Bilingwiżmu li qed jintilef
Timesofmalta.com 15 tà Diċembru 2013 |
Ftit tal-ġimgħat ilu il-ministru tal-edukazzjoni sqarr li jinsab imħasseb
bil-livell dejjem jitbaxxa tal-ilsien Ingliż f’ pajjiżna. Naqbel miegħu mija
fil-mija li din hija sitwazzjoni inkwetanti; jekk nitilfu l-bilingwiżmu minn
pajjiżna nispiċċaw iżolati mill-kumplament tad-dinja. Tabilħaqq li l-ilsien
tagħna huwa l-Malti, imma bil-Malti biss kemm nistgħu nimxu ’l quddiem?
L-importanza tal-Inġliż
illum
Nitkellmu fuq xiex nitkellmu, llum ma nistgħux ninsew il-globalizazzjoni.
Ninsabu f’ soċjetà ikkontrollata mill-mezzi tal-massa. Fuq nett tal-lista ta’
dawn il-mezzi nsibu l-internet. 68% tas-siti kollha li hemm fuq il-World Wide
Web huma bl-Ingliż, jiġifieri iktar minn żewġ terżi ta’ dak kollu li hemm
fil-web huwa bl-Ingliż. Minn dawk kollha li jużaw l-internet 33% biss jitkellmu
bl-Ingliż. (Atlante Geografico De Agostini 2013) Dan juri kemm huma vantaġġjati
dawk li jafu dan l-ilsien.
Liema Ingliż
Minkejja li madwar 350 miljun persuna għandhoml-Ingliż bħala l-ilsien
uffiċjali ta’ pajjiżhom, u madwar 200 miljun oħra għadhom dan l-isien bħala
t-tieni lingwa tagħhom, fosthom aħna l-Maltin, mhux kullimkien huwa mitkellem
l-istess. (Curtis, Andy, Color, Race, And
English Language Teaching, Shades of Meaning. 2006.)
Kont għadni djaku u kont qiegħed nagħmel servizz ma’ Patri Timothy
Radcliffe, Majjistru Ġenerali tad-Dumnikani u kittieb magħruf mad-dinja kollha.
Qabel il-quddiesa daħal ikellmu bniedem imma ma setgħax jifhmu. Radcliffe qallu
li l-ingliż tiegħu qisu tal-Maltin. Ma kienx jaf li jien Malti għax żgur ma
kienx jgħid hekk quddiemi. Indunajt kemm l-Ingliż tagħna l-Maltin jiġi nnutat
mill-ewwel u forsi hemm min jitfa’ xi battuta għall-mod kif nużaw l-ilsien
tagħhom.
Li persuna Maltija titkellem bl-Ingliż minn filgħodu sa filgħaxija mhix
ħaġa sewwa lanqas. Persuna bħal din malajr tiġi ittimbrata bħala ‘tal-pepè’.
Insibu min jipprova jimpressjona u jfajjar xi sentenza bl-Ingliż u jaħasra
kultant ma tkun bl-Ingliż xejn imma tkun Malti bi kliem Ingliż. Din kultant
nagħmluha anke bħala ċajta. Ħabib tiegħi m’ilux kiteb fuq facebook: It is going to jump for me. Ovvjament
biex jiċċajta kiteb hekk, ried jgħid li kienet se taqbiżlu – kif ngħidu llum.
Jien weġibtu li Sometimes even for me
Saint Philip comes up! Lili wkoll kultant jitlagħli San Filep. Iċċajtajna bejnietna mhux għax aħna tal-pepè.
Sfortunatament ġieli smajna min jagħffeġ bl-Inġliż bħal “Watch the cars when you divide the street” – Ara l-karozzi meta
taqsam it-triq. U povru Shakespear jitqalleb f’ qabru!
Il-ministru
Għandu raġun il-ministru tal-edukazzjoni jgħid li din hija sitwazzjoni
inkwetanti. It-tort ta’ dan il-fenomenu għandu mnejn hija l-media lokali li
llum toffri biss prodotti lokali. Forsi hawn min jgħid li il-media Taljana
toffri biss prodott Taljan, aħna tal-inqas kultant naraw film bl-Ingliż. Veru,
imma t-Taljan huwa mitkellem minn 60 miljun ruħ, il-Malti minn ħafna inqas,
allura tajjeb li f’pajjiżna jkun hawn il-bilingwiżmu.
Tajjeb li ma nitilfux aktar ħin, tajjeb li din il-kwistjoni tiġi trattata
mill-aktar fiss. Tajjeb li ma noqgħdux nintiflu u naħlu ż-żmien naraw ta’ min
hu t-tort. Tajjeb li naġixxu. Għadna fil-waqt, lill-uliedna fl-iskejjel għadna
nistgħu ngħollulhom il-livell tal-Ingliż tagħhom. Ejjew nibdew kampanja, mhux
li nwarrbu l-Malti imma li jkollna ilsien ieħor, ilsien importanti ħafna, li
nkunu nistgħu nużaw.
Fr Reno Muscat OP
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 11 ta' Jannar 2014
Nessun commento:
Posta un commento