Nimmaġina li min qara l-isem ta’ dan l-artiklu llum jaħseb li qed inħoss moħħi jew qed noħlom imqajjem, jew li ngħix fl-isħab. Biss serraħ rasek, jekk ħsibt hekk għandek żball. Festi Maltin bla piki hija ħolma u forsi xewqa ta’ ħafna li għandhom għal qalbhom il-festi tadizzjonali li aħna l-Maltin tant aħna famużi għalihom. Li tgħid li jkollok festi bla piki hija utopija. Utopija huwa post jew stat ta’ ħajja li fiha jkun jimxi kollox fuq ir-rubini, fejn kollox ikun perfett. Post jew stat bħal dan nafu li ma jeżistix. Fil-fatt l-istess kelma ġejja minn żewġ kelmiet Griegi, OU, li tfisser le u TOPOS li tfisser post, post li ma jeżistix. Kien Sir Thomas More l-ewwel li uża din il-kelma fl-1516 meta ppubblika ktieb b’dan l-isem li fih ikkompara l-qagħda ekononika u soċjali tal-Ewropa ma’ dik ta’ gżira fittizja, li ma teżistix, immaġinarja. Intant issa li fhimna sewwa x’inhi utopija nerġgħu lura għall-festi.
Xi snin ilu kienu intervistawni
stazzjon tat-televiżjoni Malti u fost mistoqsijiet oħra staqsewni dwar il-piki.
Jien weġibt li l-piki għandhom il-pożittiv tagħhom ukoll u fissier għaliex kont
qed ngħid hekk. Jekk int tagħmel bandiera jien nipprova nagħmel bandalora. Meta
inti tara l-bandalora tiegħi tipprova tagħmel xi ħaġa aqwa u tfassal pavaljun,
u hekk nibqgħu sejrin. Biss din ma hijiex pika ħażina, din mhux dik il-pika li
ġġib ġlied, għira, mibgħeda, tgħajjir u x’naf jien, din hija kompetizzjoni.
Fl-aħħar mill-aħħar kompetizzjoni bħal din tista’ tkun tajba għax tħajjar lil
min għandu xi talent biex iħaddmu. Għax ikollna ngħidu kollox, f’pajjiżna
l-festi huma l-vetrina tat-talent Malti, u nistqarru li pajjiżna huwa għani
fejn jidħlu dawn it-talenti.
Il-Malti jgħid li l-piki jaqtgħu
l-aptiti u dan huwa qawl mimli għerf. Jekk dak li jsir ikun sar b’pika
malizjuża akarx li ma jkollux tmiem sabiħ, biss jekk issir b’kompetizzjoni r-riżulati
jkunu isbaħ u akbar.
Mhux illum
Ritratt antik ta' Ħal Qormi fil-festa |
Il-piki bejn il-festi tagħna mhix
xi ħaġa tal-lum u biex nurikom kemm dan hu minnu nixtieq naqsam magħkom storja
li ilni ħafna li smajt. Din titratta l-festa ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi u dik
ta’ San Filep ta’ Ħaż-Żebbuġ – żewġ irħula ġirien li fl-imgħoddi kienu
magħrufin għall-kompetizzjoni bejniethom fejn jidħlu l-festi, kompetizzjoni li
ġieli nbidlet f’pika. Qed insemmu żmien meta l-festi kienu jsiru f’nharhom,
jiġifieri San Ġorġ fit-23 ta’ April u San Filep fit-12 ta’ Mejju.
Ritratt antik ta' Ħaż-Żebbuġ fil-festa |
Irrakkuntajt din l-istorja, li biex
ngħid id-dritt ma nafx jekk hix minnha jew jekk hix xi ħlieqa, biex nurikom li
l-pika fil-festi ma hijiex xi fenomenu kontemporanju.
Fuq xiex ma’ naqblux
Jgħidu li aħna l-popli
tal-Mediterran dejjem irridu nsibu xi ħaġa li ma naqblux fuqha u jekk ma nsibux
naraw x’nivvintaw biex ma naqblux. Biss dan ma jfissirx li billi jkun hemm
nuqqas ta’ ftehim bejn żewġ partijiet irid ikun hemm gwerra. Tiskanta kif ċerti
stejjer ta’ piki jibdew minn ħaġa żgħira, minn ħmerija imma biż-żmien
il-partijiet jinqasmu u jitbegħdu. U b’hekk spiċċajna fejn spiċċajna,
b’tal-aħmar u tal-aħdar, b’ta’ fuq u ta’ isfel, b’tal-baqra u tal-bajda,
b’tal-bagri u b’tal-agħma, b’tal-werqa u tal-istilla, b’tat-tnax u b’tal-ħodor
u nistgħu nibqgħu sejrin hekk, b’litanija sħiħa ta’ laqmijiet jew ismijiet li
ma tispiċċa qatt.
Allura nispiċċa ngħid bejni u
bejn ruħi: “allura l-piki qegħdin f’demmna, jinsabu fid-DNA ta’ dal-ġens?” Għax
jekk noqgħodu naħsbu l-festi Maltin ma huma xejn għajr mera tal-ħajja tagħna għax
hemm bosta okkażjonijiet oħra fejn indaħħlu l-piki bejnietna, ngħidu aħna fuq
il-libsa tal-preċett tat-tifla, fuq il-marka ta’ karozza li nixtru, fuqil-vaganzi
li nqattgħu fix-xhur tas-sajf, fuq il-btajjel u s-safar li nagħżlu. U hawn
ukoll nistgħu nibqgħu sejrin b’lista twila oħra.
Imma nistgħu nagħmlu
kompetizzjoni bla ma noffendu lil xulxin, bla ma ngħajru lil xulxin, bla ma
ninsulentaw lil xulxin. Biex nuri kemm jien kbir ma hemmx għalfejn nuri kemm
inti żgħir għax żgur li jekk hemm min hu iżgħar minni, xi mkien hemm min hu
akbar minni wkoll.
Utopija jew ħolma sabiħa. Imma
kieku nitgħallmu l-pika nibdluha f’kompetizzjoni sana nemmen li jkun ta’ ġid
kbir għall-festi tradizzjonali tagħna l-Maltin.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 9 ta' Lulju 2022
Nessun commento:
Posta un commento