Is-27 ta’
Jannar iffakkarna x’ ġara fil-kampijiet ta’ konċentrament
Kull nhar is-sebgħa u għoxrin ta’ Jannar niddedikaw jum li nsejħulu jum ta’
tifkira. Tifkira mhux għax għandna biex niċċelebraw xi rebħa jew xi okkażjoni
speċjali, imma tifkira biex il-bniedem ma jinsa qatt x’seħħ ġewwa l-kampijiet
ta’ konċentrament matul it-tieni gwerra dinjija.
Għalfejn dak il-jum?
Intgħażel dan il-jum għax kien fih li fl-1945 it-truppi Sovjetiċi, fi
triqithom lejn Berlin, waslu fil-belt Pollakka ta’ Oświęcim jew kif nafuha aktar: Auschwitz.
Huma sabu l-kamp ta’ konċentrament mibni min-Nażi, il-post li jħammar wiċċ
l-umanità, il-barrakki li fihom seħħew uħud mill-agħar atti kriminali fid-dinja
suppost ċivilizzata. Tassew li dan ma kienx il-ġenoċidju waħdieni li seħħ
fl-istorja tal-bniedem, imma huwa l-aktar wieħed magħruf. It-truppi fetħu
x-xatba ta’ dan il-post ta’ tant qirda biex taw il-ħelsien lil ftit li kienu
għadhom fih u li kienu ħelsuha mill-mewt.
Biex ma ninsew qatt
Fl-1 ta’ Novembru, 2005, il-Ġnus Magħquda għaddiet riżoluzjoni biex
fil-pajjiżi membri tal-organizzazjon
jibda jiġi mfakkar dak li spiss jissejjah is-Shoah, jiġifieri il-qerda tal-poplu Lhudi matul il-gwerra. L-ewwel
darba li kien imfakkar dan il-jum kien fl-2006. L-assemblea ġenerali qalet li
dan huwa jum li jfakkar dak li seħħ biex inżommu għajnejna miftuħin beraħ biex
ma jerġax iseħħ. Huwa wkoll jum li jiftaħ għajnejn id-dinja dwar bosta
intolleranzi li jeżisti madwarna.
Bnedmin bħalna
Il-filosofija tar-razza, jiġifieri li bejn il-bnedmin jeżistu razez
differenti kienet ilha mis-snin tletin tinfirex bejn in-nażisti Ġermaniżi, u
l-faxxisti Taljani kellhom jimxu fuq il-passi ta’ sħabhom. Kien hemm min ħolom bir-razza perfetta,
bir-razza li minnha ħarġu l-bnedmin imsejħin Arjani. Min kien imħallat ma’ xi
razza oħra kien meqjus inpur. Imma dan it-twemmin kien wieħed falz u bla ebda
bażi xjentifika għax minkejja li hawn bnedmin ta’ ġilda bajda jew sewda jew
safra, fl-aħħar mill-aħħar huma lkoll tal-istess razza – ir-razza umana. Kull min
huwa differenti minna ma jfissirx li ma jagħmilx parti mir-razza tagħna. Ħtija
ta’ din il-filosofija id-dinja għadha ssofri minn razziżmu kultant bla sens u
sfrenat. Irridu nammettu li aħna lkoll tal-istess razza u ħadd ma hu differenti
minn ħadd għajr għall-aspett fiżiku.
Tifkiriet
Fil-pajjiż ġar tagħna, l-Italja, il-Lhud batew ħafna matul il-gwerra ta’
nofs is-seklu li għadda. F’ bosta bliet għad hemm irkejjen li jissejħu Getto,
il-post fejn il-Lhud kienu imġegħlin jinġabru. Tkeċċew minn djarhom u ġabruhom
ilkoll flimkien f’ dawn il-Getti. Sa minn qabel ma beda jkun iċċelebrat dan
il-jum, xi komunitajiet ħasbu biex qrabthom maqtulin f’ xi kamp ta’
konċenterament ma jintesewx. Ruma hemm bosta minn dawn it-tifkiriet. Via della
Lungara għandha rħama li tfakkar xi Lhud li kienu deportati minn dik in-naħa.
Jekk tkun għaddej minn Lungotevere Tor di Nona, qrib l-ambaxxata Maltija tara
lapida oħra u jekk tinzerta quddiem il-knisja ta’ San Ġwakkin fi Prati tista’
tara rħama li tfakkar meta grupp ta Lhud staħbew fuq il-bejt ta’ din il-knisja
biex jaħarbu d-destin li kien hemm lest għalihom: il-kamp ta’ konċenterament!
Barra minn hekk fuq bosta bankini tara plakki tar-ram li jfakkru xi persuna li
kienet toqgħod hemm u waqt il-gwerra ttieħdet Auschwitz.
Għalhekk isir din it-tifkira, biex id-dinja ma tinsa qatt dak li seħħ u
biex tara li ma jerġax iseħħ.
Fr Reno Muscat OP
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 25 ta' Jannar 2014
Nessun commento:
Posta un commento