal-linja tara anzjani bilwieqfa għax il-postijiet riservati għalihom jittieħdu minn min jiflaħ joqgħod bilwieqfa.
Ma’ każi bħal dawn iltqajt bil-bosta. Tkun tistenna tal-linja, tkun l-ewwel wieħed, tagħmel xi għoxrin minuta u tiġi tal-linja, ikun hemm post għal passiġġier wieħed u jieħdu ħaddieħor li jkun għadu kif wasal u li bil-wiċċ tost kollu jaqbżek. 

Naħseb li anke lilkom ġieli ġralkom hekk.

Maltin u barranin
Din in-nuqqas ta’ etika issir mhux biss mill-Maltin. Bosta barranin jaslu l-aħħar fuq l-istejġ u jitilgħu l-ewwel bil-konsegwenza li jkun hemm min jibqa’ l-art minkejja li jkun wasal qabilhom. Min jaħseb li qiegħed nirreferi għal barranin ta’ karaġġjon skur ikun qiegħed jiżbalja bil-kbir. Ġieli kont fuq stejġ u waqqaft lil xi persuni milli jitilgħu qabel ħaddieħor. Naf li jħarsuli bl-ikrah, imma dik hija l-ġustizzja, dik hija l-etika. Tiskanta kif anke bosta studenti Maltin saru jaġixxu b’ dan il-mod, edukazzjoni ta’ xejn.
Forsi naħsbu li huma l-Afrikani li jmorru kontra dak li aħna mdorrijin bih. Rajt jiena stess Afrikani jċedu posthom lil nies anzjani. Mhux kollha tabilħaqq, imma ma nistgħux niġġeneralizzaw. Rajt ukoll Maltin li jpoġġu fil-post riservat għall-anzjani u ma jqumux meta jkun hemm anzjan bilwieqfa.
Inħoss li f pajjiżna qegħdin nitilfu bosta u bosta minn dak li tgħallimna fi ċkunitna. Hemm bżonn ta’ edukazzjoni mill-ġdid. Hemm bżonn ta’ kampanji edukattivi biex ma mmorrux lura.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 15 ta' Mejju 2015



sabato 11 gennaio 2014

L-ilsien Inġliż fuq fomm il-Malti

Bilingwiżmu li qed jintilef


Timesofmalta.com 15 tà Diċembru 2013
Ftit tal-ġimgħat ilu il-ministru tal-edukazzjoni sqarr li jinsab imħasseb bil-livell dejjem jitbaxxa tal-ilsien Ingliż f’ pajjiżna. Naqbel miegħu mija fil-mija li din hija sitwazzjoni inkwetanti; jekk nitilfu l-bilingwiżmu minn pajjiżna nispiċċaw iżolati mill-kumplament tad-dinja. Tabilħaqq li l-ilsien tagħna huwa l-Malti, imma bil-Malti biss kemm nistgħu nimxu ’l quddiem?

L-importanza tal-Inġliż illum
Nitkellmu fuq xiex nitkellmu, llum ma nistgħux ninsew il-globalizazzjoni. Ninsabu f’ soċjetà ikkontrollata mill-mezzi tal-massa. Fuq nett tal-lista ta’ dawn il-mezzi nsibu l-internet. 68% tas-siti kollha li hemm fuq il-World Wide Web huma bl-Ingliż, jiġifieri iktar minn żewġ terżi ta’ dak kollu li hemm fil-web huwa bl-Ingliż. Minn dawk kollha li jużaw l-internet 33% biss jitkellmu bl-Ingliż. (Atlante Geografico De Agostini 2013) Dan juri kemm huma vantaġġjati dawk li jafu dan l-ilsien.

Liema Ingliż
Minkejja li madwar 350 miljun persuna għandhoml-Ingliż bħala l-ilsien uffiċjali ta’ pajjiżhom, u madwar 200 miljun oħra għadhom dan l-isien bħala t-tieni lingwa tagħhom, fosthom aħna l-Maltin, mhux kullimkien huwa mitkellem l-istess. (Curtis, Andy, Color, Race, And English Language Teaching, Shades of Meaning. 2006.)

Kont għadni djaku u kont qiegħed nagħmel servizz ma’ Patri Timothy Radcliffe, Majjistru Ġenerali tad-Dumnikani u kittieb magħruf mad-dinja kollha. Qabel il-quddiesa daħal ikellmu bniedem imma ma setgħax jifhmu. Radcliffe qallu li l-ingliż tiegħu qisu tal-Maltin. Ma kienx jaf li jien Malti għax żgur ma kienx jgħid hekk quddiemi. Indunajt kemm l-Ingliż tagħna l-Maltin jiġi nnutat mill-ewwel u forsi hemm min jitfa’ xi battuta għall-mod kif nużaw l-ilsien tagħhom.

Tal-pepè
Li persuna Maltija titkellem bl-Ingliż minn filgħodu sa filgħaxija mhix ħaġa sewwa lanqas. Persuna bħal din malajr tiġi ittimbrata bħala ‘tal-pepè’. Insibu min jipprova jimpressjona u jfajjar xi sentenza bl-Ingliż u jaħasra kultant ma tkun bl-Ingliż xejn imma tkun Malti bi kliem Ingliż. Din kultant nagħmluha anke bħala ċajta. Ħabib tiegħi m’ilux kiteb fuq facebook: It is going to jump for me. Ovvjament biex jiċċajta kiteb hekk, ried jgħid li kienet se taqbiżlu – kif ngħidu llum. Jien weġibtu li Sometimes even for me Saint Philip comes up! Lili wkoll kultant jitlagħli San Filep.  Iċċajtajna bejnietna mhux għax aħna tal-pepè. Sfortunatament ġieli smajna min jagħffeġ bl-Inġliż bħal “Watch the cars when you divide the street” – Ara l-karozzi meta taqsam it-triq. U povru Shakespear jitqalleb f’ qabru!

Il-ministru
Għandu raġun il-ministru tal-edukazzjoni jgħid li din hija sitwazzjoni inkwetanti. It-tort ta’ dan il-fenomenu għandu mnejn hija l-media lokali li llum toffri biss prodotti lokali. Forsi hawn min jgħid li il-media Taljana toffri biss prodott Taljan, aħna tal-inqas kultant naraw film bl-Ingliż. Veru, imma t-Taljan huwa mitkellem minn 60 miljun ruħ, il-Malti minn ħafna inqas, allura tajjeb li f’pajjiżna jkun hawn il-bilingwiżmu.
Tajjeb li ma nitilfux aktar ħin, tajjeb li din il-kwistjoni tiġi trattata mill-aktar fiss. Tajjeb li ma noqgħdux nintiflu u naħlu ż-żmien naraw ta’ min hu t-tort. Tajjeb li naġixxu. Għadna fil-waqt, lill-uliedna fl-iskejjel għadna nistgħu ngħollulhom il-livell tal-Ingliż tagħhom. Ejjew nibdew kampanja, mhux li nwarrbu l-Malti imma li jkollna ilsien ieħor, ilsien importanti ħafna, li nkunu nistgħu nużaw.

Fr Reno Muscat OP


Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 11 ta' Jannar 2014