sabato 20 ottobre 2018

Knisja taż-żgħażagħ


Fix-xahar ta’ Ottubru ta’ din is-sena qiegħed issir is-Sinodu taż-żgħażagħ bl-isem: Iż-Żgħrażagħ; il-fidi u d-dixxerniment vokazzjonali, imma f’dan iż-żmien fejn il-ġenerazzjoni żagħżugħa trid tromba biex forsi taraha l-knisja, x’sens jagħmel li jiltaqgħu l-isqfijiet mid-dinja kollha biex jiddiskutu din il-faxxa ta’ nies u s-sehem tagħhom fi ħdan il-Knisja universali?

Għalfejn sinodu?
Sinodu huwa istituzzjoni permanenti imwaqqfa mill-Papa Pawlu VI fil-15 ta’ Settembru 1965. Dan twaqqaf wara li l-membri tal-Konċilju Vatikan II wrew ix-xewqa li bejn il-Knisja kollha, mifruxa mal-erbat irjieħ tad-dinja jkun hemm għaqda u kordinazzjoni dejjiema u b’hekk jinħass aktar l-ispirtu li kull djoċesi hija parti integra mill-Knisja Kattolika li titmexxa mill-Papa. Fi kliem fqir nistgħu ngħidu li s-sinodu huwa l-għodda li jgħaqqad il-mexxejja tal-Knisja biex jiġu diskussi ċerti temi li jkunu jolqtu lid-dinja Kattolika.

Anke l-isem juri dak li llum insejħu l-Mission statment. Il-kelma “Sinodu” ġejja minn żewġ kelmiet Griegi, SYN li tfisser magħqudin flimkien u HODOS li tfisser mogħdija. Għalhekk Sinodu tfisser nimxu flimkien it-triq. U għaliex fl-aħħar mill-aħħar ikoll ninsabu mexjin fl-istess triq, ikun jaqbel li nimxuha flimkien u mhux kulħadd għal rasu.

Għax taż-Żgħażagħ?
Ikun żball kbir meta xi entità sserraħ rasha mill-membri tagħha u ma taħdimx biex issieħeb magħha membri ġodda għaliex iż-żmien jgħaddi minn fuq kollox u minn fuq kulħadd  u dawk li jifilħu jaħdmu llum għada joħorġu bil-pensjoni u dawk li llum qegħdin bil-pensjoni ma jdumux ma “jiġbru l-għodda” u tfittixhom u ma ssibhomx! U jekk ma jkunx hemm min jieħu post dawk li jaħdmu llum, għada din l-għaqda tispiċċa fix-xejn. Din hija x-xorti ta’ kull entità fosthom dik tal-Knisja Kattolika.
Għalhekk jeħtieġ li ż-żgħażagħ jiġu studjati sewwa għaliex huma jridu jkunu l-membri tal-Knisja ta’ għada u huma jridu jkunu l-mexxejja u dawk li jamministrawha. Ikollna nammettu li forsi għal xi snin warrabna din il-ħaġa minn fuq l-aġenda tagħna, imma rridu ngħidu wkoll li d-dinja ma tantx qed tgħin biex iż-żgħażagħ jersqu lejn il-Knisja kemm bħala entità kif ukoll bħala post. Il-komunikazzjoni saret virtwali u mhux aktar reali. Illum iż-żgħażagħ jiltaqgħu fuq il-mezzi tal-media u mhux aktar il-Youth Centre, l-Azzjoni Kattolika, il-Museum jew il-Legion. Sa ftit snin ilu dawn il-postijiet kienu numerużi fl-ibliet u l-irħula tagħna; illum ftit li xejn għadna nisimgħu bihom għaliex iż-żgħażagħ minbarra li huma mgħobbijin bl-istudju, saru jiltaqgħu bejniethom b’mod virtwali permess ta’ media soċjali, permezz tat-teknoloġija moderna. Dan il-progress ġab miegħu ukoll prezz li jrid jitħallas u nemmen li qegħdin inħallsuh sewwa anke bi prezz għoli ħafna!
L-Isqof Fisher

L-Isqof ta’ Sydney
L-Isqof Anthony Fisher ta’ Sydney l-Awstralja f’dan is-sinodu talab skuża liż-żgħażagħ fejn din naqqsithom. Biex ngħidu d-dritt il-Knisja għandha mnejn naqset lil bosta bnedmin mhux liż-żgħażagħ biss. Il-Knisja tista’ tonqos lil xi wħud għaliex hija ffurmata mill-bnedmin u mhux minn Anġli u għalhekk isir in-nuqqas għax kull bniedem huwa suġġett għall-iżball. Fost oħrajn dan l-isqof Dumnikan qal li l-liturġija li la hi sabiħa u lanqas tilqgħek – fi kliemu stess: “unbeautiful or unwelcoming liturgies” tbiegħed liż-żgħażagħ mill-Knisja. Nemmen li għandu raġun. Il-liturġija f’xi parroċċi, anke f’pajjiżna, saret go as you please, imma dan huwa żball kbir għax il-liturġija hija lingaġġ ta’ qima u mhux xi ħaġa li nagħmilha kif jgħidli moħħi.

Is-sinodu qed jitratta din il-faxxa ta’ nies għax jaf li l-Knisja hija taż-żgħażagħ għax għada pitgħada huma jridu jiedu t-tmun tagħha f’idejhom.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 21 ta' Ottubru 2018




Nessun commento:

Posta un commento