sabato 16 luglio 2022

Knejjes fil-Belt tal-Vatikan

Bla dubju ta’ xejn il-Bażilika ta’ San Pietru hija l-aktar knisja famuża li nsibu f’ Ruma, sewwa sew fil-Vatikan.  Imma ġewwa s-swar li jdawru lil din il-Belt Stat insibu numru ta’ knejjes jew kappelli oħra, xi wħud magħrufa u oħrajn mhux daqstant magħrufin.

Porta Angelica

Sant' Anna
Waħda mid-daħliet f’din il-Belt Stat hija minn dak li jissejjaħ Porta Angelica. Sewwasew kif tidħol minn dan il-bieb issib fuq in-naħa tal-lemin il-knisja ddedikata lil Sant’ Anna. Din il-knisja hija mibnija f’forma ovali fuq disinn ta’ Jacopo Barozzi da Vignola, taħt il-Papa Piju IV għall-ħabta tal-1570. Inbniet mill-Arċikonfraternità tal-Palafrenieri jiġifieri dawk li kienu jġorru is-sedja ġestatorja tal-Papa.  Fis-seklu ta’ wara l-knisja kompliet tissebbaħ bil-faċċata u l-koppla kif ukoll bl-affreski li nsibu ġewwa. Fil-knisja nsibu bosta opri tal-arti tas-seklu XVIII. Il-kwadru titulari li juri lil Sant’ Anna maċ-ċkejkna Marija sar fl-1927 mill-artist minn Siena,  Arturo Viligiardi. Din il-knisja saret il-parroċċa tal-Belt tal-Vatikan fl-1929. Din il-knisja taqdi l-ħtiġijiet parrokkjali taċ-ċittadini tal-Vatikan kif ukoll hija frekwentata ħafna mit-Taljani li joqgħodu qrib Porta Sant’ Anna. Din il-knisja jista’ jżurha kulħadd u ma hemmx bżonn ta’ permess biex tidħol fiha. Il-knejjes kollha l-oħra fil-Belt tal-Vatikan ma humiex aċċessibli għall-pubbliku imma wieħed jista’ jżurhom jekk ikollu l-permess meħtieġ.

San Stiefnu

Knisja oħra li nsibu ġewwa dan l-Istat hija dik ta’ San Stiefnu magħrufa bħala tal-Abbissini. Din tinsab sewwasew wara l-bażilika ta’ San Pietru, bejn il-wesgħa Braschi u Pjazza Santa Marta. Kienet il-knisja ta’ monasteru antik li kien diġa jeżisti fi żmien il-Papa Girgor III, (731 – 741). Il-Papa Ljun III, (795 – 816) isejjaħ din il-knisja bħala << monasterium S. Stephani>> u <<oratorium S. Stephani a sancto Petro>>. Fil-medjuevu l-knisja issejħet b’ ismijiet oħra imma dejjem marbuta mal-qaddis Stiefnu. Fl-1479 il-Papa Sistu IV (1471 – 1484) ta din il-knsija lill-irħieb Kopti u minn dak iż-żmien il-knisja bdiet tissejjaħ b’ għadd ta’ ismijiet bħal San Stiefnu tal-Eġittu, tal-Mori jew tal-Indjani. Fl-aħħar ħadet l-isem tal-Abbisini u għadha magħrufa hekk sal-lum.  Fl-1706 kienet restawrata u ċċekknet. Il-faċċata tal-knisja għadha dik oriġinali u ġewwa l-knisja għadna nistgħu naraw fdal tal-knisja medjevali. Fiha wkoll kitbiet bl-Etjopjan u bl-Għarbi.

Sant’ Eġidju u San Pellegrino

Fi Triq il-Pellegrini, dejjem fil-Belt tal-Vatikan insibu l-knisja ddedikata lil Sant’ Eġidju, magħrufa bħala A Borgo. Ftit li xejn nafu dwar l-oriġini ta’ din il-knisja. L-ewwel dokumenti li jsemmuha jmorru lura għas-seklu XIII u jirreferu għaliha bħala sancti Egidii extra portam Viridariam, jew  extra portam Auream in monte Geretulo, jew inkella extra portam Viridariam in monte Geretulo. Fl-1926 is-sorijiet Franġiskani Missjunarji ta’ Marija  fetħu ħanut tax-xogħol fil-belt tal-Vatikan sabiex jirrestawraw l-arazzi. Din il-knisja ngħatat lilhom sabiex taqdihom fil-ħtiġijiet spiritwali tagħhom.

Fi Triq il-Pellegrini wkoll insibu l-knisja ddedikata lil San Pellegrino. It-twaqqif ta’ din il-knisja jmur lura ħafna fis-snin u nsibuha mniżżla f’ dokumenti tas-seklu VIII. Inbniet madwar is-sena 800 mill-Papa Ljun III (795 – 816). Il-knisja kien jieħu ħsiebha l-Kapitlu tal-Vatikan. Dan il-kapitlu rrestawraha fl-1590. Papa Klement X (1670 – 1676) fl-1671 ta din il-knisja lill-Gwardji Żvizzeri sabiex tkun il-knisja tagħom. Din baqgħet f’ idejn l-Iżvizzeri sal-1977. Ħdejn il-knisja kien hemm sptar għall-pellegrini kif ukoll ċimiterju. Billi l-Gwardji Żvizzeri għandhom knisja oħra, ftit li xejn taw każ din il-knisja u kienet abbandunata minkejja li fiha kienu jindiffnu l-membri tal-istess gwardja. Fl-1977 din il-knisja għaddiet f’ idejn il-ġendarmerija u l-pumpieri tat-tifi tan-nar tal-Belt tal-Vatikan.

San Martin u San Bastjan
kif tidher minn Pjazza San Pietru
San Martin u San Bastjan 

Jekk tkun fi Pjazza San Pietru, sewwasew taħt il-Palazz Appostoliku minn fejn kull nhar ta’ Ħadd il-Papa jagħmel ir-reċita tal-Angelus, u tħares il fuq mill-ħajt, tara faċċata ta’ kappella ċkejkna. Din hija l-knisja ta’ San Martin u San Bastjan. Kien il-Papa Piju V (1566 – 1572) li fis-sena 1568 bena din il-knisja sabiex taqdi lill-Gwardji Żvizzeri. Il-qaddisin Martin u Bastjan huma l-prottetturi ta’ din l-armata pontifiċja u għalhekk ġiet iddedikata lilhom sabiex turi l-iskop li għalih inbniet. Il-perit tal-Knisja kien Nanni di Baccio Bigio u fuq ġewwa tal-knisja konna nsibu affreski ta’  Giulio Mazzoni. Dawn l-affreski tneħħew fl-1967 u llum wieħed jista’ jarahom fil-mużew tal-Vatikan. Fuq il-faċċata għadna naraw l-arma tal-Papa San Piju V. Fl-1999 il-knisja kienet restawrata u sarilha presbiterju ġdid. Fuq ġewwa naraw artal sempliċi tal-irħam u fuqu nsibu skultura tal-bronż li juri l-kurċifiss u żewġ anġli.

Santa Marija

Fil-ġonna tal-Vatikan, sewwasew wara l-bażilika ta’ San Pietru nsibu l-palazz tal-Governorat tal-Belt tal-Vatikan. Dan huwa l-post li minnu jitmexxa l-Istat tal-Vatikan, fih ukoll l-uffiċċju ċentrali tal-posta tal-Vatikan. Il-bini tal-palazz beda fl-1927 u tlesta fl-1931. Fuq ġewwa tal-palazz insibu l-knisja iddedikata lil Santa Marija Sultana tal-Familja. Bħalma wieħed jista’ jinduna mid-data tal-bini tagħha, hija knisja moderna li taqdi l-ħtiġijiet spiritwali tal-ħaddiema fil-governorat u f’ uċffiċċji oħra li jinstabu fil-palazz.

Għal-lum nieqfu hawn imma hemm aktar knejjes dwar xiex nitkemmu f’din il-Belt – Stat. Inkomplu l-ġimgħa d-dieħla.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 16 ta' Lulju 2022



Nessun commento:

Posta un commento