Kultant tiskanta
kif dal-moħħ tal-bniedem minn ħaġa jispiċċa jieħdok f’ oħra u minn din terġa’
tmur f’ xi ħaġa oħra u oħra u oħra u titbiegħed sewwa minn fejn tkun, kollox f’
sekonda, mingħajr biss ma tkun meddejt pass. Dan huwa xogħol il-fantażija
flimkien mal-memorja, żewġ fakultajiet li l-bniedem huwa imżejjen bihom. M’
ilux wisq dawn iż-żewġ fakutaljiet tiegħi ingħaqdu u ħaduni dawra dawrun
fil-memorja. Ħalli ngħidilkom xi grali.
Fit-toroq tar-raħal

Terminoloġija
Ftakar b’ bosta
kliem li jintuża fis-sengħa tal-furnara.
Jekk per eżempju ngħid “It-tlewwit tat-tensila” żġur li bosta minnkom ma
jifhmux xi tfisser. Dan huwa l-proċess tal-ħmira li tintuża fil-ħobża Maltija,
biċċa għaġina titħalla tiqras biex issir ħmira għall-jum tal-għada. Hemm ħemel
ta’ kliem ieħor li jekk ma tkunx midħla ta’ xi forn ma tkunx taf xi jfisser
bħal ngħidu aħna “issaqqi l-għaġna” titfa’ l-għaġna minn ġewwa t-tilari għal
ġol- mejjilla jew tkebbeb il-ħobż u “tpassat” titfa’ l-ħobż inkebbeb fit-tilari
b’ mod organizzat sakemm isir il-waqt li “jinħabeż”, jew biex tifhmuni
jiddaħħal fil-forn. Bosta ismijiet ta’ għodda li nsibu fil-fran ukoll qegħdin
jiġu minsijin: ir-raspa, il-ġebbieda, il-palun u oħrajn. Il-aċiss li ma huwa
xejn għajr l-irmied li jifdal mill-injam, mill-ħatab, li jitqabbad biex isaħħan
il-forn. Dejjem emmint li din il-kelma ġejja mill-Ingliż ashes, għax aħna l-Maltin għandna ħabta ndawru l-kliem barrani biex
ikun komdu f’ ħalqna. Dawn huma kollha terminoloġiji użati fis-sengħa
tal-furnara li ftit ftit qed jispiċċaw kif qed tispiċċa l-ħobża Maltija.
Fil-kliem ta’ kuljum
Billi l-ħobż kien
parti mix-xirja ta’ kuljum, missirijietna daħħluh ukoll fl-għerf li ħallewlna
b’ wirt. Insibu għadd ta’ qwiel jew idjomi li fihom il-kelma ħobż. Jekk wieħed
ried jara xi jsarraf xiħadd ieħor jgħid li jrid jara x’ ħobż jiekol. Jekk tnejn
huma ħbieb kbar ngħidu li huma ħobża u sikkina filwaqt li jekk xi ħaġa ma
nkunux kapaċi għaliha ngħidu li dik ma hijiex ħobż għal snienna għax il-qawl
jgħid biex il-ħobż tagħtih lil min jaf jieklu. Jekk imbagħad hemm wieħed li
dejjem jidħol fil-problemi ngħidu li l-inkwiet jieklu bħall-ħobż.

Ftakart ukoll li
Betlehem tfisser belt il-ħobż. L-istess bħalma Ħal Qormi, li qabel kien
jissejjaħ Casal Fornaro Betlehem hija magħrufa għall-ħobż tagħha.
Dan kollu għadda
minn moħħi fi ftit sekondi imma l-memorja u l-fantażija baqgħu jaħdmu bis-sahra
dakinhar u bqajt bqajt biex dan il-ħsieb ktibtu u ridt naqsmu maghkom.
Kemm hija vasta
d-dinja tal-ħobż, riċetta mill-aktar sempliċi: ħmira, dqiq, ilma u melħ imma
taf tagħti prodott mill-itjeb. Ħasra li bil-mod il mod qed jitlef postu minn
fuq il-mejda tagħna.
Fr Reno Muscat
Danl-artiklu deher f' In-Nazzjon fid-9 ta' Jannar 2016
Nessun commento:
Posta un commento