Żgur li ħafna minna l-Maltin żaru l-gżira ġara tagħna, Sqallija u nemmen li bosta huma dawk li żaru wkoll Tormina. Bl-ilsien Taljan tissejjaħ Taormina filwaqt li bl-Isqalli tissejjaħ Tavurmina. Hi x’inhi qed nitkellmu dwar l-istess post, dwar ġenna ta’ ġmiel. Ħasra li bosta minna l-Maltin, Sqallija għalihom tfisser biss xiri, għax din il-gżira hija għanja fl-istorja u l-kultura. Illum nixtieq naqsam magħkom xi tagħrif dwar dan il-post turistiku mill-isbaħ.
Storja
L-istorja ta’ dan il-post tmur lura bosta u bosta snin. Biss biss meta l-Griegi tal-qedem waqqfu l-ewwel kolonja tagħhom fi Sqallija, fis-sena 734 qabel Kristu, kien hemm diġà komunità tgħix hemm. Jingħad li l-ewwel Griegi li bdew jgħammru hemm kienu minn Naxos, gżira Griega. Matul iż-żmien Tormina sar post mill-aktar importanti fejn tidħol l-istorja ta’ Sqallija. Bil-ħakma ta’ Sqallija mill-Għarab, Tormina biddlet isismha u bdiet tissejjaħ Al-Mużżija minn isem il-Kalif Al Mużż. Il-Konti Ruġġieru ħeles lill-Sqallija mill-ħakma Għarbija u għaddiet f’idejn in-Normanni. Aktarx li kien f’dan iż-żmien li isem dan il-post reġa’ sar Tormina. Minn meta saret l-għaqda, jew kif tissejjaħ, l-unifikazzjoni tal-Italja fis-sena 1861 Tormina saret atrazzjoni turistika għat-Taljani tan-naħa ta’ fuq tal-pajjiż. Illum iżuruha bosta turisti minn madwar id-dinja kollha, l-aktar turisti li jkollhom ħafna x’jonfqu. U ħa ngħidu d-dritt, hemm fejn tonfoqhom, iżda anke jekk tmur fuq budget baxx, xorta hemm x’tara u tista’ tgawdi l-post.Minħabba l-fatt li din hija
lokalità turisitka, matul iż-żmien li fl-Italja kien hemm il-gvern
Faxxista, kienu bosta spiji Ngliżi li
għamluha ta’ turisti biex jistħarrġu x’kien qed isir minn taħt. Interessanti ngħidu
li sa tmiem is-snin sittin tas-seklu li għadda, Tormina kienet meqjusa bħala
post turistiku għax-xitwa u kienu jkunu ħafna dawk il-lukandi li jagħlqu
bwiebhom fix-xahar ta’ Ġunju. Ma ninsewx li dan kien post is-sinjuri u għalhekk
bosta dawk in-nies ta’ fama, politiċi, awturi, artisti u oħrajn li kienu jżuru
spiss din il-belt, dejjem fix-xitwa. Mis-snin sebgħin kull tip ta’ turist beda jżur Tormina. Hekk għandu jkun
wara kollox għax il-ġmiel ma tistax tillimitah għal klassi ta’ nies biss.
Aktar
Tormina tinsab fuq għolja madwar 206 metri 'l fuq mil-livell tal-baħar, donnha
mdendla bejn il-blat ta’ fuqha u l-baħar ta’ taħtha. Jekk taraha minn fuq
il-baħar tistħajjilha xi terrazzin tal-Muntanja Tauro, f’xenarji ta' sbuħija
naturali, uniċi fil-varjetà u l-kuntrasti billi dan il-post jinsab fuq
l-għoljiet tan-Nofsinhar tal-muntanji Peloritani li jinfirxu mal-kosta
tal-Baħar Jonju. Xena mill-isbaħ hija meta tara l-Etna fl-isfond.
Il-klima hija tipikament Mediterranja, mingħajr dik is-sħana żejda tas-sajf jew il-kesħa xxoqq
il-għadam tax-xitwa. Is-sajf huwa twil, xemxi u niexef. Ix-xitwa hija qasira u mhux
qalila. Il-borra f’Tormina hija rari, iżda niżlet diversi drabi matul xi snin
ta’ kesħa qawwija. L-ammont ta’ borra li
niżlet hemmhekk bejn is-6 u s-7 ta’ Jannar 2017 kienet ilha ma tidher hemm
aktar minn 50 sena. Insomma bejn wieħed u ieħor il-klima ta’ dan il-post ftit
li xejn hija differenti minn dik ta’ pajjiżna. Nistgħu ngħidu li l-aktar xahar
kiesaħ ikun Jannar fejn il-medja tat-temperatura tkun ta’ 11-il grad Celsius
filwaqt li l-aktar xahar sħun huwa dak ta’ Awwissu fejn it-temperatura kważi
dejjem taqbeż it-30 grad.
Bla dubju l-akar attrazzjoni hija t-teatru Grieg li nsibu f’dan il-post.
Minkejja li għaddew l-eluf ta’ snin minn fuqu, dan it-teatru għadu jintuża minn
żmien għal żmien.Mhux biex isiru rappreżentazzjonijiet teatrali bħalma kienu
jsiru fi żmien il-Griegi imma għal kunċerti minn kantanti jew gruppi mużikali
mhux biss Taljani imma mid-dinja kollha. Meta ma jkunx hemm kunċerti dak li
jkun jista’ jżur dan it-teatru wkoll għax huwa miftuħ għat-turisti. Kif tidħol
Tormina tinduna bl-għadd ta’ knejjes li hemm, knejjes li fihom opri tal-arti
mill-isbaħ. Id-duomo jew kif spiss jissejjaħ il-katidral, huwa ddedikat lil San
Nikola ta’ Bari. Dan huwa bini antik li fih taħlita ta’ arti Biżantina u
Rinaxximentali imħallat mal-barokk Siċiljan. Din hija waħda biss mill-knejjes
li wieħed jita’ jżur u jammira. Hemm ukoll numru ta’ palazzi sbieħ li xi wħud
minnhom huma miftuħin għall-wiri. Imbagħad hemm il-misraħ IX ta’ April li donnu
l-gallarija tal-post. Minn hawn wieħed jara veduta mill-isbaħ tal-baħar u
x-xtajta ta’ taħt Tormina. Minkejja li din ma hijiex il-pjazza waħdanija ta’
dan il-post iżda hija l-aktar waħda mfittxija. Fiha jsiru bosta attivitajiet għax tinsab f’nofs it-triq
prinċipali ta’ Tormina.
U s-sabiħ kollu ta’ dan huwa li aħna l-Maltin nistgħu mmorru nżuru dan
il-post meraviljuż anke għal ġurnata waħda biss. Tmur filgħodu kmieni u terġa’
lura tard filgħaxija.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 30 ta' Lulju 2022
Nessun commento:
Posta un commento