venerdì 19 ottobre 2018

Ferrovija


Wieħed mill-aktar mezzi tat-trasport użat kuljum fid-dinja huwa dak tat-tren, jew ferrovija kif insejħulha ħafna drabi aħna l-Maltin. F’pajjiżna ma jeżistix dan il-mezz ta’ trasport iżda billi llum is-safar għalina sar xi ħaġa komuni ħafna, drajna aħna wkoll nużaw il-ferroviji meta nkunu msiefrin.

Storja
Raddet ir-roti
L-istorja ta’ dan il-mezz hija twila ħafna għaliex il-bniedem dejjem fittex li jtejjeb il-qagħda tiegħu u biex seta’ jwettaq dan dejjem ħaseb biex isib kif jista’ jġorr u kif jista’ jinġarr jekk ikun sejjer fit-tul. F’pajjiżna għandna għadd ta’ radet li ħadd ma naf sewwasew għalxiex kienu jservu. Ħafna jsejħulhom curt ruts jew cart tracks għax forsi ma jafux bil-kelma Maltija “radet” li hija plural ta’ “radda” li tfisser ħofra twila dritta, bħal dik li jagħmel il-moħriet fil-ħamrija. Żgur li dawn ma kellhomx l-użu li għandhom il-linji tal-ferrovija llum imma għal xi ħaġa kienu jservu u billi huma dritti bħal-linji tal-ferrovija bosta jaħsbu li kienu jservu biex fihom jitmexxa xi tip ta’ karru. Allura nistgħu ngħidu li dak li kien jitmexxa f’dawn ir-radet kien l-antenat tal-ferrovija.

Il-minjieri sabu mezz biex il-faħam li jinħareġ minnhom jibda jinġarr b’mod aktar effiċjenti. Bdew isiru linji li fuqhom jinġibdu għadd ta’ karretti mwaħħlin ma’ xulxin. Dawn il-karretti kienu jinġibdu minn numru ta’ żwiemel. Kemm il-linji kif ukoll il-krieret kienu jkunu tal-injam. Sar-revoluzzjoni industrijali il-linji kienu jkunu tal-injam, iżda din ir-revoluzzjoni kabbret ukoll l-użu ta’ dan il-mezz komdu u għalhekk bdew isiru tal-ħadid għaliex ovvvjament il-ħadid jiflaħ aktar mill-injam.

Il-magna li taħdem bl-istim li kienet ivvintata fit-tieni nofs tas-seklu XVIII bdiet tintuża wkoll biex iddawwar il-magni tal-ferroviji u b’hekk sa ħamisn sena wara l-ferrovija saret aktar popolari għax kienet introdotta wkoll bħala mezz ta’ trasport għall-pubbliku kollu. Il-progress issibu f’kollox u kullimkien u l-ferrovija li taħdem bil-faħam u l-istim u aktar tard bid-diesel, illum kważi għebet għax il-ferroviji moderni jaħdmu bid-dawl elettriku. Iżda mhux kollha, għad hawn xi ferroviji li jaħdmu bid-diesel u għad hawn xi linji li ma għandhomx aċċess għall-ferroviji li jaħdmu bid-dawl allura minn fuqhom jistgħu jgħaddu biss dawk l-oħrajn biss.

F’Malta
L-istazzjon ta' Birkirkara
Minkejja li llum ma nsibux dan il-mezz f’pajjiżna, tajjeb ngħidu li kien hemm żmien fejn anke Malta kellha l-ferrovija tagħha. Din kienet tgħaqqad il-Belt Valletta mal-belt il-qadima tal-Imdina. Kienet linja waħda li titlaq mill-Belt taħt Putirjal u tasal sa taħt l-Imdina b’waqfiet f’għadd ta’ rħula matul it-triq. Il-Maltin kienu jsibu lill-ferrovija bħala “Il-vapur tal-art” u kien hemm min isejħilha wkoll “iż-żiemel tal-ħadid”, żewġ mezzi ta’ trasport li missirijietna kienu familajri magħhom (il-vapur u ż-żiemel). Il-ferrovija ta’ Malta bdiet taħdem fl-1883 u temmet is-servizz tagħha fl-1931. Ftit snin mhux ħażin, iżda llum fadlilna xi tifkiriet ta’ dan it-trasport. L-aktar fdalijiet insibuhom fl-istazzjon ta’ Birkirkara u f’tal-Ħamrun fejn fit-tnejn li huma għadna naraw it-tined tal-istazzjon. Fl-istazzjon ta’ Birkirkara hemm wieħed mill-vaguni li kienu jġorru n-nies. Quddiem l-istazzjon tal-Ħamrun naraw siġra li fiha hemm xi linji tal-ħadid tal-ferrivija. Dawn meta spiċċa s-servizz tpoġġew mas-siġra biex tinżamm dritta u llum saru ħaġa waħda magħha. Vjaġġ minn taħt l-Imdina sal-Belt kien jieħu bejn wieħed ieħor 35 minuta. Illum tkun ixxurtajt jekk bil-karozza tiegħek jirnexxielek tagħmel dan il-vjaġġ f’ħin daqshekk qasir!

L-interess fil-Vapur tal-art ta’ Malta mhux żgħir tant li nfetaħ mużew privat f’Ħ’Attard li fih għadd ta’ rittatti u tifkiriet oħra ta’ dan il-mezz ta’ trasport li darba kien jinstab f’pajjiżna.

Veoloċità baxxa u qawwija
Il-ferroviji jintużaw ħafna mill-Ewropej għaliex huma mezz ta’ trasport komdu u relattivament irħis, għalkemm illum bil-linji tal-ajru Low Cost sabu rivali qawwi. L-isfortuna ta’ tren reġġjonali huwa d-dewmien minħabba l-ħafna waqfien fi stazzjonijiet. Wara kollox aħna mdorrijja b’tal-linja jieqfu kull minuta u nofs! L-istess, ċerti ferroviji li jservu bliet jew irħula biex jgħaqqduhom flimkien. Dawn it-trenijiet fl-Italja jissejħu Regionali. Jekk tirkeb xi waħda minnhom aqla’ l-arloġġ minn idek u l-ħin insieh. Darba kelli vjaġġ fuq waħda minn dawn il-ferroviji, minn Bolzano sa Bologna. Kif wasalna leħen ta’ tfajla ħabbrilna “Fine Corsa” u passiġġier minna qal “din kienet kollox barra korsa!”

Illum billi l-ħin jiswa ħafna flus insibu ferroviji ta’ veloċita qawwija, dawk li t-Taljani jsejħulhom TAV; Treni Alta Velocità u l-Franċiżi TGV;  Train à Grande Vitesse. Dawn ilaħħqu veloċità sa 300 kilometru fis-siegħa njew aktar u għalhekk saru popolari ħafna mal-passiġġieri għax meta tivjaġġa bil-ferrovija mhux bħal meta tivjaġġa bl-ajru, ma għandekx għalfejn tmur sagħtejn qabel l-ajruport. Fil-ferrovija il-bagalji tiegħek tieħu ħsiebhom inti, ittellagħhom inti u tpoġġihom f’posthom inti stess. Dan kollu jifranka l-ħin.

Min jaf jekk f’pajjiżna għadx naraw il-ferrovija xi darba. Min jaf jekk din tkunx soluzzjoni għat-traffiku li ghandna? Min jaf jekk tkunx soluzzjoni biex innaqqsu t-tinġiż li hawn fl-arja ta’ pajjiżna?

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  20 ta' Ottubru 2018






Nessun commento:

Posta un commento