Visualizzazione post con etichetta hajja. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta hajja. Mostra tutti i post

venerdì 15 febbraio 2019

Vjaġġ


Grazzi għall-media soċjali li għandna llum, il-kuntatt bejnietna sar faċli u sirna nistgħu nżommu qrib anke ma’ dawk in-nies li fiżikament ikunu jinsabu bogħod minna. Dawn il-mezzi llum saru parti minn ħajjitna u lanqas nistgħu nimmaġinaw lilna nfusna ngħixu f’dinja bla mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali.

Fost ħafna messaġġi li rċevejt lejn tmiem is-sena li għaddiet, messaġġi ta’ awguri u x’naf jien, irċivejt wieħed li tassew laqatni u nixtieq naqsam il-ħsieb tiegħu magħkom. Dan il-messaġġ kien jismu “The train of life” -  il-ferrovija tal-ħajja. Ħajjitna f’dan il-messaġġ tixxebbaħ ma’ vjaġġ ta’ ferrovija.

Il-messaġġ
Il-messaġġ kien bl-Ingliż iżda jien ser ngħaddih lilkom bil-Malti. Dan kien jgħid hekk: “Il-ħajja hija bħal vjaġġ fuq ferrovija. . . Bl-istazzjonijiet tiegħu. . . bil-bdil fir-rotta tiegħu. . . u kultant anke bl-inċidenti tiegħu. Mat-twelid tagħna aħna nirkbu din il-ferrovija u hemm niltaqgħu mal-ġenituri tagħna, li naħsbu li se jibqgħu ħdejna tul il-vjaġġ kollu. Madanakollu jasal stazzjon fejn l-omm u l-missier tagħna jinżlu u jħalluna nivjaġġaw għal rasna fuq il-ferrovija tal-ħajja. Mat-triq jitilgħu fuq il-ferrovija xi persuni li jsiru speċjali għalina bħal ngħidu aħna ħutna, tfal oħrajn, ħbieb kif ukoll dawk li nsiru nħobbu u naqsmu ħajjitna magħhom, isiru l-maħbubin tagħna. Ħafna jinżlu minn fuq il-ferrovija u jħallulna warajhom vojt kbir li xejn ma jista’ jimlih. Xi wħud jinżlu f’xi stazzjon bla ma nittendu u n-nuqqas tagħhom ma tantx jaffetwana. Din ir-rikba fil-ferrovija kienet taħlita ta’ ferħ, ta’ niket, ta’ fatansiji, ta’ stennijiet, ta’ “Bonġu”, ta’ “Saħħa”, ta’ tislim.

Vjaġġ suċċess iseħħ billi l-passiġġier ikollu relazzjoni mill-aħjar mal-passiġġieri l-oħra. Biex isir dan trid tagħmel ħiltek biex tagħti l-aħjar li tista’ lill-oħrajn. Il-misteru l-kbir fuq din il-ferrovija huwa li ħadd minna ma jaf f’liema stazzjon ikun imissu jinżel għalhekk jaqbel li l-vjaġġ tal-ħajja ngħadduh bl-aħjar mod possibbli – bl-imħabba, bil-maħfra, bl-għoti u bil-qsim ta’ dak li jkollna mal-oħrajn.
Meta jasal il-waqt li aħna nqumu minn bilqegħda biex ninżlu minn fuq il-ferrovija u nħallu l-post vojt, għandna nħallu warajna tifkiriet mill-isbaħ lil dawk li jkunu ser jibqgħu jivjaġġaw fuq il-ferrovija tal-ħajja. Ma għandniex ninsew inroddu ħajr lill-ħallieq li tana l-ħajja u l-possibilità li nivjaġġaw fuq din il-ferrovija.”

Dan kien il-messaġġ; qasir imma fih wieħed x’jifhem u x’jixtarr!

Fit-traffiku
Mhux sejjer nikteb dwar it-traffiku tal-karozzi li għandna Malta, li biex inkun ġust ġieli rajt bħalu jew agħar minnu anke barra minn Malta, imma qed nirreferi għat-traffiku tal-ħajja. Ladarba qed nistħajlu l-ħajja bħala vjaġġ, hija ħaġa minn awl id-dinja li xi drabi se ninqabdu fit-traffiku. Veru li l-ferrovija ma tinqabadx fit-traffiku imma ġieli jkollha xi dewmien ukoll.

Fit-traffiku tal-ħajja ninqabdu meta nintrebħu mix-xogħol jew minn attivitajiet li ma jħallulniex mexjin bil-kwiet. Kultant xi attività tant toħdilna enerġija li nispiċċaw fi stress. Mhux qed nirreferi għax-xogħol li minnu naqilgħu l-għixien tagħna imma ġieli nidħlu għal xi biċċa xogħol, xi attività fil-ħin liberu tagħna, li minħabba n-natura tagħna tkun titlob minna ħafna ħin u sforzi tant li nispiċċaw nintrikbu minnha u ninsew li bdejna dik il-biċċa xogħol bħala mogħdija ta’ żmien jew bħala volontarjat. Il-volontarjat huwa vast ħafna u mhux bilfors ikun jinvolvi xi għaqda ta’ benifiċenza. Biżżejjed tkun membru f’kumitat ta’ tim tal-futbol jew ta’ każin tal-banda jew ta’ xi għaqda oħra, il-ħin li toffri għal dik l-għaqda jista’ jitqies bħala volontarjat għax tkun qed tagħmlu mhux bħala xogħol għall-qliegħ ta’ flus imma minn qalbek għall-għaqda li tkun tħobb. Għalhekk kultant nintilfu fit-traffiku tal-ħajja, jew fi kliem ieħor nitgħabbew wisq b’xi ħaġa li nkunu qed nagħmlu u nispiċċaw ninsew lilna nfusna bil-konsegwenza li nispiċċaw fi stress. Dan huwa t-traffiku li qed insemmi biex nibqgħu bit-tema tal-vjaġġ tal-ħajja.

Min bagħatli l-messaġġ
Fil-bidu għiditilkom li dan il-messaġġ irċivejtu fuq mezz ta’ media soċjali imma ma semmejtx min għand min irċivejtu. Ħabiba antika tiegħi, konna kollegi naħdmu skrivanija ma’ skrivanija. Kienet hi li bagħtitli dan il-messaġġ qawwi wara li jiem qabel kont mexxejt il-funeral ta’ ommha. Kemm jista’ jkun ta’ serħan il-qalb messaġġ bħal dan! Meta tħares lejn il-ħajja bħala vjaġġ mhux tiddispra meta jasal l-istazzjon fejn ikollok tħalli t-tren imma tirrassenja ruħek u tħalli bil-qalb it-tajba lill-passiġġieri l-oħra, fosthom l-ulied, l-aħwa u dawk l-aktar għeżież. Mhux faċli ħa nifthemu, imma possibbli. Meta l-ħajja tqsiha bħala vjaġġ fuq ferrovija, taf u tistenna dejjem l-istazzjon li fih tkun trid tinżel biex tħalli l-ferrovija sejra fi triqitha!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  16 ta' frar 2019


venerdì 3 marzo 2017

Sejba ta’ pjaneti oħra

L-aħbar li smajna dan l-aħħar li n-Nasa ħabbret li nstabu seba’ pjaneti ġodda, bejn wieħed u ieħor id-daqs tad-dinja tagħna qajmet bosta domandi. Dawn il-mistoqsijiet, li anke staqsew lili, bagħtuni lura fil-ħsibijiet tiegħi u bdejt nipprova niftakar dak li xi darba studjajt.

Kemm huma bogħod minna?
Ix-xjenzjati qalulna li dawn il-pjaneti ġodda jinstabu madwar 39 sena dawl bogħod minna. Imma b’ daqshekk kemm hawn minna li fehmu xi ħaġa? Irridu nagħmlu ftit kalkoli biex nifhmu.

Id-dawl jivjaġġa b’ veloċità ta’  299,792,458 metru fis-sekonda. Kważi tliet mitt miljun metru fis-sekonda. Issa kull 60 sekonda tagħmel minuta, kull sittin minuta tagħmel siegħa u kull 24 siegħa jiffurmaw gurnata li 265 minnhom jagħmlu sena. Irridu nimmultiplikaw dawn in-numri kollha flimkien biex inkunu nafu f’ sena kemm-il metru jagħmel id-dawl. In-numru jiġi 9,454,254,955,488,000, disa’ kwadriljun, erba’ mija u erba’ u ħamsin triljun, mitejn u erba’ u ħamsin biljun, disa’ mija u ħamsa u ħamsin miljun u erba’ mija u tmiena u tmenin elf. Jekk jirnexxielek timmultiplika dan in-numru b’ 39 issib kemm dan il-pjaneti li nstabu dan l-aħħar huma bogħod minna. Jekk tneħħi l-aħħar tliet numru minflok metri jiġu kilometri!



North American X-15
Issa ejjew naraw ftit liema huwa l-aktar ajruplan fid-dinja li jiġri. Jingħad li dan huwa n-North American X-15. Dan jista’ jilħaq veloċità massima ta’ 7,274 kilometru fis-siegħa jew ftit aktar minn 20 kilometru fis-sekonda. Il-veloċità tad-dawl hija bejn wieħed u ieħor ħmistax-il elf darba aktar minn din il-veloċita.

Għalfejn dawn in-numri u kalkoli kollha? Sempliċiment biex naraw kieku bniedem kellu jfettillu jaqbad dan l-ajruplan biex imur sa fuq xi pjaneta minn dawn il-ġodda, idum sejjer aktar minn nofs miljun sena. Mela aħsibha qabel tfattarha!

Hemm ħajja fuq dawn il-pjaneti?
Ix-xjenzjati qalulna li fuq dawn il-pjaneti jista’ jkun hemm preżenza ta’ ilma f’ forma likwida li jagħti lok għall-ħajja. Iżda rridu niftakru li l-ilma mhux biżżejjed għall-ħajja. Jekk dawn il-pjaneti ma għandhomx atmosfera mhux possibbli ħajja bħal tagħna. Għandna nżommu f’ moħħna li dak kollu li qed jgħidu x-xjenzjati huwa ipotesi u ma hemm xejn ċert għaliex ħadd minn din id-dinja għadu ma rifes fuq xi waħda minn dawn il-pjaneti. Nafu li jinstabu f’ sistema solari differenti minn dik tagħna, aħna nduru max-xemx, huma jduru ma’ stilla oħra. Din is-sistema tajnieha l-isem ta’ Trappist 1. Is-sena d-dieħla n-Nasa sejra titfa’ teleskopju enormi ieħor fl-ispazju li jkompli jagħtina aktar tagħrif dwar dawn il-pjaneti li tlieta minnhom qed jgħidu li possibli jkun hemm il-ħajja fuqhom. Iżda sa issa ma nafu xejn aktar dwarhom.

U xi tgħid il-Knisja
Xi wħud staqsewni jekk il-Knisja ssibx diffikultà taċċetta li jkun hemm ħajja barra din id-dinja. Jien ma rridx inkun prużuntuż u lanqas jiena xi awtorità tal-Knisja f’ dan il-qasam, iżda biex twieġeb din il-mistoqsija ma hemmx għalfejn tkun awtorità, biżżejjed tiftakar dak li tkun tgħallimt.

Il-Knisja tgħallem li Alla ħalaq id-dinja u kulma jinsab fiha. Issa aħna għandna r-rakkont tal-ħolqien tad-dinja fil-ktieb tal-Ġenesi. Meta nkiteb dan il-ktieb, bejn il-ħames mitt sena u l-elf sena qabel Kristu, ix-xjenza ma kinitx dik li hi llum, anzi x-xjenza li għandna llum lanqas kienet għadha twieldet. Madanakollu l-bniedem minn dejjem staqsa kif ġie, minn fejn ġie u bosta mistoqsijiet oħra li ried iwieġeb permezz tal-fidi għaliex ma kellux toroq oħra x’ jaqbad. Għalhekk għandna l-istorja tal-ħolqien fil-Bibbja. Dan ma huwiex rakkont storiku iżda huwa rakkont li ssodisfa lil dak li ried ikun jaf xi ħaġa dwar il-bidu tad-dinja.

Illum mhux biss nafu li r-rakkont tal-ħolqien li nsibu fil-Ġenesi huwa immaġinarju iżda hawn xi wħud li lanqas jemmnu f’ dak li dan il-ktieb jgħid li ħalaq kollox. F’ dan il-każ immur għall-metafiżika, fergħa tal-filosofija li titrratta dak li huwa lil hinn mill-fiżika. Aristotile jsemmi l-mutur li jċaqlaq iżda li hu ma jiċċaqlaqx. Dan il-filosfu Grieg għex kwazi 400 sena qabel Kristu u għalhekk żgur ma kienx Kristjan. Lanqas kien Lhudi iżda kien jemmen bl-allat Griegi. Huwa jgħid li biex sar il-ħolqien ried ikun hemm l-ewwel spinta, xi ħaġa li toħloq imma li hi qatt ma kienet maħluqha. Dak li Aristotile sejjaħ l-ewwel mutur immobbli għal San Tumas ta’ Akwinu kien Alla. Mela kemm dawk li jemmnu f’ Alla kif ukoll dawk li ma jemmnux jaqblu li l-ħolqien sar, issa dwar l-isem ta’ min ħalaq ma naqblux iżda naqblu li l-ħolqien seħħ. Imbagħad hemm dawk li lanqas il-ħolqien ma jaċċettaw!
Dan ma kienx il-ħolqien tas-sistema solari tagħna biss, ma kienx ħolqien tal-galassja tagħna biss, jeżistu sistemi solari oħrajn, jeżistu galassji oħra li kollha nħolqu flimkien minn l-istess mgħallem. Din hija l-pożizzjoni tal-Knisja dwar din is-sejba.

Dan għadu biss il-bidu, min jaf kemm gaħd irridu nisimgħu aktar dwar dan!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 4 ta' Marzu 2017


sabato 2 gennaio 2016

Tamiet

Għadna kemm bdejna sena ġdida u bħal dejjem, kull bniedem ikun jixtieq li s-sena l-ġdida  tkun aħjar minn dik ta’ qabilha. Ħadd ma jaf x’ għad naraw tuldawn it-366 jum li jiffurmaw is-sena 2016. Aħna nittamaw li jkunu kollha tajbin, imma din hija biss it-tama tagħna. Imnalla jkun hemm it-tama li tagħtina tefa’ biex nibqgħu sejrin ‘l quddiem.

X’ inhi t-tama?
It-tama hija l-atitudni ottimisitika ta’ dak li nkunu qegħdin nistennew, il-ħsieb jew tal-inqas ix-xewqa li dak li sejrin nagħmlu jkollu riżultat pożittiv. Il-kuntrarju tat-tama huwa l-qtiegħ il-qalb u d-disprament. It-tama tħallina noħolmu b’ futur wisq aħjar mill-passat, tħallina nixxenqu għal dinja li teżisti biss fil-fantażija. Imma t-tama hija importanti għall-bniedem għaliex mingħajrha dak li jkun jibda jeżisti minflok jgħix. It-tama tagħtina l-kuraġġ li nibqgħu ngħixu u nibqgħu nistinkaw biex ngħixu aħjar. Fil-kampijiet tal-konċentrament ta’ żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, kienet it-tama tal-ħelsien li żammet li xi wħud milli jispiċaw irmiet ħin qabel il-waqt. F’ logħba futbol hija t-tama li jinġieb il-pariġġ u forsi gol ieħor wara,  li tħalli lit-tim li jkun qed jitlef jibqa’ jissielet sal-aħħar. It-tama hija l-aktar ingredjent importanti fil-ħajja tal-bniedem.

Fidi, tama u mħabba
Hope, Faith u Charity kienu l-ewwel tliet ajruplani li Malta kellha fit-Tieni Gwerra Dinjija. Fil-verità dawn l-ismijiet huma it-tliet virtujiet teologali. Fil-Bibbja l-kunċett tat-tama jfisser l-istennija qawwija tal-premju li wieħed għandu jistenna jekk matul ħajtu jgħix sewwa. Bniedem jittama li jkun ippremjat ta’ dak li jkun ħadem għalih. San Pawl jgħidilna li t-tama hija l-għajn li salva lin-Nisrani. Araw x’ jgħidilna “Aħna salvi bit-tama. Meta wieħed jara l-ħwejjeġ li jkun ittama, ma tkunx aktar tama; għax kif jista' wieħed jittama l-ħwejjeġ li ġa jkun ra? Imma dak li qegħdin nittamaw, jekk m'aħniex narawh, qed nistennewh bis-sabar.” [Rum:8:24-25] Jgħidilna wkoll “Issa hawn fidi, tama u mħabba, it-tlieta jibqgħu. Il-kbira fosthom l-imħabba.” [1Kor:13:13] U biex bħal donnu jkompli jurina kemm hija meħtieġa t-tama għall-bniedem jgħidilna “Din it-tama hija għalina bħal ankra tar-ruħ, sħiħa u qawwija; biha aħna nidħlu 'l ġewwa mill-velu, fejn qabilna daħal Ġesù.” [Lhud:6:19-20a]

Il-buqar ta’ Pandora
Fil-mitoloġija Griega, Elpis kien jippersonifika l-ispirtu tat-tama. Il-Poeta Grieg Esjodu , li għex lejn l-aħħar tas-seklu VIII u l-bidu tas-seklu VII qabel Kristu, fix-xogħol tiegħu li jġib l-isem ‘Erga kai Hēmerai’, li jfisser ‘Xogħolijiet u Jiem’, jirrakkonta li Pandora ingħatat buqar bir-rigali, u fosthom kien hemm it-tama. Pandora ma kellha tiftaħ qatt dan il-buqar (bejnietna, mela ma nafx għalfejn tawhulha!). Pandora imqanqla bil-kurità fetħet il-buqar u minnu ħareġ il-ħazen kollu li jkidd lill-bniedem. Bħala rimedju għal dan il-ħażen hemm biss it-tama. Din hija storja fittizja imma  turina li t-tama hija s-soluzjoni għal kull tip ta’ ħażin. Dan ma jfissirx li t-tama dejjem tirbaħ il-ħażin, imma tal-anqas tgħin lil dak li jkun ma jintelaqx mal-kurrent u jitkaxkar minnu.

Kemm tamiet!
Matul din is-sena ġdida kemm tamiet għandna! F’ kull qasam tal-ħajja nsibu bosta u bosta tamiet, tamiet ta’ għixien aħjar, tamiet ta’ xorti tajba.
F’Malta kull sena jsiru madwar tlett elef żwieġ. Sitt elef persuna jorbtu l-għoqda. Żgur li lkoll kemm huma jittamaw li dak li jkunu qegħdin iħossu dakinhar tat-tieġ jibqa’ magħhom tul ħajjithom kollha. Hekk jittamaw imma l-ħajja fiha l-inżul u t-tlajja u kultant dak li jittamaw jispiċċa fix-xejn – sfortunatament. Kemm studenti matul din is-sena ġdida sejrin jagħmlu eżamijeit importanti li r-riżultat tagħhom jista’ jkun deċiżiv għall-futur tagħhom. Dawn kollha jittamaw li jgħaddu dawn l-eżamijiet bla nkwiet ta’ xejn. Sfortunatment ikun hemm min jeħel u t-tama tiegħu tmut fix-xejn. Kemm aktar tamiet!

Tamiet għall-ħajja
Minkejja li nittamaw li matul din is-sena ma nisimgħux b’ każi ta’ mard, ikollna nammettu li din it-tama tagħna hija fiergħa. Kemm irridu nisimgħu b’ persuni, forsi qrib tagħna, jekk mhux ukoll aħna stess, li jkollhom jagħmlu xi eżami mediku. It-tama kemm tagħhom kif ukoll tagħna żgur li tkun li ma jkun hemm xejn gravi. It-tama hija nofs il-fejqan. Jekk wieħed jitlef it-tama f’ dawn il-każi jkun qiegħed jikkundanna lilu nifsu għal qagħda agħar minn dik li jkun fiha.

Ilkoll nittamaw li din is-sena li għadna kif bdejna narawha tispiċċa, imma l-ħajja tgħallimna li hemm żmien ta’ bidu u żmien ta’ tmien u għalhekk  minkejja li lkoll nittamaw is-sabiħ ikollna naċċettaw l-ikraħ ukoll. Ma rridx ninstema’ pessimist, imma rrid inkun realist, xi wħud minna se jagħmlu l-pass il-kbir matul din is-sena.

Tamiet ta’ futur sabiħ, tamiet ta’ ħajja aħjar, tamiet ta’ sena mimlija sliem...   ejjew nittamaw għax jekk naqtgħu qalbna, jekk ma nittamawx  hemm possibilità li niddispraw.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 2 ta' Jannar, 2016
 


venerdì 3 aprile 2015

Bejn il-mewt u l-ħajja


Ħsibijiet li ma għandhomx x’ jaqsmu ma’ Sibt il-Għid

Sibt il-Għid huwa jum partikolari ħafna, jum li għall-Knisja Kattolika u għal dawk li huma membri tagħha, jibda bin-niket u jintemm bil-ferħ. Dan huwa jum li jibda bil-ħsieb tad-difna ta’ Ġesù imma jintemm bil-kant tal-Halleluljah fit-tifkira tal-qawmien mill-mewt ta’ Kristu. Dan huwa jum li mill-mewt jgħaddina għall-ħajja. Imma l-jum tal-lum ġabli f’ moħħi ħwejjeġ oħra li ma għandhomx x’ jaqsmu mal-Knisja li wkoll għaddew mill-mewt għall-ħajja.

Mill-mewt għall-ħajja jew mill-ħajja għall-mewt?
Aktarx li aktar tagħmel sens il-frażi “mill-ħajja għall-mewt” milli bil-kontra għaliex il-loġika, in-natura, ir-raġuni hekk jgħidulna li xejn ma huwa etern u kollox jispiċċa, kollox jgħaddi mill-ħajja għall-mewt. Imma ġieli nsibu rwieħna quddiem ħwejjeġ li jkunu mietu, ikunu spiċċaw u llum reġgħu ħadu l-ħajja. Xi rrid ngħid b’ dan kollu?

Nista’ nġib bosta eżempji ta’ drawwiet jew ħwejjeġ li kienu mietu u li lum reġgħu rxuxtaw, imma sejjer insemmi ftit biss. Fi tfuliti il-ħarġa tagħna kienet tkun sas-sala taċ-ċinema. Niftakar żewġ swali taċ-ċinema f’ raħal tfuliti, Ħal Qormi; l-Amazon u l-Warner. Meta kbirt ftit ieħor kont bdejt immur nara xi film il-Belt. Biss inbidlet il-mentalità taż-żgħażagħ ta’ dak iż-żmien u ma bqajniex immorru t-talkies u bdejna nifrekwentaw id-discos. Dan il-fatt wassal biex nistgħu ngħidu li s-swali taċ-ċinema kollha f’ pajjiżna għalqu. Iċ-ċinema f’ Malta mietet. Għaddew ftit snin mhux ħażin u kien hemm min investa fi swali moderni taċ-ċinema u l-Maltin reġgħu bdew imorru jaraw xi film. Dan il-fenomenu ma seħħx biss f’ Malta imma madwar id-dinja kollha.

Nostalġija
Kull ġenerazzjoni tħoss nostalġija għal dak li kien jeżisti fi ċkunitha jew żgħożitha. Tisma’ ċerti xjuh jitkellmu fuq iz-zuntier, fil-pjazza jew f’ xi każin tisħajjilhom li żmienhom kien is-snin tad-deheb. Jibdew isemmu karozzi tas-snin sittin, diski tal-Beatles u ta’ Elvis Presley, artisti li twieldu seklu ilu u elf ħaġa oħra. Dawn bi kliemhom ipinġu żmien tfulithom bħala l-isbaħ li qatt kien hawn fid-dinja. Ma tlumhomx għax it-tfulija hija l-isbaħ żmien tista’ tgħid għal kulħadd. Dawn it-talin jitkellmu b’ nostalġija kbira, ikunu jixtiequ li t-tfal u ż-żgħażagħ tal-lum iduqu ftit mill-benna li gawdew huma meta kienu għadhom żgħar. Huwa frott tan-nostalġija li kultant ċerti ħwejjeġ jerġgħu jieħdu l-ħajja.

Il-Premier
Dan l-aħħar il-Cafè Premier tal-Belt kien fuq l-aħbarijiet, mhux minħabba n-nostalġija imma fuq kwistjoni politika. Jien ma nidħolx fi kwistjonijiet politiċi, dan mhux ħobz għall-snieni. Imma l-Premier tal-Belt kien post fejn bosta Maltin kienu jqattgħu sigħat jiddevertu u għalhekk qiegħed insemmih.
Ftit jiem ilu kont tieġ u fis-sala kien hemm jazz band. Bdejt nitkellem ma’ persuna li kienet ħdejja u għidtilha li lum il-jazz bands kważi spiċċaw. Kien hemm żmien li ma tmurx f’ restaurant jew night club li ma jkunx hemm xi jazz band iddoqq. Minħabba l-ispejjeż dawn spiċċaw. Il-persuna li kont qiegħed nitkellem magħha kellha xi għoxrin sena aktar minni u dlonk semmietli l-Premier. Jien dan il-post ma niftakrux fl-aqwa tiegħu, anzi nista’ ngħid li f’ żgħożiti l-Belt Valletta kien insterqilha l-faxxinu tagħha minn Paceville u kienet spiċċat belt tal-baħħ. Minkejja li l-Premier għalaq, xorta waħda l-Belt Valletta għaddiet mill-mewt għall-ħajja. F’ żgħożiti l-Belt kienet saret  post fejn tista’ toqtol u tidfen. Illum mhux hekk! Illum tidħol sal-Belt u ssib divertiment kbir.

Il-Jazz Bands
Ladarba semmejt il-jazz bands u kif dawn donnhom għebu minn wiċċ id-dinja, nixtieq insemmi xi ħaġa li sibt ruħi quddiemha dan l-aħħar. Fi knisja partikolari f’ pajjiżna hemm saċerdot li jagħmel quddiesa kull nhar ta’ Ħadd li għaliha jattendu mijiet ta’ żgħażagħ u anke mhux tant żgħażagħ. F’ din il-quddiesa jkun hemm grupp ta’ mużiċisti li janimawha. Ovvajment la jkun hemm il-mużiċisti, jkun hemm l-istruemnti, Il-kitarri, il-pjanu elettroniku u t-tnabar. Ovvjamnet mhux kulħadd jaqbel ma’ quddiesa animata minn Jazz Band imma aħjar nirringrazzjaw lil Alla li hemm mijiet ta’ Maltin li jmorru jisimgħu din il-quddiesa partikolari nhar ta’ Ħadd! Għandu mnejn jekk ma jisimgħux dik il-quddiesa dawn it-talin jispiċċaw ma jisimgħux quddies fil-jum iddedikat lill-Mulej. Għandu mnejn biss-saħħa ta’ dik il-jazz band hemm erwieħ li qegħdin jersqu lejn Alla. Anke mil-lat kulturali, nieħdu gost li hemm banda jazz li għadha ħajja. Dawn it-tip ta’ gruppi mużikali kienu mietu u bis-saħħa ta’ inizjattiva ta’ xi ħadd kien hemm gruppi li għaddew mill-mewt għall-ħajja!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 4 ta' April 2015