Visualizzazione post con etichetta san martin. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta san martin. Mostra tutti i post

sabato 16 luglio 2022

Knejjes fil-Belt tal-Vatikan

Bla dubju ta’ xejn il-Bażilika ta’ San Pietru hija l-aktar knisja famuża li nsibu f’ Ruma, sewwa sew fil-Vatikan.  Imma ġewwa s-swar li jdawru lil din il-Belt Stat insibu numru ta’ knejjes jew kappelli oħra, xi wħud magħrufa u oħrajn mhux daqstant magħrufin.

Porta Angelica

Sant' Anna
Waħda mid-daħliet f’din il-Belt Stat hija minn dak li jissejjaħ Porta Angelica. Sewwasew kif tidħol minn dan il-bieb issib fuq in-naħa tal-lemin il-knisja ddedikata lil Sant’ Anna. Din il-knisja hija mibnija f’forma ovali fuq disinn ta’ Jacopo Barozzi da Vignola, taħt il-Papa Piju IV għall-ħabta tal-1570. Inbniet mill-Arċikonfraternità tal-Palafrenieri jiġifieri dawk li kienu jġorru is-sedja ġestatorja tal-Papa.  Fis-seklu ta’ wara l-knisja kompliet tissebbaħ bil-faċċata u l-koppla kif ukoll bl-affreski li nsibu ġewwa. Fil-knisja nsibu bosta opri tal-arti tas-seklu XVIII. Il-kwadru titulari li juri lil Sant’ Anna maċ-ċkejkna Marija sar fl-1927 mill-artist minn Siena,  Arturo Viligiardi. Din il-knisja saret il-parroċċa tal-Belt tal-Vatikan fl-1929. Din il-knisja taqdi l-ħtiġijiet parrokkjali taċ-ċittadini tal-Vatikan kif ukoll hija frekwentata ħafna mit-Taljani li joqgħodu qrib Porta Sant’ Anna. Din il-knisja jista’ jżurha kulħadd u ma hemmx bżonn ta’ permess biex tidħol fiha. Il-knejjes kollha l-oħra fil-Belt tal-Vatikan ma humiex aċċessibli għall-pubbliku imma wieħed jista’ jżurhom jekk ikollu l-permess meħtieġ.

San Stiefnu

Knisja oħra li nsibu ġewwa dan l-Istat hija dik ta’ San Stiefnu magħrufa bħala tal-Abbissini. Din tinsab sewwasew wara l-bażilika ta’ San Pietru, bejn il-wesgħa Braschi u Pjazza Santa Marta. Kienet il-knisja ta’ monasteru antik li kien diġa jeżisti fi żmien il-Papa Girgor III, (731 – 741). Il-Papa Ljun III, (795 – 816) isejjaħ din il-knisja bħala << monasterium S. Stephani>> u <<oratorium S. Stephani a sancto Petro>>. Fil-medjuevu l-knisja issejħet b’ ismijiet oħra imma dejjem marbuta mal-qaddis Stiefnu. Fl-1479 il-Papa Sistu IV (1471 – 1484) ta din il-knsija lill-irħieb Kopti u minn dak iż-żmien il-knisja bdiet tissejjaħ b’ għadd ta’ ismijiet bħal San Stiefnu tal-Eġittu, tal-Mori jew tal-Indjani. Fl-aħħar ħadet l-isem tal-Abbisini u għadha magħrufa hekk sal-lum.  Fl-1706 kienet restawrata u ċċekknet. Il-faċċata tal-knisja għadha dik oriġinali u ġewwa l-knisja għadna nistgħu naraw fdal tal-knisja medjevali. Fiha wkoll kitbiet bl-Etjopjan u bl-Għarbi.

Sant’ Eġidju u San Pellegrino

Fi Triq il-Pellegrini, dejjem fil-Belt tal-Vatikan insibu l-knisja ddedikata lil Sant’ Eġidju, magħrufa bħala A Borgo. Ftit li xejn nafu dwar l-oriġini ta’ din il-knisja. L-ewwel dokumenti li jsemmuha jmorru lura għas-seklu XIII u jirreferu għaliha bħala sancti Egidii extra portam Viridariam, jew  extra portam Auream in monte Geretulo, jew inkella extra portam Viridariam in monte Geretulo. Fl-1926 is-sorijiet Franġiskani Missjunarji ta’ Marija  fetħu ħanut tax-xogħol fil-belt tal-Vatikan sabiex jirrestawraw l-arazzi. Din il-knisja ngħatat lilhom sabiex taqdihom fil-ħtiġijiet spiritwali tagħhom.

Fi Triq il-Pellegrini wkoll insibu l-knisja ddedikata lil San Pellegrino. It-twaqqif ta’ din il-knisja jmur lura ħafna fis-snin u nsibuha mniżżla f’ dokumenti tas-seklu VIII. Inbniet madwar is-sena 800 mill-Papa Ljun III (795 – 816). Il-knisja kien jieħu ħsiebha l-Kapitlu tal-Vatikan. Dan il-kapitlu rrestawraha fl-1590. Papa Klement X (1670 – 1676) fl-1671 ta din il-knisja lill-Gwardji Żvizzeri sabiex tkun il-knisja tagħom. Din baqgħet f’ idejn l-Iżvizzeri sal-1977. Ħdejn il-knisja kien hemm sptar għall-pellegrini kif ukoll ċimiterju. Billi l-Gwardji Żvizzeri għandhom knisja oħra, ftit li xejn taw każ din il-knisja u kienet abbandunata minkejja li fiha kienu jindiffnu l-membri tal-istess gwardja. Fl-1977 din il-knisja għaddiet f’ idejn il-ġendarmerija u l-pumpieri tat-tifi tan-nar tal-Belt tal-Vatikan.

San Martin u San Bastjan
kif tidher minn Pjazza San Pietru
San Martin u San Bastjan 

Jekk tkun fi Pjazza San Pietru, sewwasew taħt il-Palazz Appostoliku minn fejn kull nhar ta’ Ħadd il-Papa jagħmel ir-reċita tal-Angelus, u tħares il fuq mill-ħajt, tara faċċata ta’ kappella ċkejkna. Din hija l-knisja ta’ San Martin u San Bastjan. Kien il-Papa Piju V (1566 – 1572) li fis-sena 1568 bena din il-knisja sabiex taqdi lill-Gwardji Żvizzeri. Il-qaddisin Martin u Bastjan huma l-prottetturi ta’ din l-armata pontifiċja u għalhekk ġiet iddedikata lilhom sabiex turi l-iskop li għalih inbniet. Il-perit tal-Knisja kien Nanni di Baccio Bigio u fuq ġewwa tal-knisja konna nsibu affreski ta’  Giulio Mazzoni. Dawn l-affreski tneħħew fl-1967 u llum wieħed jista’ jarahom fil-mużew tal-Vatikan. Fuq il-faċċata għadna naraw l-arma tal-Papa San Piju V. Fl-1999 il-knisja kienet restawrata u sarilha presbiterju ġdid. Fuq ġewwa naraw artal sempliċi tal-irħam u fuqu nsibu skultura tal-bronż li juri l-kurċifiss u żewġ anġli.

Santa Marija

Fil-ġonna tal-Vatikan, sewwasew wara l-bażilika ta’ San Pietru nsibu l-palazz tal-Governorat tal-Belt tal-Vatikan. Dan huwa l-post li minnu jitmexxa l-Istat tal-Vatikan, fih ukoll l-uffiċċju ċentrali tal-posta tal-Vatikan. Il-bini tal-palazz beda fl-1927 u tlesta fl-1931. Fuq ġewwa tal-palazz insibu l-knisja iddedikata lil Santa Marija Sultana tal-Familja. Bħalma wieħed jista’ jinduna mid-data tal-bini tagħha, hija knisja moderna li taqdi l-ħtiġijiet spiritwali tal-ħaddiema fil-governorat u f’ uċffiċċji oħra li jinstabu fil-palazz.

Għal-lum nieqfu hawn imma hemm aktar knejjes dwar xiex nitkemmu f’din il-Belt – Stat. Inkomplu l-ġimgħa d-dieħla.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 16 ta' Lulju 2022



venerdì 9 novembre 2018

Ġewż, lewż, qastan, tin

Meta konna għadna żgħar, kull meta jersaq ix-xahar ta’ Novembru konna nibdew ngħidu t-taqbila li tant kienet popolari fostna: Ġewż, lewż, qastan tin; kemm inħobbu ’l San Martin. Il-festa ta’ dan il-qaddis tiġi ċċelebrata fil-11 ta’ Novembru, sewwasew meta l-frott niexef, bħal ġewż u lewż u qastan kif ukoll it-tin imqaddes u t-tin taċ-ċappa jibdew jidhru fuq l-imwejjed tagħna. Ta’ tfal li konna,konna nistennew il-borża ta’ San Martin li fost ħelu u ċejċiet oħra kien ikun fiha minn dan il-frott niexef kif ukoll ħbejża, dik li llum insejħulha panina, li la hija kelma Maltija u lanqas Taljana għaliex  ħobża żgħira bit-Taljan hija panino, tispiċċa bl-O u mhux bil-A bħalma nsejħulha aħna!

Min kien il-qaddis
F’Novembru niċċelebraw il-festa ta’ żewġ qaddisin bl-isem ta’ Martin, fit-3 tax-xahar; San Martin De Porres u fil-11; San Martin ta’ Tours. Il-qaddis marbut ma’ dan il-frott huwa dan it-tieni wieħed.

Aktarx li Martin twieled f’Pannonia li llum tinsab fl-Ungerija, sewwasew fir-raħal ta’ Sabaria, minn ġenituri pagani għall-ħabta tas-sena 316 jew 317. Huwa kien mgħallem id-duttrina Kristjana iżda qatt ma tgħammed. Martin kien iben uffiċjal tal-armata Rumana u għalhekk huwa mexa fuq il-passi ta’ missieru u ngaġġa fil-kavallarija imperjali ta’ età żgħira. Minħabba dan ix-xogħol huwa kellu jħalli pajjiżu u jmur fil-Galja, dik li llum insejħulha Franza. Kien hawn li seħħet dik l-istorja li ra fqir imċerċer u huwa qata’ nofs il-mantell tiegħu u tah lill-fqajjar biex filgħaxija kellu dehra minngħand Ġesù Kristu u qallu li dak il-fqir li kien għen filgħodu ma kien ħadd ħliefu. Din l-istoraj għandha mnejn ħalliet impressjoni kbira fuq Martin u aktarx li tgħammed f’Amiens wara din l-esperjenza. Fis-sena 356 huwa ħalla l-armata u beda t-triq għas-saċerdozju. Vjaġġa mhux ftit u meta reġa’ lura lejn il-Galja kien ordnat qassis mill-Isqof Ilarju ta’ Poitiers. Ftit snin wara huwa waqqaf komunità ta’ axxetiċi, nies li jiddedikaw ħajjithom għat-talb. Dan huwa meqjuż bħala l-ewwel monasteru fl-Ewropa. Iġib id-data 361 bħala dik tat-twaqqif tiegħu. Dan il-monasteru kien jinstab f’Ligugé, fi Franza, jew aħjar il-Galja dak iż-żmien. Fil-post illum għadna nsibu monasteru Benedittin li jġib l-isem ta’ San Martin – ħaġa minn għawl id-dinja li jissemma għal min waqqaf l-ewwel komunità f’dak il-post. 

Fis-sena 371 Martin kien maħtur isqof ta’ Tours. Huwa waqqaf monasteru ieħor qrib din il-belt, sewwasew f’Marmoutier. Ħadem kemm felaħ biex iwassal il-fidi ta’ Kristu kull fejn kien. Miet ġewwa Candes fis-sena 397.

Inbid ġdid
Fl-Italja il-festa ta’ dan il-qaddis tiġi ċċelebrata bil-kbir għax dakinhar jinfetħu l-btieti bl-inbid ġdid: San Martino vino nuovo! Ma’ dan l-inbid jisserva wkoll il-qastan inkaljat li qabel ikun tħalla jixxarrab fl-inbid aħmar. Fl-Italja ta’ isfel din il-festa tinħass aktar għalkemm kull Taljan jaf li fil-11 ta’ Novembru hemm id-drawwa li jinxtrob inbid ġdid. F’Napli din il-festa tissejjaħ il-festa tal-qrejjen. Kont staqsejt għalfejn. Billi f’din il-belt meraviljuża kollox jintrabat ma’ xi ħaġa tanġibbli, in-numru 11 jassoċċjawh ma’ qrun, il-froma tan-numru jistħajluh qarn u billi 11 tkun id-data u x-xahar ikun il-ħdax-il wieħed, allura l-qrun ikun doppju. Dawn in-Napiltani wkoll kemm għandhom fantasija fertili!


Frott niexef
Illum li aħna aktar konxji fejn jidħol ikel, tajjeb ngħidu li l-frott niexef, bħal dak li nsibu fil-borża ta’ San martin, huwa bil-wisq aħjar minn kull tip ta’ ħelu jew deżerta oħra. Kien hemm xi żmien fejn dan il-frott kien ġie meqjus bħala żejtni imma llum studjużi jgħidulna li dan huwa frott nutrittiv ħafna u fih bosta portejini u żjur neċċessarji għall-bniedem. Fih insibu wkoll il-kalċju, l-aktar fil-lewż. Tassew li xi frott minn dan fih bosta kaloriji, allura wieħed tajjeb joqgħod attent u ma jieħux iż-żejjed minnu. 

F’Malta
Pajjiżna wkoll għandu d-drawwiet tiegħu marbutin ma’ dan il-qaddis. Apparti l-borża li diġà semmejna qabel, fil-Baħrija ssir il-festa tiegħu. Drawwa li hija marbuta ma’ dan il-post u ma’ din il-festa hija l-fiera li ssir ta’ kull sena. Billi jkun riesaq żmien il-Milied f’din il-fiera wieħed ikun jista’ jirbaħ xi ħaruf jew xi dundjan, barra xi ħwejjeġ oħra wkoll. Mill-knisja tal-post toħroġ il-purċissjoni bl-istatwa żgħira u ħelwa ta’ San Martin. Din il-festa hija popolari ħafna mal-Maltin u bosta jistennewha minn sena għal oħra għax hija differenti minn festi oħra u ssir f’post mill-isbaħ fejn fadal bosta ftuħ u kampanja.

Ġewż, lewż, qastan, tin; kemm inħobbu ’l San Martin! Kemm tifkiriet, kemm drawwiet  u kemm stejjer wara daqxejn ta’ taqbila!

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 10 ta' Novembru 2018

L'immagine può contenere: Renò Muscat

lunedì 13 giugno 2016

Iż-żiemel fix-xbiehat tal-qaddisin

Żwiemel tal-Apokalissi pittura ta' Victor Vasnetsov
Fl-Apokalissi, l-aħħar ktieb kanoniku tal-Bibbja, San Ġwann l-Evanġelista, il-kittieb tal-ktieb, jagħmel riferenza għal erba’ żwiemel; wieħed abjad [Apk:6:2] u ieħor iswed [Apk:6:5] , wieħed ta’ lewn aħmar nar [Apk:6:4]  u ieħor  ta' lewn aħdar jagħti fl-isfar [Apk:6:8].  Fit-Testment il-Qadim insibu wkoll riferenzi għaż-żwiemel u aktarx li l-kittieb tal-Apokalissi ħa l-idea tiegħu minn hemm. Fil-ktieb ta’ Żakkarija insibu ż-żwiemel ħomor, qastnin u bojod [Żak:1:8].  L-istudjużi tal-Bibbja jagħtu interpretazzjonijiet għal dawn iż-żwiemel imma ma hijiex l-intenzjoni tagħna hawnhekk li nidħlu fid-dettall fuq dan l-istudju.  L-għan tagħna hu li naraw kemm dawn il-figuri influwnzaw ix-xbiehat ta’ ċerti qaddisin. Sejrin insemmu erba’ qaddisin li jidhru fuq żiemel, erba’ qaddisin li insibuhom meqjuma f’ Malta. Dan ma jfissirx li ma hemmx qaddisin oħrajn li jidhru fuq dahar xi żiemel.

San Pawl
San Pawl ta' Caravaggio
Fl-Atti tal-Appostli insibu deskrizzjoni tal-konverżjoni ta’ Sawlu. <<Huwa u sejjer, kif qorob lejn Damasku, f'daqqa waħda idda madwaru dawl mis-sema. Waqa' fl-art, u sama' leħen jgħidlu: "Sawl, Sawl, għaliex qiegħed tippersegwitani?" Hu wieġeb: "Min int, Mulej?" u l-leħen wieġbu: "Jiena Ġesù, li int qiegħed tippersegwitah. Imma issa qum u idħol il-belt, u hemmhekk jgħidulek x'għandek tagħmel." >> [Atti:9: 3-7] Minkejja li t-test mill-Bibbja ma jgħidx li Sawl kien riekeb iż-żiemel, għandna x’ nifhmu li ma kienx sejjer jagħmel vjaġġ twil bil-mixi.  F’ dan l-istess ktieb nerġgħu nsibu r-rakkont ta’ Pawlu minn fommu stess: <<Jien u sejjer, kif kont qrib Damasku, f'daqqa waħda għall-ħabta ta' nofsinhar dawl kbir mis-sema idda madwari. [Atti:22:7] Waqajt mal-art, u smajt leħen jgħidli, 'Sawl, Sawl, għaliex qiegħed tippersegwitani?'>> [Atti:22: 6-8]. Għat-tielet darba Pawlu jirrakkonta l-konverżjoni tiegħu fl-istess ktieb, bejn wiħed u ieħor bl-istess kliem.  [Atti:26:12 -18]
L-ebda waħda minn dawn in-narrazzjonijiet ma ssemmi żiemel imma l-ikonografija dejjem iġġibilna lil San Pawl jaqa’ minn fuq iż-żiemel. Hekk ipittru Michelangelo fl-affresk tal-Kappella Pawlina fil-Vatikan. Hekk pittru Caravaggio fil-kwadru li nsibu fil-knisja ta’ Santa Maria del Popolo f’ Ruma. Hekk narawh fil-pittura ta’ Parmigianino fil-Mużew Kunsthistorisches ta’ Vjenna. F’ Malta nsibu l-kwadri titulari tal-katidral tal-Imdina u tal-parroċċa ta’ Ħal Safu li juruna dan il-fatt u nsibu statwi ta’ San Pawl fuq iż-żiemel aramti fit-toroq tal-Belt Valletta u ta’ Ħal Safi fil-jiem tal-festa ta’ dan il-qaddis.

San Ġorġ
Meta l-artist Ġużeppi Briffa tqabbad biex ipitter il-koppla tal-parroċċa ta’ Ħal Qormi, dan għamel abbozz li juri l-assedju tal-Mori fuq Malta fejn dehru San Pawl, San Ġorġ u Sant’ Agata jiddefendu lill-Maltin. L-abbozz, li għadu fil-mużew tal-parroċċa, juri lil San Pawl fuq iż-żiemel u lil San Ġorġ bil-wieqfa. Il-Qriema xtaqu li San Ġorġ ikun riekeb żiemel ukoll u fil-fatt il-pittura finali turi liż-żewġ qaddisin fuq iż-żwiemel.

San Ġorġ - Rabat Għawdex ta' Alfred Camilleri Cauchi
Forsi dan huwa l-aktar qaddis popolari li nsibu fuq żiemel. Hekk pittruh bosta pitturi kbar. Hekk naqqxuh bosta skulturi madwar id-dinja. Ġewwa pajjiżna nsibu l-kwadru titulari tal-parroċċa tal-belt Victoria, impitter minn Mattia Preti, bil-qaddis fuq iż-żiemel filwaqt li mill-iskola tal-istess pittur insibu l-kwadru titulari ta’ Ħal Qormi li minkejja li ma jirrappreżentax lil San Ġorġ fuq iż-żiemel, fl-isfont tiegħu hemm il-qaddis fuq bhima bajda. Fil-konkatidral ta’ San Ġwann insibu pittura ta’ San Ġorġ fuq iż-żiemel, xogħol Preti wkoll u fil-parroċċa tal-Gzira u fil-kappella tal-qaddis f’ Birżebbuġa nsibu kopji tal-kwadru ta’ Preti f’ San Ġwann.

Il-vari titulari li f’ pajjiżna juru lill-qaddis Ġorġi ma juruhx fuq iż-żiemel imma hemm bosta statwi proċessjonali ta’ dan il-qaddis madwar id-dinja li juruh fit-taqbida mad-dragun riekeb iż-żiemel. Statwi bħal dawn ġewwa Malta nsibuhom armati fi-pjazzez ta’ Ħal Qormi u tar-Rabat Għawdex fil-festi ta’ dan il-qaddis. L-opri artistiċi dwar dan il-qaddis huma bla limitu, bosta minnhom juru l-qaddis riekeb żiemel.

San Martin
San Martin ta'
Gużeppi Caruana
il-Baħrija
Martin twieled għall-ħabta tas-sena 316 u miet fis-sena 397. Dan huwa wieħed minn l-ewwel qaddisin li ma huwiex martri. meqjum fil-Knisja Kattolika, kemm f’ dik Ortodossa kif ukoll fil-Knisja Kopta. Huwa kien minn pajjiż li llum jinsab fl-Ungerija imma meta kkonverta għall-Kristjaneżmu sar isqof ta’ Tours fi Franza. Hemm leġġenda li tgħid li darba minnhom fix-xitwa tas-sena 335 waqt li kien riekeb iż-żiemel tiegħu, huwa ra tallab iterter bil-bard, waqqaf iż-żiemel, ħareġ is-sejf u qasam il-mantell li kellu fuq spallejh min-nofs u tefa’ n- nofs tal-matell fuq spallejn it-tallab. Dak il-lejl kellu dehra min Ġesù fejn tah lura n-nofs tal-mantell li kien sellfu. Fl-ikonografija San Martin dejjem jidher fuq iż-żiemel qiegħed jaqsam il-mantell bit-tallab ħdejh.

F’ Malta ma għandniex parroċċi iddedikati għal dan il-qaddis imma fil-Baħrija, li tagħmel mal-parroċċa tar-Rabat insibu devozzjoni u tradizzjoni kbira marbuta ma’ dan il-qaddis. Hemmhekk insibu l-kappella l-antika u l-knisja l-ġdida iddedikati lil dan il-qaddis. Kemm fil-kwadru tal-kappella l-qadima kif ukoll f dak tal-knisja l-ġdida ma narawx lil San Martin fuq iż-żiemel u lanqas fl-istatwa ċkejkna li tinħareġ purċissjoni fil-festa. Din l-istatwa, li hija xogħol ta’ Ġużeppi Caruana magħruf bħala Marċol, turi lil San Martin liebes ta’ suldat Ruman jaqta’ biċċa mill-mantell tiegħu. Kontrarjament għal pajjiżi oħrajn, San Martin f’ Malta ma narawhx fuq żiemel.

San Dimitri
Pittura ta' San Dimitri
l-Għarb Għawdex
Dimitri twieled f’ familja nobbli li kienet Nisranija ġewwa t-Tessalonika fi żmien ta’ persekuzzjoni kbira u sofra l-martirju għall-ħabta tas-sena 306. Jingħad li l-Imperatur kien tilef lill-gladjatur favorit tiegħu u bħala kumpens talab lill-qattiel tal-gladjatur biex joqtol lin-Nisrani Dimitri u għalhekk miet martri. Fl-ikonografija narawh bħala żagħżugħ liebes ta’ suldat Ruman.

Ġewwa l-Għarb Għawdex hemm kappella iddedikata lil dan il-qaddis li huwa ivvenerat fil-Knisja Kattolika u f’ dik Ortodossa. Ma’ din il-kappella hemm marbuta leġġenda  li tgħid li waħda mara xiħa mlaqqma Żgugina kienet għix ma’ binha l-waħdieni qrib din il-kappella. Darba minnhom niżżlu l-furbani fuq l-art Għawdxija u ħatfu lil bin ix-xwejħa. Din tant talbet bil-qalb lil San Dimitri li dan ħareġ mill-kwadru biż-żiemel b’ kollox u telaq wara l-ġifen Tork li kien ħataf lil bin ix-xiħa u reġa ġabulha lura. Bħala radd ta’ ħajr Żgugina kienet tixgħel qasba żejt lill-qaddis. Darba seħħet theżżiża kbira u l-kappella spiċċat taħt il-baħar. Il-leġġenda tgħid li l-lampa taż-żejt li kienet xegħelt Żgugina dakinhar għadha tixgħel sal-lum minkejja li tinsab taħt il-baħar.

Illum insibu kappella oħra li fiha pittura ta’ San Dimiotri fuq iż-żiemel. Fuq il-kwardu naraw miktuba is-sena 1810. F’ dan il-kwadru jidhru wkoll Żgugina u binha.

Għeluq
Rajna fuq fuq erba’ qaddisin li b’ xi mod għandhom rabta ma’ pajjiżna li fl-ikonografija normalment jidhru fuq iż-żiemel. Dan ma jfissirx li huma l-uniċi qaddisin li jidhru hekk imma huma dawk li l-aktar aħna familjari magħhom aħna l-Maltin


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fil-programm tal-festa maħruġ mill-Kumitat festi Esterni - San Ġorġ Ħal Qormi, 2016