sabato 16 gennaio 2016

Apparenza

Mhux soltu tiegħi li nagħżel kelma Taljana bħala isem għal xi artiklu minn tiegħi l-aktar meta jkollna kelma Maltija għal dak li nkunu rridu ngħidu. Sewwasew il-kelma Maltija għal Apparenza hija “dehra”. Iktar l isfel ngħdiilkom għalfejn għażilt “Apparenza” u mhux “dehra”.

Ngħidu li l-ewwel ma tiekol l-għajn u hekk hu. Immaġina platt ikel tajjeb imma ppreżentat ħażin, kollox fuq xulxin, fi platt żgħir. Minkejja li l-ikel ikun tajjeb, id-dehra tiegħu ma tantx tkun tħajrek. Bil-maqlub ta’ dan jekk xi ħaġa tal-ikel tkun ippreżentata b’ mod sabih, minkejja li ma tkunx doqt l-ikel, id-dehra tiegħu tagħtik l-impressjoni li dak huwa tajjeb. Dan kollu huwa xogħol il-moħħ u ma jaħdimx hekk biss fejn jidħol l-ikel. Vetrina ta’ ħanut li tkun armata b’ mod sabih, bla ma trid iġġegħlek tieqaf quddiemha anke jekk ma tkunx imħajjar tixtri. Bil-maqlub, jekk vetrina ma tkunx armata sew u l-affarijiet ta’ ġo fiha jkunu mitfugħin fuq xulxin u bl-addoċċ, anke min ikun imħajjar jixtri minn dak li hemm fiha, jaħsibha darbtejn għaliex esebizzjoni ħażina tal-oġġett bosta drabi ddaħħal f’ moħħ dak li jkun li l-kwalità tal-oġġett huwa inferjuri. Nerġa ngħid, dan kollu huwa xogħol il-moħħ.

Fl-ilbies
Jekk bil-Malti ngħidu li l-ewwel ma tiekol l-għajn, dwar l-ilbies it-Taljani jgħidu li l’abito non fa il monaco, jiġifieri mhux il-libsa tagħmel lill-patri! Imma l-ilbies jagħmel parti importanti mill-istatus tagħna. Id-dehra tagħna tiddependi ħafna mill-ilbies li nilbsu. Wieħed għandu jadatta ilbiesu għall-post li jkun sejjer. Jekk wieħed sejjer jagħmel inteview għal xi xogħol ġdid, minkejja li jkun Awwissu, ma jistax imur bi flokk taċ-ċingi bix-shorts u l-flip flop għaliex id-dehra tiegħu mill-ewwel tagħti impressjoni ħażina lil dak li jkun sejjer jintervistah. Mill-banda l-oħra lanqas għandu jmur liebes donnu f’ jum it-tieġ tiegħu. għandu jkun hemm bilanċ u jintlibes ilbies adattat. U la qed nitkellem dwar l-ilbies ma nistax ma niġbidtx l-attenzjoni għal min ikun mistieden xi tieġ u jiddeċiedi li jmur il-knisja. F’ ġieħ kemm hemm, ilbsu b’ mod adattat u b’ mod li jirrispetta lill-post li sejrin fih. Darba kelli nitlob persuna titlaq ’il barra minn ġewwa knisja f’ okkażjoni ta’ tieġ għaliex id-drapp f’ ilbiesha kien skars iżżejjed.

L-ilbies jista’ wkoll iwassal messaġġ. L-ilbies jista’ jkun ukoll lingwaġġ. Għadni niftakar ċar ritratt tal-2008, ta’ Dr Lawrence Gonzi, dak iż-żmien Prim Ministru ta’ Malta f’ laqgħa pubblika ma’ Dr Joseph Muscat li kien għadu fil-bidu tat-tmexxija tiegħu fil-Partit Laburista u dak iż-żmien kien għadu Kap tal-Oppożiżżjoni. Dr Muscat deher liebes ingravata bil-kuluri tal-qawsalla. Issa nafu li dawn il-kuluri huma assoċjati kemm mal-paċi kif ukoll mal-komunità gay. Forsi Dr Muscat bi lbiesu ried juri li l-partit tiegħu huwa partit paċifist u li fih hemm ukoll post għal kulħadd, fosthom il-komunità gay. Ma nafx jekk dan kienx il-ħsieb ta’ Dr Muscat jew ta’ min għażillu dik l-ingravta, imma l-apparenza tiegħu dakinhar nisslet fija dan il-ħsieb.

Id-dehra tal-politiku
Il-Gross
Ladarba semmejt il-politiċi nistgħu ngħidu xi ħaġa dwarhom ukoll. Id-dehra fiżika tal-politiċi hija wkoll importanti. Kien hemm żmien li politiku kien ikun xi ftit imżaqqaq, bniedem mibni b’ saffejn. Ftakru f’ Winston Churchill, f’ Benito Mussolini, Carmelo Mifsud Bonniċi l-Gross. Dawn kollha kellhom persuna kbira. Illum il-politiku sar żnell, għaliex politiku mbaċċaċ jagħti l-impressjoni ta’ xi ħaġa antika, ta’ xi ħadd tqil biex jiċċaqlaq imma persuna rqieqa tagħtik l-impressjoni li hija ħafifa u trid taħdem. Ftakru ftit f’ Barak Obama; irqieq u ta’ xejra sportiva. Lil dan rajnieh spiss bla ngravata u bil-kmiem imxammrin. Id-dehra ta’ politiku bħal dan tagħtik l-impressjoni li dan xammar il-kmiem biex jaħdem u mhux se jkun politiku tad-diskorsi biss imma tax-xogħol.

Għalfejn “Apparenza” u mhux “Dehra”?
Semmejt qawl Malti, semmejt wieħed Taljan u issa se nsemmi wieħed Ingliż. Don’t judge a book by its cover. It-Taljani jgħidu wkoll li L’ apparenza inganna.  Minkejja li xi ħadd trid issir tafu sewwa qabel titkellem fuqu jew tiġġudikah, l-ewwel impressjoni li nieħdu tiegħu għandha mnejn tibqa’ magħna fit-tul. Kemm-il darba nieħdu falza stikka f’ ġudizzju li nkunu ħadna fuq xi ħadd jew xi ħaġa. Dan isir għaliex inkunu iġġudikajna mill-qoxra tal-ktieb. Imma jkollna nammettu wkoll li l-ewwel li naraw hija l-qoxra, bħalma l-ewwel ħaġa li rajtu qabel bdejtu taqraw dan l-artiklu kien l-isem. Kieku għażilt il-kelma “Dehra” naħseb li bosta kienu jqallbu l-paġna bla ma jaqraw dak li ktibt, imma l-fatt li l-kelma “Apparenza” hija iktar attraenti, dak li jkun, bħalek, qara dan l-artiklu mill-bidu sal-aħħar għaliex l-ewwel ma tiekol l-għajn.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 16 ta' Jannar 2016







Nessun commento:

Posta un commento