Visualizzazione post con etichetta luċija santos. Gwardamanġa. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta luċija santos. Gwardamanġa. Mostra tutti i post

venerdì 19 aprile 2024

Il-Madonna ta’ Fatima fi Gwardamanġa Inkurunata

Nhar il-Ħadd, 14 ta’ Mejju 2023, meta l-Arċisqof ta’ Malta Mons. Malta Charles J. Scicluna kien qiegħed iqaddes fis-Santwarju Parrokkjali tal-Madonna ta’ Fatima li nsibu fi Gwardamanġa Tal-Pietà, ħabbar li kien laqa’ t-talba tal-komunità ta’ din il-parroċċa biex l-istatwa tal-Madonna li nsibu fl-apside fuq l-artal tkun inkurunata. Xieraq li nkunu nafu xi ħaġa dwar din il-parroċċa u dwar ix-xbieha Marjana li ser tkun inkurunata fil 5 ta’ Mejju 2024.

Ir-raħal


Tal-Pietà, wieħed mill-irħula żgħar ta’ art twelidna, li minkejja ċ-ċokon tiegħu insibu fih għadd ta’ mkejjen li jiddistingwuh minn irħula oħra. Aktarx li l-aktar binja magħrufa f’dan il-post hija l-Isptar San Luqa. Biss hemm bosta binjiet oħra li huma mgħobbijin bi storja. Il-Barrakka tad-Dgħajjes, il-Kappella tad-Duluri li tat l-isem lil-lokal, il-Binja tar-Rediffussion, li għal bosta snin kien l-uniku mezz ta’ xandir f’dawn il-gżejjer, Television House, il-Kulleġġ Santu Wistin, l-Orfanatrofju tal-Orsolini, il-Kwartieri Ġenerali ta’ wieħed mill-partiti politiċi ewlenin ta’ pajjiżna, sa ftit snin ilu l-Iskola Medika, l-Isptar Karen Grech li fih raw id-dawl eluf ta’ Maltin, iċ-ċimiterji Militari kif ukoll djar li fihom għexu persuni prominenti bħal Villa Frere u Villa Guardamangia li fiha għal xi żmien għexet il-Prinċipessa Eliżabetta. Fuq kollox, jiżboq kull binja oħra u jidher minn diversi nħawi ta’ Malta, il-kampnar tal-knisja parrokkjali bl-istatwa tal-Madonna ta’ Fatima fuqu, il-kampnar tas-Santwarju ddedikat lill-Madonna taħt dan it-titlu, waħdieni fil-gżejjer Maltin.

Ftit storja

Ma’ tmiem l-imxija tal-pesta li ħakmet lil Malta lejn l-aħħar tas-seklu sittax, qrib iċ-ċimiterju ta’ Daħlet il-Qasab, inbniet kappella ċkejkna ddedikata lil Santu Rokku, biss ftit wara din il-kappella saret ċkejkna wisq u nħasset il-ħtieġa li titkabbar. It-tkabbir ta’ din il-kappella ra wkoll il-bdil fid-dedikazzjoni u issa ġiet taħt il-patroċinju tal-Madonna tad-Duluri, li bit-Taljan, li dak iż-żmien kien l-ilsien mitkellem fost in-nobbli u l-aristokrazija ta’ Malta, tissejjaħ La Pietà. L-isem “La Pietà” niżel tajjeb u ntogħġob minn dawk li kienu joqogħdu fil-madwar tant li l-inħawi bdew jissejħu Tal-Pietà. Din il-kappella kienet isservi lir-residenti li lejn l-ewwel kwart tas-seklu tmintax kienu jlaħħqu għal madwar 500 ruħ. Għalhekk għal xi snin il-kappella serviet bħala viċi-parroċċa tal-Parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu tal-Belt Valletta.

Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, l-Ordni Dumnikan ra numru ta’ żgħażagħ ġodda jingħaqdu fi ħdanu, tant li l-Provinċja Dumnikana Maltija kienet f’qagħda li tiftaħ kunvent ġdid. Dan infetaħ fi Triq Hookham Frere, Gwardamanġa fl-1945 u ġie ddedikat lill-Madonna ta’ Fatima. Il-patrijiet ta’ din il-komunità ħabirku bis-sħiħ biex fi ftit snin inbena santwarju u kunvent. Dawn inbnew f’art magħrufa bħala Tal-Vigna. Il-Provinċjal Dumnikan ta’ dak iż-żmien Patri Esmond Louis Klimick kien devot kbir tal-Madonna ta’ Fatima u ried li dan is-santwarju jkun mibni għas-Sultana tar-Rużarju ta’ Fatima. Fid-19 ta’ Jannar tas-sena 1968, l-Arċisqof ta’ Malta, Monsinjur Mikiel Gonzi, ħareġ id-digriet li bih mill-1 ta’ Frar ta’ wara dan is-santwarju twaqqaf bħala parroċċa.

Ix-xbieha

Fuq l-artal tal-knisja parrokkjali nsibu l-istatwa sabiħa fiha madwar tliet metri u kwart tul, waslet fid-dwana ta’ Malta fit-tielet ġimgħa ta’ April tas-sena 1956. Hija kienet minquxa mid-ditta Casa Estrella f’Porto l-Portugall. Jingħad li madwar id-dinja kollha 3 biss huma x-xbihat tal-Madonna ta’ Fatima ta’ dak id-daqs maħduma fl-injam. Waħda minnhom tinsab fostna. Kienet imbierka mill-Arċisqof Mikiel Gonzi u sar pellegrinaġġ biha mill-parroċċa ta’ San Duminku l-Belt sas-santwarju ta’ Gwardamanġa.

Il-parroċċa

Il-parroċċa tal-Madonna ta’ Fatima kompliet tikber. Il-bini tal-qasam tad-djar kompla żied il-ħidma tal-patrijiet li jmexxu din il-parroċċa. Bħal kull parroċċa oħra, bdiet tiġi organizzata festa u biex tagħmel festa trid statwa titulari. Kien imqabbad l-Iskultur Rabti Ġlormu Dingli biex joħloq statwa tal-Madonna ta’ Fatima bħala statwa titulari u proċessjonali. Din waslet fil-parroċċa fl-1971. Berikha l-provinċjal ta’ dak iż-żmien Patri Ewġenju Cachia nhar id-9 ta’ Ottubru tal-istess sena. Fit-13 ta’ Ottubru saret l-ewwel festa biha.

Nhar il-Ħadd, 14 ta’ Mejju 2023, l-Arċisqof ta’ Malta, Monsinjur Charles J. Scicluna qaddes fis-santwarju parrokkjali tal-Madonna ta’ Fatima. Lejn tmiem il-quddiesa huwa ħabbar li laqa’ x-xewqa tal-komunità, approvata mill-Provinċjal, biex l-istatwa li tinsab fuq l-artal tiġi inkurunata. Il-folla nfexxet f’ċapċip kbir. Issa tabilħaqq din il-knisja parrokkjali sejra tkun Santwarju Marjan. Id-data tal-inkurunazzjoni ta’ din ix-xbieha minn idejn Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna, hija nhar il-Ħadd 5 ta’ Mejju 2024.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 20 ta' April 2024





sabato 19 febbraio 2022

It-tfal ta’ Fatima

 

Fl-20 ta’ Frar il-Knisja Kattolika tiċċelebra l-festa tal-iżgħar żewġ qaddisin mhux martri li qatt ġew kanonizzati. Dawn huma l-aħwa Franġisku u Ġjaċinta Marto li ftit aktar minn mitt sena ilu niżżlu isimhom fl-istorja tal-Knisja Kattolika. Tajjeb qabel xejn nagħtu ħarsa lejn dak li seħħ biex dawn iż-żewġt itfal saru hekk magħrufin.

Ftit storja

Il-ġrajja ta’ Fatima tibda fix-xahar ta’ Mejju, 1917. L-Ewwel Gwerra Dinjija kienet fl-aqwa tagħha. Żmien ta’ ħerba, mwiet u biża’. Il-Papa Benedittu XV talab lit-tfal kollha tad-dinja biex jitolbu għall-paċi. Fit-13 ta’ Mejju, fir-raħal ċkejken ta’ Fatima, qrib Lisbona fil-Portugall, tlitt itfal kienu jirgħu n-ngħaġ fil-Cova da Iria. F’nofsinhar, hekk kif it-tfal temmew ir-Rużarju li kienu jgħidu ta’ kuljum, raw il-leħħa tal-beraq fis-sema. Huma u sejrin lura bil-merħla lejn darhom lemħu sinjura sabiħa wieqfa fuq sħaba li kienet imwieżna fuq balluta tal-liċi. F’idha kellha kuruna tar-Rużarju u l-libsa bajda tagħha kienet tlellex b’dawl tas-sema. Luċija staqsiet lis-Sinjura mnejn kienet ġiet u din  weġbitha ``Mis-sema.’’

Is-Sinjura talbet lit-tfal biex darba fix-xahar, għal sitt xhur wara xulxin, imorru f’dak l-istess post. Fuq mistoqsija ta’ Luċija s-Sinjura qaltilhom li hi u Ġjaċinta kellhom imorru l-ġenna, u Franġisku wkoll, imma dan kien jeħtieġlu jgħid iżjed Rużarju. Luċija ta’ 15-il sena daħlet soru Karmelitana. Hi tgħid li l-Madonna talbitha xxerred id-devozzjoni tat-tqarbina tal-ewwel Sibt tax-xahar. Hija mietet fit-13 ta’ Frar 2005, ta’ 97 sena. Ma’ dawn id-dehriet kien hemm marbut sigriet. Kien fl-1941 li Luċija rrevelat parti mill-messaġġ tal-Madonna lill-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi. Il-Madonna kienet qalet li jekk ir-Russja ma tikkonvertix saċerdoti kellhom jiġu torturati u knejjes desakrati. Kien hemm ukoll imsemmi l-attentat fuq il-ħajja tal-Papa, fatt li seħħ nhar it-13 ta’ Mejju tas-sena 1981 meta Mehmet Ali Ağca kien spara lejn il-Papa, illum qaddis, Ġwanni Pawlu II.

Id-devozzjoni lejn il-Madonna ta’ Fatima kienet approvata fl-1930, għalkemm il-pellegrinaġġi baqgħu sejrin bla ma jaqtgħu sa mill-1917, minkejja t-tfixkil uffiċjali tal-gvern ta’ żmien id-dehriet. Illum il-post ta’ dawn id-dehriet sar wieħed mill-aktar santwarji Marjani magħrufin mad-dinja kollha.

It-tfal

Franġisku u Ġjaċinta Marto kienu żewġ aħwa rgħajja li l-Madonna li kif għidna dehritilhom sitt darbiet f’Fatima,  tathom messaġġ ta’ penitenza u talbet minnhom talb għall-konverżjoni tal-midinbin.

Dawn iż-żewġ aħwa twieldu f’Aljustrel, fil-Portugall, Franġisku fil-11 ta’ Ġunju 1908 u Ġjaċinta fil-11 ta’ Marzu 1910. Huma raw l-ewwel darba lill-Madonna fit-13 ta’ Mejju 1917, meta huma kienu qed jirgħu in-nagħaġ ma’ kuġinthom Lucija dos Santos.

Is-Sinjura, kif kienu jsejħulha t-tfal,  b’kollox dehritilhom sitt darbiet, bl-aħħar dehra sseħħ fit-13 ta’ Ottubru, 1917. Il-Madonna qalet lil Franġisku u ’l oħtu Ġjaċinta li hi ma kinitx se ddum ma tibgħat għalihom biex ikunu magħha l-ġenna, waqt li Luċija kellha tibqa’ ħajja, titgħallem taqra u tikteb għax riditha xxerred mad-dinja d-devozzjoni lejn il-qalb immakulata tagħha

F’waħda mid-dehriet it-tfal kellhom dehra tal-infern fejn imorru l-midinbin li jmutu bla ma jikkonvertu biex jintilfun għal dejjem. Is-Sinjura talbet lit-tfal jagħmlu talb u sagrifiċċji għall-midinbin. Franġisku, u speċjalment Ġjaċinta, ħadu dan il-messaġġ bl-ikbar serjetà u impenn, u għamlu bosta sagrifiċċji għall-konverżjoni tal-midinbin. Minkejja li kienu għadhom daqstant żgħar, huma ħadu dan l-impenn bl-akbar serjetà.

Franġisku miet fl-4 ta’ April 1919 fid-dar tal-familja. Huwa għex b’kollox 10 snin u xahrejn. Ġjaċinta mietet f’Lisbona fl-20 ta’ Frar 1920, xahar qabel għalqet l-10 snin.

Il-proċess tal-beatifikazzjoni ta’ Franġisku u Ġjaċinta Marto nbeda fl-1952. Ġew iddikjarati beati flimkien waqt żjara tal-Papa Ġwanni Pawlu II f’Fatima fit-13 ta’ Mejju, 2000. Il-Papa Franġisku ddikjarhom qaddisin f’Fatima, il-Portugall fit-13 ta’ Mejju, 2017  sewwasew fl-ewwel ċentinarju mid-dehriet tal-Madonna ġewwa Fatima.

F’Malta

Waħda mill-parroċċi tal-Arċidjoċesi ta’ Malta hija ddedikata lill-Madonna ta’ Fatima. Fl-1952, il-Patrijiet Dumnikani Maltin bit-tħabrik tal-Provinċjal tagħhom ta’ dak iż-żmien, Patri Esmond Klimeck, bnew is-Santwarju ddedikat lill-Madonna ta’ Fatima fi Gwardamanġa - Tal-Pietà. Is-Santwarju nfetaħ fl-1955 u fl-1968 sar il-knisja parrokkjali tal-lokalità ta’ Tal-Pietà. Din hija l-unika parroċċa f’pajjiżna taħt dan it-titlu. Fix-xbieha tal-Madonna ta’ Fatima naraw lit-tliet ragħajja ċkejkna li kellhom id-dehriet.

Għalhekk minn din is-sena ser tibda ssir il-festa tal-Qaddisin ta’ Fatima, Ġjaċinta u Franġisku. Il-qofol tal-festa jintlaħaq għada l-Ħadd 20 ta’ Frar b’quddiesa mmexxija mill-Arċisqof Mons. Charles J. Scicluna fid-9.30 ta’ filgħodu iżda il-festa bdiet mill-Ħadd 13 ta’ Frar, jum it-twelid u l-mewt ta’ Luċija, il-kuġina ta’ dawn it-tfal qaddisin.

Kien xieraq li nibdew niċċelebraw din il-festa u  niftakru f’dawn iż-żewġ qaddisin żgħar.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 19 ta' Frar 2022