Kappillan
ta’ Ħal Qormi, Eroj u Martri tal-Assedju l-Kbir
Is-sena 2015 hi s-sena li fiha tfakkar l-450 anniversarju tal-Assedju
l-Kbir ta’ Malta. Din it-taqbida li saret bejn l-Imperu Ottoman u l-Kavallieri
ta’ San Ġwann, flimkien mal-Maltin, seħħet sewwasew fl-1565, żmien li d-dinja
bdiet tara tibdil u tiġdid. Ta’ importanza partikolari għalina l-Qormin huwa
l-fatt li bosta mill-ġlied seħħ f’ territorju tal-parroċċa ddedikata lil San
Ġorġ Martri u l-fatt li din l-istess parroċċa tilfet lill-kappillan tagħha
fit-taqbid.
 |
| Mappa tal-Assedju l-Kbir |
Nhar it-Tlieta, 18 ta' Mejju, 1565 dehret fuq ix-xefaq tal-baħar tagħna,
il-flotta Ottomana mmexxija minn Pijali Paxà bħala Ammirall tal-flotta, Mustafà
Paxà bħala Ġeneral tat-truppi u Dragut bħala Kmandant. L-Ottomani niżlu l-art b’40,000
suldat u tellgħu t-tined tagħhom fil-kampanja. L-ikbar numru ta’ tined kien
fil-wita tal-Marsa u t-tarf ta’ Ħal Qormi. L-Ordni tal-Kavallieri ta' San Ġwann
kien immexxi mill-Gran Mastru Jean Parisot de Valette. De Valette kellu biss madwar
9,000 suldat, li minnhom 592 kienu kavallieri u l-kumplament irġiel Maltin,
fosthom għadd ta’ Qriema.
Dan iż-żmien li qegħdin insemmu kien ukoll żmien importanti għall-Knisja
Kattolika. Kien għadu kif intemm il-Konċilju ta’ Trentu. Dan kien dam mill-1545
sal-1563. Kien l-itwal konċilju fl-istorja tal-Knisja; mill-ftuħ tiegħu sakemm
wasal għat-tmiem kienu għaddew 18-il sena, b’ bosta waqfiet bejn sezzjoni u
oħra.
Kien konċilju li tratta l-firdiet fil-Knisja ta’ Kristu; bħal dawk tal-akbar
riformisti Martin Luteru (1483 – 1546) u Ġwanni Kalvinu (1509 – 1564).
Il-konċilju beda l-kontra riforma u aġġorna kemm seta’ l-Knisja. Ordna li
jitwaqqfu s-seminarji biex jieħdu ħsieb il-formazzjoni tas-saċerdoti futuri. Kien il-konċilju li kkonferma liema kienu
l-Kotba li jiffurmaw il-Bibbja Kattolika.
Matul is-snin ta’ dan il-konċilju l-Knisja kellha ħames Papiet: Pawlu III (1534
– 1549), Ġulju III (1550 – 1555), Marċell II (1555 – 1555, dam biss 21 jum
Papa), Pawlu IV (1555 – 1559) u Piju IV (1559 – 1565). Dan il-konċilju ordna
wkoll li jibdew jinżammu r-reġistri fil-parroċċi, reġistri ta’ kemm jitwieldu
nies, jitgħammdu, jiżżewġu u jmutu, kif ukoll dawk li kienu josservaw
il-preċett tat-tqarbin.
Dawk il-kotba huma dak li kien u għadu jissejjaħ Status Animarum. Fi tmiem il-Konċilju ta’ Trentu il-parroċċa
Qormija kellha lil Dun Gianello Cilia bħala mexxej. Huwa beda jżomm
l-informazzjoni dwar il-parruċċani, sewwasew kif talab il-konċilju. Fil-fatt
l-ewwel reġistru minn dawn li nsibu fil-arkivju tal-parroċċa Qormija huwa
tas-sena 1563. Dun Gianello Cilia beda jmexxi l-parroċċa ta’ Ħal Qormi fl-1560
minkejja li ma laħaqx kappillan. Il-ħatra tiegħu bħala kappillan ta’ San Ġorġ
saret nhar it-Tnejn, 29 ta’ Lulju, 1563.
Ħal Qormi, fiż-żmien li qegħdin insemmu kien raħal mifrux sewwa. Bħala
parroċċa kienet kbira ħafna. Kienet tmiss ma’ Ħal Luqa iżda dan ir-raħal kien jagħmel
parti mill-parroċċa ta’ Bir Miftuħ u sar parroċċa awtonoma fl-1634 meta l-Qormi
Dun Wistin Cassia laħaq l-ewwel kappillan ta’ Sant Andrija nhar 15 ta’ Mejju
ta’ dik is-sena. Żewġ
parroċċi oħra li kienu jmissu mar-raħal ta’ Ħal Qormi kienu Ħaż Żebbuġ u
s-Siġġiewi, li t-tnejn li huma mniżżlin fir-Rollo tas-Senatur De Mello tas-sena
1436.
Fuq ix-xaqliba l-oħra, Ħal Qormi kellu l-parroċċa ta’ Birkirkara li skont
dokument misjub fl-arkivi tal-Vatikan, dan ir-raħal kien diġà parroċċa fl-1402.
Il-medda art li hemm bejn dawn l-erba’ parroċċi, sal-Għolja Xeberras, kienet
kollha tagħmel parti mill-parroċċa antika ta’ Ħal Qormi. Il-parroċċi li nsibu
llum f’ din l-akwata ma kienux jeżistu fi żmien l-Assedju l-Kbir u kienu kollha
jaqgħu taħt il-kappillan ta’ Ħal Qormi fejn tidħol kura spiritwali.
F’ dawk is-snin il-mexxejja politiċi ta’ pajjiżna kienu l-Kavallieri ta’
San Ġwann. Bejn il-21 ta’ Awwissu, 1557 u l-21 ta’ Awwissu, 1568, il-Gran
Mastru kien il-Franċiż Jean Parisot de Valette. L-Isqof li jmexxi l-Knisja f’
Malta kien Monsinjur Domingo Cubels, appuntat Isqof ta’ Malta fl-10 ta’
Diċembru, 1540 mill-Papa Pawlu III. L-Isqof Cubels miet fit-22 ta’ Novembru,
1566.
 |
| la Valette |
Billi l-art li tappartjeni l-parroċċa Qormija kienet tmiss mal-port
il-kbir, il-kamp tal-assedju kien jaqa’ taħt it-tmexxija spiritwali tal-kappillan
tal-Qriema. In-nies ta’ din l-akwata kienu mħeġġin biex iħallu darhom u
jinġabru fil-Birgu u l-Isla, bliet imdawrin bis-swar, filwaqt li s-suldati
kienu baqgħu f’ darhom biex ikunu qrib il-fortizza ta’ Sant Iermu, li tinsab
fil-periferija tal-parroċċa. Dawn is-suldati qalbiena kellhom it-treġġija
spiritwali ta’ Dun Gianello Cilia li ħass li postu ma kienx wara s-swar
tal-Birgu jew l-Isla imma ġewwa Sant Iermu, sewwasew fuq il-kamp tal-battalja.
Fost l-eroj ta’ Sant Iermu kien hemm il-Kappillan Cilia li rawh bl-ixkubetta
jissielet mat-Torok [...] Il-Kappillan ma laqax l-offerta tal-barklor Gregorio
Schembri biex jeħilsu minn fejn kien u jieħdu l-Birgu, iżda għażel li jibqa’
fit-taqtigħa jfarraġ lill-erwieħ sal-aħħar.
Wara aktar minn xahar ta’ taqbid, nhar l- Erbgħa, 23 ta’ Ġunju, 1565 il-forti
Sant Iermu waqa’ f’ idejn it-Torok. Meta t-Torok daħlu f'Sant Iermu, qatlu lil
dawk il ftit li kienu għadhom ħajjin, qabdu l-katavri tal-Kavallieri u l-Maltin,
fetħulhom sidirhom forma ta’ salib u wara li rabtuhom mal-injam tefgħuhom
fil-port lejn in-naħa tal-Birgu u l-Isla. De Valette b'risposta ta’ dan qata'
ras il-priġunieri Torok kollha u ordna li rjushom jiġu sparati lejn Sant Iermu.
Fost l-eroj ta’ Sant Iermu kien hemm il-Kappillan Cilia. Il-ġisem bla ħajja
tal-Kappillan deher taħt is-swar tal-Birgu. Billi l-vittmi kollha kienu
tħanxritilhom rashom, ma kienitx ħaġa faċli li l-katavri jingħarfu. Jingħad li
Dun Gianello kellu tebgħa f’ siequ u kienet din it-tebgħa li kixfet li dak
il-ġisem bla ħajja kien tiegħu. Madanakollu din ma kienitx prova tajba biex
ikun iċċertifikat li bniedem miet.
Fil-fatt il-kappillan li mexxa lil Ħal Qormi wara Dun Gianello Cilia, kien Dun
Marjanu Briffa, li ħa l-pussess f’ Ġunju tas-sena 1569, erba’ snin wara l-mewt
ta’ Cilia.
It-Torok qatt ma kienu bassru li din id-daqxejn ta’ gżira tagħna kellha
toffri daqstant reżistenza. F’ Settembru l-għejja bdiet tagħmel tagħha u
l-ħsieb li x-xitwa kienet qegħda toqrob u għalhekk il-vjaġġi bil-baħar isiru
aktar diffiċli aktar naqqset mill-moral
tat-Torok. F’ dawk il-jiem kienet waslet l-għajnuna lill-Kavallieri, bosta
xwieni b’ numru kbir ta’ suldati kienu daħlu Malta. Nhar l-Erbgħa, 8 ta’
Settembru, 1565, it-truppi Torok telqu minn xtutna biex taw ir-rebħa
lill-Kavallieri u lill-Maltin. Il-qniepen tal-knejjes kollha, fosthom dawk
tal-knisja tagħna, daqqew mota ta’ ferħ. Dak il-jum, il-jum li fih il-Knisja
tiċċelebra t-twelid ta’ Marija Santissima, għalina l-Maltin sar ukoll jum
il-Vitorja, kif għadna nsejħulu sal-lum. Kienu eluf li ħallew ħajjithom f’ dan
l-Assedju, fosthom il-Kappillan tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi, Dun
Gianello Cilia.
Illum fir-raħal ta’ Ħal Qormi insibu triq imsemmija għal Dun Ġwann Cilia,
il-kappillan li ħalla ħajtu jassisti lill-parruċċani tiegħu. Qrib insibu wkoll
triq oħra imsemmija għall-Eroj tal-Assedju. Kien xieraq li dawn it-toroq jingħataw
dawn l-ismijiet biex qatt ma jkunu minsijin dawn l-Eroj, fosthom Dun Gianello
jew Dun Ġwann Cilia, eroj u martri tal-Assedju l-Kbir.
Kitba: Fr. Reno Muscat
Pubblikazzjoni: Kumitat Organizattiv Festi 275 Anniversaru tal-Istatwa
Titulari ta’ San Ġorġ – Ħal Qormi.
Fuljett imqassam fid-djar tal-parroċċa ta' San Ġorġ Ħal Qormi fl-okkażjoni tal-450 sena mill-Assedju l-Kbir.