sabato 2 luglio 2022

Socrates tiegħi!


Illum mhux ser nikteb dwar il-filosfu Grieg minn Ateni li għex madwar erba’ mitt sena qabel Kristu u jġib dan l-isem. Lanqas bi ħsiebni nikteb dwar il-plejer tal-futbol mill-Brażil li miet madwar għaxar snin ilu. Mela nistħajjilkom tistaqsu dwar xiex ser nikteb? Illum ser nikteb dwar ġeru tal-Fox Terrier li qed inrabbi u tajtu dan l-isem. Iva Socrates jismu l-kelb tiegħi!

Isem

L-Ingliżi jgħidu “What’s in a name?” Tiskanta kif kultant wara daqsxejn ta’ isem ikun hemm storja. Il-Filosfu tal-Greċja tal-qedem dejjem affaxxinani għax minkejja li qatt ma kiteb xejn, minkejja li ma ħalla xejn bil-miktub, huwa filosfu li dejjem ammirajt għax baqa’ jżomm it-twemmin tiegħu anke quddiem is-sentenza tal-mewt. Tant hu hekk li dan it-tali kien ikkundanant għall-mewt meta kellu 71 sena. Huwa kien mixli li bit-tagħlim tiegħu kien qed jikkorrompi liż-żgħażagħ. Imbagħad għadna nistudjawh sal-lum! X’ironija ta’ ħajja! L-eżekuzzjoni tiegħu kienet billi hu stess xorob il-velenu.

Il-mifielder Brażiljan li wkoll kien magħruf bħala Socrates, li għal żmien qasir lagħab ukoll fl-Ewropa fosthom mal-Fiorentina, kien magħdud fost l-aqwa mitt plejer li qatt rat id-dinja. Din il-ħaġa affermaha Pelè, plejer Brażiljan ieħor  fl-2004 meta Socrates kien għadu ħaj. Minbarra li kien plejer kellu wkoll lawrija fil-mediċina u għalhekk kien imlaqqam bħala “t-Tabib Socrates.” Il-mewt ma tħares lejn wiċċ ħadd u lil dan Socrates ġiet iżżuru fl-4 ta’ Diċembru tas-sena 2011, meta kien għad kellu biss 57 sena.

Ngħid id-dritt il-kelb tiegħi tajtu dan l-isem imma ma rbattu mal-ebda wieħed għax it-tnejn li huma għandi ammirazzjoni lejhom. B’hekk insejjaħlu Socrates bla ma niftilha ma' ħadd minnhom!

Il-kelb tiegħi


Ħalli issa ngħid xi ħaġa dwar dan l-imbierek ġeru li fettilli nadotta. Socrates huwa tar-razza Fox Terrier, anzi biex inkun qed ngħid kollox ir-razza tiegħu hija Smooth Fox Terrier. Għax biex ngħidu s-sewwa, jeżistu żewġ tipi ta’ Fox Terriers, bħal dan tiegħi u dak li jissejjaħ Wire Fox Terrier. Iż-żewġ razez oriġinaw matul is-seklu dsatax u huma mnissla minn għadd ta’ varjetajiet ta’ terriers Ingliżi antiki imħallta ma’ oħrajn aktar moderni. Nistħajjilkom tgħiduli mela għalfejn ktibt li hemm żewġ razez ta’ Fox Terriers? Bejn l-Ismooth Fox Terrier u l-Wire Fox Terrier hemm xebh kbir u nistgħu ngħidu li d-differenza waħdanija bejniethom hija li waqt li l-Wire Fox Terrier huwa piluż, l-ieħor għandu pil baxx ħafna, imma l-karatteristiċi bejniethom huma l-istess. Biex inkun qed ngħid kollox hemm razza oħra li ġġib l-isem Fox Terries, dik li nsibuha bħala Toy Fox Terrier, razza li ma ilhiex wisq li tnisslet fl-Istati Uniti minn Smooth Fox Terrier u razez oħra ta’ klieb ċkejknin.

Dawn il-klieb għandhom fihom l-istint għall-kaċċa. Fil-fatt anke l-isem tagħhom ġej mil-Latin terra għax huma klieb li jgħinu li dawk li kienu jmorru għall-kaċċa tal-volpi, delizzju li kien popolari mmens fir-Renju Unit u sa ċertu punt għadu. Dawn il-klieb kien xogħolhom li jfittxu l-ħofor fl-art (għalhekk Terra) fejn ikun hemm mistoħbi l-volpi. B’hekk sid il-kelb kien jinduna u jħejji nassa biex jaqbad il-volpijiet. Dan il-kelb għadu sal-lum użat għal dan l-iskop minkejja li llum il-kaċċa għall-vopli hija kkontrollata. L-istint ta’ dan il-kelb iġiegħlu jdaħħal imnieħru, li hu xi ftit twil, fil-ħofra tal-volpi u jgerrex lill-povru annimal sakemm jinqabad mill-kaċċtur. Bħalma nafu l-volpi bl-Ingliż jissejjaħ Fox u għalhekk l-isem ta’ din ir-razza għaqdet il-ħidma tiegħu mal-post tax-xogħol, biex ngħidu hekk: Fox Terrier.

Il-Fox Terrier

Bħala klieb, din ir-razza tmur tajjeb ħafna mal-bniedem. Huma tajbin għal mat-tfal u ma jgħejjew qatt jilgħabu. Għandhom enerġija kbira li dejjem jaraw kif ser jaħluha. Tħallieħx ħdejn il-qsari għax għandu tendenza li jħaffer fil-ħamrija, wara kollox huwa kaċċatur tal-volpi anke jekk f’pajjiżna ma hawnx volpijiet. Għandhom tendenza li jinbħu ħafna u huma klieb tajbin ħafna biex jaqbdu l-ġrieden. Huwa kelb li jintrabat ħafna ma’ sidu u jasal li jipproteġih akkost ta’ kollox. Għandhom is-sens tax-xamm eċċellenti u l-vista ta’ għajnejhom hija tajba ħafna wkoll. Ġeneralment huma ta’ lewn abjad bi tbajja suwed jew kannella.

Fox Terriers popolari

Din ir-razza ta’ klieb hija maħbuba wkoll mill-familja rjali tal-Gran Brittanja. Jingħad li r-Re Edwardu VII kien mogħti Wire Fox Terrier bl-isem ta’ Ceaser. Ma damx wisq biex dan il-kelb seraq qalb ir-re u sar il-kelb favorit tiegħu. Meta dan ir-re miet fl-1910, Ceaser mexa sewwasew wara t-tebut ta’ sidu, ħaġa li xejn ma niżlet tajjeb mal-Kaiser Wilhelm tal-Ġermanja li f’dan il-funeral il-kelb mexa qablu. Fox terrier ieħor bl-isem ta’ Montmorency jissemma fil-ktieb umoristiku ta’ Jerome K Jerome, Three man in a boat. U kif nista' ma nsemmix dak il-Fox Terrier li jifforma parti mil-logo tad-ditta tal-gramaphones His Master’s Voice?

Dan Socrates tiegħi qed joħodli ħafna ħin, imma tani wkoll ħin infittex ftit tagħrif dwar ir-razza tiegħu, tagħrif li ma stajtx ma naqsmux magħkom.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-nazzjon -  2 ta' Lulju 2022











Nessun commento:

Posta un commento