venerdì 19 aprile 2024

Il-Madonna ta’ Fatima fi Gwardamanġa Inkurunata

Nhar il-Ħadd, 14 ta’ Mejju 2023, meta l-Arċisqof ta’ Malta Mons. Malta Charles J. Scicluna kien qiegħed iqaddes fis-Santwarju Parrokkjali tal-Madonna ta’ Fatima li nsibu fi Gwardamanġa Tal-Pietà, ħabbar li kien laqa’ t-talba tal-komunità ta’ din il-parroċċa biex l-istatwa tal-Madonna li nsibu fl-apside fuq l-artal tkun inkurunata. Xieraq li nkunu nafu xi ħaġa dwar din il-parroċċa u dwar ix-xbieha Marjana li ser tkun inkurunata fil 5 ta’ Mejju 2024.

Ir-raħal


Tal-Pietà, wieħed mill-irħula żgħar ta’ art twelidna, li minkejja ċ-ċokon tiegħu insibu fih għadd ta’ mkejjen li jiddistingwuh minn irħula oħra. Aktarx li l-aktar binja magħrufa f’dan il-post hija l-Isptar San Luqa. Biss hemm bosta binjiet oħra li huma mgħobbijin bi storja. Il-Barrakka tad-Dgħajjes, il-Kappella tad-Duluri li tat l-isem lil-lokal, il-Binja tar-Rediffussion, li għal bosta snin kien l-uniku mezz ta’ xandir f’dawn il-gżejjer, Television House, il-Kulleġġ Santu Wistin, l-Orfanatrofju tal-Orsolini, il-Kwartieri Ġenerali ta’ wieħed mill-partiti politiċi ewlenin ta’ pajjiżna, sa ftit snin ilu l-Iskola Medika, l-Isptar Karen Grech li fih raw id-dawl eluf ta’ Maltin, iċ-ċimiterji Militari kif ukoll djar li fihom għexu persuni prominenti bħal Villa Frere u Villa Guardamangia li fiha għal xi żmien għexet il-Prinċipessa Eliżabetta. Fuq kollox, jiżboq kull binja oħra u jidher minn diversi nħawi ta’ Malta, il-kampnar tal-knisja parrokkjali bl-istatwa tal-Madonna ta’ Fatima fuqu, il-kampnar tas-Santwarju ddedikat lill-Madonna taħt dan it-titlu, waħdieni fil-gżejjer Maltin.

Ftit storja

Ma’ tmiem l-imxija tal-pesta li ħakmet lil Malta lejn l-aħħar tas-seklu sittax, qrib iċ-ċimiterju ta’ Daħlet il-Qasab, inbniet kappella ċkejkna ddedikata lil Santu Rokku, biss ftit wara din il-kappella saret ċkejkna wisq u nħasset il-ħtieġa li titkabbar. It-tkabbir ta’ din il-kappella ra wkoll il-bdil fid-dedikazzjoni u issa ġiet taħt il-patroċinju tal-Madonna tad-Duluri, li bit-Taljan, li dak iż-żmien kien l-ilsien mitkellem fost in-nobbli u l-aristokrazija ta’ Malta, tissejjaħ La Pietà. L-isem “La Pietà” niżel tajjeb u ntogħġob minn dawk li kienu joqogħdu fil-madwar tant li l-inħawi bdew jissejħu Tal-Pietà. Din il-kappella kienet isservi lir-residenti li lejn l-ewwel kwart tas-seklu tmintax kienu jlaħħqu għal madwar 500 ruħ. Għalhekk għal xi snin il-kappella serviet bħala viċi-parroċċa tal-Parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu tal-Belt Valletta.

Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, l-Ordni Dumnikan ra numru ta’ żgħażagħ ġodda jingħaqdu fi ħdanu, tant li l-Provinċja Dumnikana Maltija kienet f’qagħda li tiftaħ kunvent ġdid. Dan infetaħ fi Triq Hookham Frere, Gwardamanġa fl-1945 u ġie ddedikat lill-Madonna ta’ Fatima. Il-patrijiet ta’ din il-komunità ħabirku bis-sħiħ biex fi ftit snin inbena santwarju u kunvent. Dawn inbnew f’art magħrufa bħala Tal-Vigna. Il-Provinċjal Dumnikan ta’ dak iż-żmien Patri Esmond Louis Klimick kien devot kbir tal-Madonna ta’ Fatima u ried li dan is-santwarju jkun mibni għas-Sultana tar-Rużarju ta’ Fatima. Fid-19 ta’ Jannar tas-sena 1968, l-Arċisqof ta’ Malta, Monsinjur Mikiel Gonzi, ħareġ id-digriet li bih mill-1 ta’ Frar ta’ wara dan is-santwarju twaqqaf bħala parroċċa.

Ix-xbieha

Fuq l-artal tal-knisja parrokkjali nsibu l-istatwa sabiħa fiha madwar tliet metri u kwart tul, waslet fid-dwana ta’ Malta fit-tielet ġimgħa ta’ April tas-sena 1956. Hija kienet minquxa mid-ditta Casa Estrella f’Porto l-Portugall. Jingħad li madwar id-dinja kollha 3 biss huma x-xbihat tal-Madonna ta’ Fatima ta’ dak id-daqs maħduma fl-injam. Waħda minnhom tinsab fostna. Kienet imbierka mill-Arċisqof Mikiel Gonzi u sar pellegrinaġġ biha mill-parroċċa ta’ San Duminku l-Belt sas-santwarju ta’ Gwardamanġa.

Il-parroċċa

Il-parroċċa tal-Madonna ta’ Fatima kompliet tikber. Il-bini tal-qasam tad-djar kompla żied il-ħidma tal-patrijiet li jmexxu din il-parroċċa. Bħal kull parroċċa oħra, bdiet tiġi organizzata festa u biex tagħmel festa trid statwa titulari. Kien imqabbad l-Iskultur Rabti Ġlormu Dingli biex joħloq statwa tal-Madonna ta’ Fatima bħala statwa titulari u proċessjonali. Din waslet fil-parroċċa fl-1971. Berikha l-provinċjal ta’ dak iż-żmien Patri Ewġenju Cachia nhar id-9 ta’ Ottubru tal-istess sena. Fit-13 ta’ Ottubru saret l-ewwel festa biha.

Nhar il-Ħadd, 14 ta’ Mejju 2023, l-Arċisqof ta’ Malta, Monsinjur Charles J. Scicluna qaddes fis-santwarju parrokkjali tal-Madonna ta’ Fatima. Lejn tmiem il-quddiesa huwa ħabbar li laqa’ x-xewqa tal-komunità, approvata mill-Provinċjal, biex l-istatwa li tinsab fuq l-artal tiġi inkurunata. Il-folla nfexxet f’ċapċip kbir. Issa tabilħaqq din il-knisja parrokkjali sejra tkun Santwarju Marjan. Id-data tal-inkurunazzjoni ta’ din ix-xbieha minn idejn Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna, hija nhar il-Ħadd 5 ta’ Mejju 2024.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 20 ta' April 2024





Nessun commento:

Posta un commento