venerdì 5 ottobre 2018

Il-Gżejjer Eolie


Lil hinn mill-kosta tan-naħa ta’ fuq ta’ Sqallija nsibu numru ta’ ġżejjer li flimkien jissejħu l-Gżejjer Eolie jew hemm min isejħilhom Lipari. Dawn il-gżejjer huma art vulkanika li jagħmlu parti mill-provinċja ta’ Messina. Dan l-arċipelagu, li fih seba’ gżejjer żgħar, kull ma jmur qiegħed isir attrazzjoni turistika fil-Baħar Tirren u ta’ kull sena, jew aħjar ta’ kull sajf, għax fix-xitwa mhux daqstant faċli żżurhom, imorru fihom aktar minn nofs miljun turist. Tajjeb inkunu nafu xi ħaġa dwarhom, min jaf forsi għas-sena d-dieħla? Wara kollox dawn huma gzejjer qrib ħafna ta’ pajjiżna!

Storja
Il-preżenza tal-bniedem fuq dawn il-gżejjer hija antika ħafna u nistgħu ngħidu li sa miż-żmien Neolitiku il-bniedem kien diġà medd riġlejh fuqhom. Mela qegħdin ngħidu li l-istorja ta’ dawn il-blatiet tmur lura bejn il-5,000 u l-4,000 sena qabel Kristu. Billi dawn il-ġżejjer huma vulkani, il-lava tagħhom kienet minn dejjem imfittxija għall-użu tal-bniedem. Forsi hawn min jistaqsi din it-tip ta’ ġebla għalfejn kienet tintuża. Din kienet tintuża mill-bniedem neolitiku biex jagħmel il-ponot tal-vleġeġ li bihom kien jikkaċċja l-annimali jew biex jiddefendi lilu nnifsu.

Fi żmien ir-Rumani dawn il-gżejjer kienu punt fejn jingħaqdu l-Etruski, il-Griegi u l-Feniċi. Madwar żewġ sekli u nofs wara Kristu dawn il-ġżejjer għaddew minn taħt il-Kartaġinżi għal taħt it-tmexxija ta’ Ruma. Minnhom beda jkun esportat il-melħ u l-inbid. Il-ftit nies li kienu jgħixu fuq dawn i-gżejjer kienu jgħadduha tajjeb għax kemm il-melħ kif ukoll l-inbid kienu prodotti imfittxijin sewwa fost il-poplu tal-Imperu u billi  mill-baħar mhux neqsin u l-art vulkanika hija fertili ħafna, dawn il-prodotti kienu abbundanti.

Meta l-għarab bdew jassaltjaw ftit ftit lill-Ewropa, dawn il-gżejjer waqgħu f’idejhom. Fis-sekli ta’ wara dan l-arċipelagu ra fih mexxejja Spanjoli u biż-żmien imtlew b’residenti Sqallin u Taljani.

Isem
Interessanti kif dan l-arċipelagu ħa dan l-isem. Hemm leġġenda li tgħid li l-alla Grieg Eolo, l-alla li jikmanda l-irjieħ, kien jgħix fuq il-gżira ta’ Lipari u minn fuqha kien ibassar it-temp billi joqgħod iħares lejn il-forma tad-duħħan li kien joħroġ mill-vulkan Stomboli. Bis-saħħa tat-tbassir tiegħu s-sajjieda tal-gżira, ili ma kinux ftit, kienu jkunu jistgħu jkunu jafu meta għandhom joħorġu għas-sajd u meta għandhom jibqgħu d-dar. Grazzi għal din il-ħaġa dan l-alla sar maħbub ferm mal-poplu tant li semma l-ġżejjer tiegħu għalih. Din hija sempliċi leġġenda, l-oriġini tal-isem huwa mitluf fl-istorja twila li għandhom dan il-gżejjer.

Liema huma
Bix-xieraq li nsemmu l-gżejjer kollha b’isimhom għax sa issa semmejna biss l-isem tal-grupp sħiħ.

Lipari
L-akbar gżira minnhon hija dik li ġġib l-isem ta’ Lipari. Fil-bidu għidt li hemm min isejjaħ dan l-arċipelagu Lipari, sewwasew bħal Malta, l-arċipelagu Malti ma huwiex biss il-gżira ta’ Malta imma fih lil Għawdex, lil Kemmuna u għadd ta’ gżejjer oħrajn; l-istess Lipari. Din fiha 37 kilometru kwadru u fuqha jgħixu madwar ħdax-il elf abitant. Ir-raħal prinċiali fuq il-gżira jġib l-istess isem tagħha: Lipari.

It-tieni l-akbar gżira hija Salina. Isem il-gżira bla dubju ttieħed mill-melħ li kienet tipproduċi. Fiha kważi 27 kilometru kwadru. Din il-ġżira fiha ħafna għejjun ta’ ilma u għalhekk minn dejjem kien jitkabbar fiha ammot ta’ għeneb għall-inbid. Illum joqgħodu fuqha madwar elfejn u tliet mitt ruħ.
Vulcano hija l-eqreb gżira lejn Sqallija minnhom kollha. Fiha 20 kilometru kwadru u jgħixu fiha ftit aktar minn seba’ mitt ruħ. Isem il-gżira jurina li fuqha hemm vulkan.

Stromboli hija l-gżira l-aktar imbegħda minn Sqallija. Fuqha nsibu wkoll vulkan attiv. Id-daqs tagħha huwa ta’ 12-il kilometru kwadru. Hemm madwar erba’ mitt ruħ jgħixu fiha. Ma’ din il-gżira insibu blata bl-isem ta’ Strombolicchio li xi wħud iqisuha bħala gżira oħra. Filicudi hija l-ħames l-akbar ġżira u fiha madwar 9 kilometri kwadri. Residenti fuqha nsibu ftit aktar minn mitejn. Il-gżira l-oħra hija Alicudi u fiha ftit aktar minn  5 kilmetri kwadri. Fiha madwar mitt resident. L-iżgħar gżira minn dan l-arċipelagu hija Panarea b’daqs ta’ tliet kilmetri u nofs kwadri. Madwar mitejn u ħamsin ruħ jgħixu fuq din i-gżira li magħha hemm il-gżejjer ċkejknin ta’ Basiluzzo, Dattilo u Lisca Bianca.
Dawn huma l-gżejjer Eolie.

Salina
Biex tasal
Fuq l-ebda gżira minn dan ma jeżiti ajruport għalhekk wieħed irid jasal għalihom permezz tal-baħar.  Jeżiti post fejn jista’ jinżel helicopter, imma ajruplan le. Wieħed jista’ jasal bl-Alascafi li jitiqu minn Messina, min Palermo kif ukoll minn Napli. Il-helicopter jaħdem mill-ajruporti ta’ Paermo, Catania, Reggio Calabria u Lamezia Terme. Ovvjament l-aħjar ħaġa kieku wieħed jasal għalihom b’yacht, imma mhux kulħadd għandu aċċess għal wieħed!

Fis-sena 2000 il-UNESCO ddikkjart lil dawn il-gżejjer bħala patrimonju tal-umanità, U tassew huma patrimonju għax huma ġenna fuq l-art, ġenna biex ngħidu hekk  tefgħa ta’ ġebla bogħod minn artna!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 6 ta' Ottubru 2018




Nessun commento:

Posta un commento