Għadna kemm
bdejna sena ġdida u bħal dejjem, kull bniedem ikun jixtieq li s-sena l-ġdida tkun aħjar minn dik ta’ qabilha. Ħadd ma jaf
x’ għad naraw tuldawn it-366 jum li jiffurmaw is-sena 2016. Aħna nittamaw li
jkunu kollha tajbin, imma din hija biss it-tama tagħna. Imnalla jkun hemm
it-tama li tagħtina tefa’ biex nibqgħu sejrin ‘l quddiem.
X’ inhi t-tama?
It-tama hija l-atitudni
ottimisitika ta’ dak li nkunu qegħdin nistennew, il-ħsieb jew tal-inqas
ix-xewqa li dak li sejrin nagħmlu jkollu riżultat pożittiv. Il-kuntrarju
tat-tama huwa l-qtiegħ il-qalb u d-disprament. It-tama tħallina noħolmu b’
futur wisq aħjar mill-passat, tħallina nixxenqu għal dinja li teżisti biss
fil-fantażija. Imma t-tama hija importanti għall-bniedem għaliex mingħajrha dak
li jkun jibda jeżisti minflok jgħix. It-tama tagħtina l-kuraġġ li nibqgħu
ngħixu u nibqgħu nistinkaw biex ngħixu aħjar. Fil-kampijiet tal-konċentrament
ta’ żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, kienet it-tama tal-ħelsien li żammet li xi
wħud milli jispiċaw irmiet ħin qabel il-waqt. F’ logħba futbol hija t-tama li
jinġieb il-pariġġ u forsi gol ieħor wara,
li tħalli lit-tim li jkun qed jitlef jibqa’ jissielet sal-aħħar. It-tama
hija l-aktar ingredjent importanti fil-ħajja tal-bniedem.
Fidi, tama u mħabba
Hope, Faith u
Charity kienu l-ewwel tliet ajruplani li Malta kellha fit-Tieni Gwerra Dinjija.
Fil-verità dawn l-ismijiet huma it-tliet virtujiet teologali. Fil-Bibbja l-kunċett
tat-tama jfisser l-istennija qawwija tal-premju li wieħed għandu jistenna jekk
matul ħajtu jgħix sewwa. Bniedem jittama li jkun ippremjat ta’ dak li jkun
ħadem għalih. San Pawl jgħidilna li t-tama hija l-għajn li salva lin-Nisrani.
Araw x’ jgħidilna “Aħna salvi bit-tama. Meta wieħed jara l-ħwejjeġ li jkun
ittama, ma tkunx aktar tama; għax kif jista' wieħed jittama l-ħwejjeġ li ġa
jkun ra? Imma dak li qegħdin nittamaw, jekk m'aħniex narawh, qed nistennewh
bis-sabar.” [Rum:8:24-25] Jgħidilna wkoll “Issa hawn fidi, tama u mħabba,
it-tlieta jibqgħu. Il-kbira fosthom l-imħabba.” [1Kor:13:13] U biex bħal donnu
jkompli jurina kemm hija meħtieġa t-tama għall-bniedem jgħidilna “Din it-tama
hija għalina bħal ankra tar-ruħ, sħiħa u qawwija; biha aħna nidħlu 'l ġewwa
mill-velu, fejn qabilna daħal Ġesù.” [Lhud:6:19-20a]
Il-buqar ta’ Pandora
Fil-mitoloġija
Griega, Elpis kien jippersonifika l-ispirtu tat-tama. Il-Poeta Grieg Esjodu ,
li għex lejn l-aħħar tas-seklu VIII u l-bidu tas-seklu VII qabel Kristu, fix-xogħol
tiegħu li jġib l-isem ‘Erga kai Hēmerai’,
li jfisser ‘Xogħolijiet u Jiem’,
jirrakkonta li Pandora ingħatat buqar bir-rigali, u fosthom kien hemm it-tama. Pandora
ma kellha tiftaħ qatt dan il-buqar (bejnietna, mela ma nafx għalfejn
tawhulha!). Pandora imqanqla bil-kurità fetħet il-buqar u minnu ħareġ il-ħazen
kollu li jkidd lill-bniedem. Bħala rimedju għal dan il-ħażen hemm biss it-tama.
Din hija storja fittizja imma turina li
t-tama hija s-soluzjoni għal kull tip ta’ ħażin. Dan ma jfissirx li t-tama
dejjem tirbaħ il-ħażin, imma tal-anqas tgħin lil dak li jkun ma jintelaqx
mal-kurrent u jitkaxkar minnu.
Kemm tamiet!
Matul din is-sena
ġdida kemm tamiet għandna! F’ kull qasam tal-ħajja nsibu bosta u bosta tamiet,
tamiet ta’ għixien aħjar, tamiet ta’ xorti tajba.
F’Malta kull sena
jsiru madwar tlett elef żwieġ. Sitt elef persuna jorbtu l-għoqda. Żgur li lkoll
kemm huma jittamaw li dak li jkunu qegħdin iħossu dakinhar tat-tieġ jibqa’
magħhom tul ħajjithom kollha. Hekk jittamaw imma l-ħajja fiha l-inżul u t-tlajja
u kultant dak li jittamaw jispiċċa fix-xejn – sfortunatament. Kemm studenti
matul din is-sena ġdida sejrin jagħmlu eżamijeit importanti li r-riżultat tagħhom
jista’ jkun deċiżiv għall-futur tagħhom. Dawn kollha jittamaw li jgħaddu dawn
l-eżamijiet bla nkwiet ta’ xejn. Sfortunatment ikun hemm min jeħel u t-tama
tiegħu tmut fix-xejn. Kemm aktar tamiet!
Tamiet għall-ħajja
Minkejja li
nittamaw li matul din is-sena ma nisimgħux b’ każi ta’ mard, ikollna nammettu
li din it-tama tagħna hija fiergħa. Kemm irridu nisimgħu b’ persuni, forsi qrib
tagħna, jekk mhux ukoll aħna stess, li jkollhom jagħmlu xi eżami mediku.
It-tama kemm tagħhom kif ukoll tagħna żgur li tkun li ma jkun hemm xejn gravi.
It-tama hija nofs il-fejqan. Jekk wieħed jitlef it-tama f’ dawn il-każi jkun
qiegħed jikkundanna lilu nifsu għal qagħda agħar minn dik li jkun fiha.
Ilkoll nittamaw
li din is-sena li għadna kif bdejna narawha tispiċċa, imma l-ħajja tgħallimna
li hemm żmien ta’ bidu u żmien ta’ tmien u għalhekk minkejja li lkoll nittamaw is-sabiħ ikollna
naċċettaw l-ikraħ ukoll. Ma rridx ninstema’ pessimist, imma rrid inkun realist,
xi wħud minna se jagħmlu l-pass il-kbir matul din is-sena.
Tamiet ta’ futur
sabiħ, tamiet ta’ ħajja aħjar, tamiet ta’ sena mimlija sliem... ejjew nittamaw għax jekk naqtgħu qalbna,
jekk ma nittamawx hemm possibilità li
niddispraw.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 2 ta' Jannar, 2016
Nessun commento:
Posta un commento