Visualizzazione post con etichetta sinodu. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta sinodu. Mostra tutti i post

sabato 20 ottobre 2018

Knisja taż-żgħażagħ


Fix-xahar ta’ Ottubru ta’ din is-sena qiegħed issir is-Sinodu taż-żgħażagħ bl-isem: Iż-Żgħrażagħ; il-fidi u d-dixxerniment vokazzjonali, imma f’dan iż-żmien fejn il-ġenerazzjoni żagħżugħa trid tromba biex forsi taraha l-knisja, x’sens jagħmel li jiltaqgħu l-isqfijiet mid-dinja kollha biex jiddiskutu din il-faxxa ta’ nies u s-sehem tagħhom fi ħdan il-Knisja universali?

Għalfejn sinodu?
Sinodu huwa istituzzjoni permanenti imwaqqfa mill-Papa Pawlu VI fil-15 ta’ Settembru 1965. Dan twaqqaf wara li l-membri tal-Konċilju Vatikan II wrew ix-xewqa li bejn il-Knisja kollha, mifruxa mal-erbat irjieħ tad-dinja jkun hemm għaqda u kordinazzjoni dejjiema u b’hekk jinħass aktar l-ispirtu li kull djoċesi hija parti integra mill-Knisja Kattolika li titmexxa mill-Papa. Fi kliem fqir nistgħu ngħidu li s-sinodu huwa l-għodda li jgħaqqad il-mexxejja tal-Knisja biex jiġu diskussi ċerti temi li jkunu jolqtu lid-dinja Kattolika.

Anke l-isem juri dak li llum insejħu l-Mission statment. Il-kelma “Sinodu” ġejja minn żewġ kelmiet Griegi, SYN li tfisser magħqudin flimkien u HODOS li tfisser mogħdija. Għalhekk Sinodu tfisser nimxu flimkien it-triq. U għaliex fl-aħħar mill-aħħar ikoll ninsabu mexjin fl-istess triq, ikun jaqbel li nimxuha flimkien u mhux kulħadd għal rasu.

Għax taż-Żgħażagħ?
Ikun żball kbir meta xi entità sserraħ rasha mill-membri tagħha u ma taħdimx biex issieħeb magħha membri ġodda għaliex iż-żmien jgħaddi minn fuq kollox u minn fuq kulħadd  u dawk li jifilħu jaħdmu llum għada joħorġu bil-pensjoni u dawk li llum qegħdin bil-pensjoni ma jdumux ma “jiġbru l-għodda” u tfittixhom u ma ssibhomx! U jekk ma jkunx hemm min jieħu post dawk li jaħdmu llum, għada din l-għaqda tispiċċa fix-xejn. Din hija x-xorti ta’ kull entità fosthom dik tal-Knisja Kattolika.
Għalhekk jeħtieġ li ż-żgħażagħ jiġu studjati sewwa għaliex huma jridu jkunu l-membri tal-Knisja ta’ għada u huma jridu jkunu l-mexxejja u dawk li jamministrawha. Ikollna nammettu li forsi għal xi snin warrabna din il-ħaġa minn fuq l-aġenda tagħna, imma rridu ngħidu wkoll li d-dinja ma tantx qed tgħin biex iż-żgħażagħ jersqu lejn il-Knisja kemm bħala entità kif ukoll bħala post. Il-komunikazzjoni saret virtwali u mhux aktar reali. Illum iż-żgħażagħ jiltaqgħu fuq il-mezzi tal-media u mhux aktar il-Youth Centre, l-Azzjoni Kattolika, il-Museum jew il-Legion. Sa ftit snin ilu dawn il-postijiet kienu numerużi fl-ibliet u l-irħula tagħna; illum ftit li xejn għadna nisimgħu bihom għaliex iż-żgħażagħ minbarra li huma mgħobbijin bl-istudju, saru jiltaqgħu bejniethom b’mod virtwali permess ta’ media soċjali, permezz tat-teknoloġija moderna. Dan il-progress ġab miegħu ukoll prezz li jrid jitħallas u nemmen li qegħdin inħallsuh sewwa anke bi prezz għoli ħafna!
L-Isqof Fisher

L-Isqof ta’ Sydney
L-Isqof Anthony Fisher ta’ Sydney l-Awstralja f’dan is-sinodu talab skuża liż-żgħażagħ fejn din naqqsithom. Biex ngħidu d-dritt il-Knisja għandha mnejn naqset lil bosta bnedmin mhux liż-żgħażagħ biss. Il-Knisja tista’ tonqos lil xi wħud għaliex hija ffurmata mill-bnedmin u mhux minn Anġli u għalhekk isir in-nuqqas għax kull bniedem huwa suġġett għall-iżball. Fost oħrajn dan l-isqof Dumnikan qal li l-liturġija li la hi sabiħa u lanqas tilqgħek – fi kliemu stess: “unbeautiful or unwelcoming liturgies” tbiegħed liż-żgħażagħ mill-Knisja. Nemmen li għandu raġun. Il-liturġija f’xi parroċċi, anke f’pajjiżna, saret go as you please, imma dan huwa żball kbir għax il-liturġija hija lingaġġ ta’ qima u mhux xi ħaġa li nagħmilha kif jgħidli moħħi.

Is-sinodu qed jitratta din il-faxxa ta’ nies għax jaf li l-Knisja hija taż-żgħażagħ għax għada pitgħada huma jridu jiedu t-tmun tagħha f’idejhom.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 21 ta' Ottubru 2018




domenica 2 novembre 2014

Entità Inkussiva

Qatt kontu Ruma u tlajtu fuq il-koppla tal-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan u ħaristu lejn il-pjazza ta’ quddiem din il-knisja? Jekk le, qatt  rajtu xi ritratt meħud mill-għoli ta’ din il-pjazza? Jekk iva nistedinkom iġġibuha quddien għajnekom. Jekk qatt ma tlajtu fuq il-koppla jew laqnas rajtu xi ritratt, nipprova nispjegalkom ftit jien kif inhi din il-pjazza.

Quddiem il-Bażilika joħorġu bħal par dirgħajn li jdawru lil din il-pjazza meraviljuża. Dawn id-dirgħajn jissejħu il-kolonnat ta’ Pjazza San Pietru għax fihom erba’ faxxi ta’ kolonni wara xulxin. L-idea wara dan d-disinn ta’ din il-pjazza kien propju li l-Knisja tiftaħ dirgħajha biex tilqa’ lil kulħadd. Hekk għadnu jkun għax il-Knisja ta’ Kristu hija bħax-xibka tas-sajjied li fiha jinġabar minn kollox.

Sinodu
Għadha kemm spiċċat l-ewwel parti tas-Sinodu tal-Isqfijiet dwar il-familja. Xi ħtieġa kien hemm li isqfijiet minn madwar id-dinja kollha jinġabru u jiddiskutu l-qagħda tal-familja llum? Kien hemm ħtieġa kbira għax minkejja li l-verità ma tinbidel qatt, jiġifieri dak li għallem Kristu għadu validu sal-lum, u hekk jibqa’ sa tmiem id-dinja, madanakollu is-sitwazzjonijiet u r-realtajiet li qegħdin ngħixu fihom aħna l-bnedmin tat-tielet millenju tal-Kristjaneżmu huma għal kollox differenti minn dawk li għex fihom Kristu. Għalhekk iltaqgħu l-isqfijiet għax jafu li fil-Knisja mwaqqfa minn Kristu hemm post għal kulħadd. Bħalma intqal f’ dan is-sinodu, is-sagramenti ma humiex għall-perfetti imma għal midinbin biex jirrikonċiljaw mal-Imgħallem.  U għax l-isqfijiet, bħal kull saċerdot ieħor, jaf kemm sofferenzi hemm fil-familji tal-lum, imħasset il-ħtieġa li jitlaqqa’ dan is-sinodu.

Divorzjati u miżżewġin mill-ġdid
Waħda mit-temi l-aktar jaħarqu li miss is-sinodu kienet fejn jidħol it-tieni żwieġ. Il-Knisja Kattolika ma taċċettax it-tieni għaqda matrimonjali. B’ differenza għall-Knisja Latina, dik Ortodossa tbierek it-tieni għaqda. Meta qegħdin ngħidu tbierek ma jfissirx li l-Knisja Ortodossa tqis żwieġ ta’ persuni li fl-ewwel imħabba tagħhom ma sabux xorti, bħala sagrament. Le, imma tbierek lil dik il-koppja sabiex tkun taħt il-ħarsien ta’ Alla. B’ din id-differenza bejn dawn iż-żewġ Knejjes spiss tinħoloq konfussjoni fl-imħuħ u ġieli jkun hemm min jistaqsi lilna s-saċerdoti liema huwa t-tagħlim veru tal-Knisja, jew liema Knisja waqqaf Kristu. Dawn huma mistoqsijiet li mhux faċli tweġibhom. Kristu waqqaf Knisja waħda. Il-firda bejn l-Oċċident u l-Orjent saret biż-żmien. It-tagħlim tal-Knisja ma huwiex tagħha imma tal-fundatur tagħha, u għalhekk tlaqqa’ s-sinodu biex wieħed jara x’ hemm xi jsir. Ġieli jiġu persuni u jgħidulek li ilhom tletin, erbgħin jew ħamsin sena miżżewġin u qatt ma tradew lill-parti l-oħra. U jistaqsuk jekk quddiem Alla iż-żwieġ tagħhom huwiex bħal ta’ dawk li biddlu lill-parti l-oħra. Mhux faċli ssib kliem biex tfisser lil dawn it-talin li Alla huwa ħanin u li dawk li ma sabux xorti fl-ewwel żwieġ, xorta huma ulied Alla. Aħna nirraġunaw ta’ bnedmin li aħna. Imnalla Alla ma jirraġunax bħalna għax kieku l-ġenna tkun vojta!

Żwiġijiet validi
Biex żwieġ sagrament ikun validu irid li ż-żewġ partijiet meta jkunu fuq l-altar, ikunu ċerti li dak li qegħdin jagħmlu huwa kuntratt sal-mewt. Jekk parti mill-koppja ma jkolliex dan f’ moħħa, iż-żwieġ ma jkunx jgħodd u jkun null.  Bil-mentalità divorzista li għandha llum niddubita kemm żwiġijiet huma validi! Il-mentalità tal-lum hija waħda konsumista, nibbdlu l-oġġetti li jkollna spiss, minn mowbajl, sa karozza, minn xogħol sa dar. U anke fejn tidħol il-parti l-oħra tal-koppja, daħħlet ukoll din il-mentalità. Meta parti mill-koppja tersaq lejn is-sagrament taż-żwieġ b’ din l-idea ġewwa moħħha, iż-żwieġ ikun fażul, invalidu.

Unjoni Ċivili
Realtà oħra li qegħdin spiss insibu ma’ wiċċna hija ta’ persuni li ma jistgħux jingħaqdu fi żwieġ sagrament. Fost dawn hemm dik il-faxxa li diġa semmejna, iddivorzjati u miżżewġin mill-ġdid u hemm oħrajn. Dawn ukoll huma ulied Alla u bl-ebda mod ma għandhom jiġu esklużi mill-Knisja ta’ Kristu. Ma’ din il-faxxa jidħlu wkoll il-koppji omosesswali. Meta nies li jaqgħu f’ din il-faxxa jiġu jitkellmu magħna s-saċerdoti, dlonk nindunaw bix-xewqa kbira tagħhom li kieku l-qagħda tagħhom ma hijiex dik li hi imma hija waħda regolari. Knisja inkussiva ma tistax twarrab lil dawn in-nies. Dawn jidħlu fix-xibka wkoll.

Ma nkun qiegħed nikxef l-ebda sigriet meta ngħid li fuq dawn iż-żewġ argumenti kien hemm l-inqas qbil fis-sinodu. Fuq iddivorzjati u miżżewġin mill-ġdid li jitqarbnu, 104 ivvutaw favur u 74 kontra, filwaqt li dwar koppji gay, 118 favur u 62 kontra. Dawn id-dati jintabu fis-sit tal-Vatikan għal min jinteressah.

Għalhekk iltaqa’ s-sinodu biex kemm jista’ jkun kulħadd ikun parti mill-makkinarju li jħalli l-Knisja miexja l quddiem. Għalhekk tkellmu l-isqfijiet, biex ulied Alla jħossuhom tassew ulied f’entità inkussiva u mhux waħda li teskludi bl-addoċċ.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon 1 ta' Novembru 2014