Fl-24 ta’ Jannar
ta’ kull sena niċċelebraw il-festa ta’ San Franġisk ta’ Sales. Dan huwa
l-qaddis patrun tal-ġurnalisti. Il-ġurnalisti huma dawk in-nies li bis-saħħa
tagħhom jaslu l-aħbarijiet fi djarna. L-aħbarijiet illum jaslulna kemm
bil-kitba, bir-ritratti u bil-filmati. Biex jaslilna dan kollu hemm persuni li
xogħolhom huwa li jew jiktbu dak li jkun ġara jew inkella jkunu fuq il-post
biex jieħdu ritratti jew filmati sabiex ikunu jistgħu jwassluholmna flimkien
mal-ġrajja li nkunu qegħdin nisimgħu jew naqraw.
Evoluzzjoni

Niftakar qisu
l-bierah li f’ ġurnal Malti tal-bidu tas-seklu XX kont qrajt l-aħbar li f’
Raħal Ġdid tifel kien għaddej bir-rota u ħabat mal-ħajt u weġġa’ iżda mhux
gravi. Aħbar oħra kienet tgħid li mara aljenat rasha u serqulha l-qoffa
bix-xirja tal-ħaxix li kienet għadha kemm għamlet. Illum nitbissmu meta naqraw
dawn l-aħbarijiet għaliex inħossu li ma għandhomx valur li jixxandru, ma
għandhomx News Value.
Dan kollu juri
kemm il-ġurnaliżmu evolva bħalma evolva l-bniedem u l-ħajja li jgħix.
Il-karozzi ħadu post ir-roti u meta karozza kien ikollha xi inċident, anke jekk
wieħed żgħir, beda jkun imxandar fuq il-ġurnali. Illum lanqas dawn l-inċidenti
żgħar ma għadhom jitħabbru. Xi serqa ta’
qoffina larinġ ma baqgħetx ta’ News Value
ħdejn xi serqa ta’ xi somma flus u għalhekk ma baqgħetx tkun imxandra.
Prossimità
Ħaġa li dejjem
affettwat il-mod kif tixxandar aħbar hija l-prossimità. Jekk ħaġa ssir f’
pajjiżna allura tixxandar bil-pompi kollha, jekk tkun xi ħaġa li ġrat fl-Ewropa
tixxandar ukoll, imma hawn tilgħab parti importanti l-ġeografija. Jekk issir xi
att ta’ News Value fl-Italja, aħna
nirrapurtawh mill-ewwel, jekk l-istess att isir fin-Norveġja, għandna mnejen
nirrapurtawh, imma mhux bl-istess importanza daqskemm dak li seħħ fil-pajjiż
ġar tagħna. Jekk imbagħad l-istess ħaġa sseħħ fiċ-Ċina, aktar iva milli le, dak
li ġara ma jixxandarx għaliex ftit li xejn ikun jinteressana. Din hija
l-prossimità, pajjiż ġoegrafikament qrib tagħna iqanqal fina kurżità kbira u
għalhekk jikber in-News Value ta’ xi
aħbar dwaru.
Jekk per ezempju
jmutu żewġ ħaddiema Taljani f’ diżgrazzja kbira fuq ix-xogħol, l-aħbarijiet
Maltin ixandru din l-aħbar, imma jekk dak l-inċident iseħħ fil-Ġappun jintilef
il-valur tal-aħbar għalina.
Valur
Il-ġurnaliżmu
llum ma għadux dak ta’ mitt sena ilu. Matul l-aħħar mitt sena anke f’ pajjiżna
rajna tibdil kbir f’ dan il-qasam. Forsi l-fatt li konna kolonja Brittanika,
għenna biex ikollna ġurnaliżmu serju u ta’ klassi. Min kemm ilu jeżisti l-ġurnaliżmu stampat,
Malta dejjem kellha għażla ta’ gazzetti li jxandru b’mod serju. Kien hemm
oħrajn li jxandru b’ mod satiriku.
Ma rridux ninsew
li ġurnalist huwa ħaddiem u għalhekk dmiru hu li jaqdi lil dak li jħaddmu u
fl-istess waqt iwassal l-aħbarijiet lill-pubbliku. Hawnhekk niltaqgħu ma’
problema kbira għaliex minn banda l-ġurnalist irid jibża’ għal ħobżu u
mill-banda l-oħra jrid jibża’ għal ismu. Minkejja li l-ġurnalist irid iwassal
il-messaġġ, fl-istess waqt ma jistax ikun lagħaqi ta’ dak li jħaddmu. Irid isib
mod kif jirraporta dak li għandu jirraporta b’ mod li l-aħbar ma tinbidilx u
fl-istess waqt ma jmurx kontra l-aġenda tal-imgħallem tiegħu. Dawn il-problemi
jikbru meta l-ġurnalist ikun jaħdem ma’ xi partit politiku jew mal-Knisja. Mhux
faċli tkun ġurnalist tajjeb! Aħbar li għandha valur trid tixxandar dejjem, issa
hemm il-kapaċità tal-ġurnalist biex jagħżel l-aħjar mod li jxandarha.
Pluraliżmu

Bħal kull sena,
fl-okkażjoni tal-festa tal-patrun tagħhom, insellem lil-ġurnalisti Maltin, keep up the good job mates! Komplu
evolvu l-ġurnaliżmu.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazjon, 23 ta' Jananr, 2016
Nessun commento:
Posta un commento