Il-belt ħolma!
Ġieli sibt min
jistaqsini liema belt minn dawk il-ħafna li żort hija l-isbaħ waħda. Mhux faċli twieġeb din
il-mistoqsija għax kull belt fiha s-sabiħ tagħha, tmur fejn tmur issib xi ħaġa
li tolqtok u li tibqa’ tiftakarha, fiha xi ħaġa li tammira jew xi
ħaġa li ddejqek ukoll. Allura meta jistaqsuni din il-mistoqsija nuża ftit
id-diplomazija u ngħidilhom: “Stokkolma hija belt li togħġobni ħafna!” u b’hekk
ma nkunx qed neskludi li hemm bliet oħra li jimmeraviljawni u fl-istess waqt nistqarr li għalija l-kapitali Żvediża hija belt tal-ħolm.
Ftit tagħrif
Stokkolma hija belt mibnija fuq erbatax-il ġżira li nsibu fil-post fejn
l-għadira Mälaren tingħaqad mal-baħar Baltiku. Dawn il-gżejjer kollha huma magħqudin flimkien permezz ta’ numru ta’ pontijiet. Din
in-naħa tad-dinja kienet abitata mill-bniedem sa minn żmien il-ħaġar. Madwar
tmint elef sena qabel Kristu n- nies li kienu jgħixu fejn illum insibu Stokkolma,
kellhom iħallu djarhom u jinżlu aktar lejn iċ-ċentru tal-Ewropa għaliex il-kesħa
kienet saret insapportabbli, kien wasal żmien is-silġ! Eluf ta’ snin wara l-klima
reġgħet kienet waħda li bniedem jista’ jissaportiha, l-art reġgħet saret tajba
għall-agrikultura u għalhekk il-bniedem reġa’ beda jgħix hemmhekk.
Bosta jemmnu li din il-belt twaqqfet minn Birger Jarl, statista kbir li
ried jeħles lil niesu mill-attakki tal-għadu. L-ewwel darba li nsibu isem din
il-belt miktub f’xi dokument huwa fl-1252. L-isem tal-belt huwa kompost minn
żewġ kelmiet: Stock li bl-ilsien Żvediż
tfisser zokk u Holm li bl-istess
ilsien ifisser gżira ckejkna.
Fis seklu XVII l-Iżvezja saret waħda mil-akbar qawwiet
fl-Ewropa u dan ġab bosta ġid fil-belt ta’ Stokkolma tant li f’sebgħin sena
l-popolazzjoni tal-belt kibret sitt darbiet id-daqs li kienet. Fl-1710 il-belt
inħakmet mill-pesta u madwar għoxrin elf ruħ mietu b’din
il-marda. Dan in-numru kien jammonta għal aktar minn terz ta’ dawk li joqgħodu
fil-belt. Fis-sena 1634 Stokkolma saret uffiċċjalment il-belt kapitali
tall-Iżvezja. Illum hija waħda mill-aktar bliet avvanzi fit-tekonoloġija. Illum
madwar żewġ miljun u nofs ruħ joqgħodu fil-belt u fis-subborgi tagħha.
Il-belt tal-Premju Nobel
Alfred Nobel |
Stokkolma hija l-belt fejn ta’ kull sena jingħataw sitt premjijiet internazzjonali.
Dawn jissejħu Nobel għal Alfred Nobel li kien xjenzjat, negozjant u filantropu
li twieled sewwasew fi Stokkolma fil 21 ta’ Ottubru 1833. Minbarra li dan
il-bniedem jibqa’ magħruf għax ivvinta d-dinamite ismu jibqa’ għal dejjem
marbut mal-premju li semmejna għax kien hu l-benefattur li ħalla flusu għal dan
il-premju. Jingħad li kien ħalla madwar 31 miljun Korona għal dan il-għan. La
qed insemmu dawn il-premijiet tajjeb ngħidu li dawn bdew jingħataw fl-1901 u
jingħataw lil dawk li jiddistingwu ruħhom fid-dinja f’dawn l-oqsma: Kimika,
Letteratura, Paċi, Fiżika, Psikoloġija u Ekonomija. F’għeluq il-mitt
annivarsarju tal-għoti ta’ dawn il-premijiet, fi Stokkolma infetaħ mużew
tal-Premju Nobel.
Il-Belt tal-Abba
Il-grupp Abba |
Fil-bidu tas-snin sebgħin tas-sekli li għadda, erba’ żgħażagħ kienu
jiltaqgħu f’daqxejn ta’ kamra fi Stokkolma biex jgħaddu ftit ħin idoqqu u
jkantaw. Iż-żgħażagħ kienu Agnetha
Fältskog, Björn Ulvaeus, Benny Andersson u Anni-Frid Lyngstad. Dawn iffurmaw
grupp u ħadu l-ewwel ittra ta’ isimhom biex iffurmaw isem il-grupp: Abba. Minn
dik id-daqxejn ta’ kamra fi Stokkolma dan il-grupp sar popolari mal-erbat
irjieħ tad-dinja u ħaġa tal-iskantament id-diski ta’ dan il-grupp iħobbuhom
mhux biss dawk li fis-snin sebgħin kienu żgħażagħ imma kull ġenerazzjoni.
Sal-lum id-diski tal-Abba għadhom popolari u ddoqqhom kemm iddoqqhom ma jdejquk
qatt. Forsi d-dinja saret taf bihom l-aktar fl-1974 meta rrapreżentaw
lill-Iżvezja fil-Eurovision bid-diska Waterloo. Dik is-sena dan il-grupp kien
rebaħ dan il-festival. Illum fi Stokkolma nsibu mużew iddedikat lil dan
il-grupp leġġendarju.
Mużewijiet u palazzi
Stokkolm hija belt b’ħafna bini sabiħ u interessanti, semmejt biss żewġ
mużewijiet imma fil-belt wieħed jista’ jżur bosta aktar. Insemmi wieħed interessanti
ħafna, il-Vasa Museum. Dan huwa bini li nbena apposta biex jilqa’ fih vapur tal-injam li għal bosta
snin kien mgħerreq taħt l-ilma bejn żewġ gżejjer li jsawru lil din il-belt.
Hemm bosta palazzi li nbnew matul is-snin ta’ monarkija Żvediża. Bħala
monarkija ma jistax jonqos li nsibu l-palazz irjali. Dan huwa r-residenza tar-Re Karlu XVI
Gustavu, ir-Re tal-pajjiż li ilu fuq it-tron mill-1973.
Fuq kollox Stokkolma toffri toroq fejn wieħed
jista’ jippassiġġa fit-tul, passiġġati maġenb l-ilma, passiġġati li jserrħulek
il-menti, jirilassawk u jnessuk li tkun qiegħed f’waħda mill-aktar bliet attivi
fl-Ewropa. Hemmhekk tabilħaqq tħossok li tkun dħalt f’belt tal-ħolm, tkun dħalt
f’ħolma sabiħa li ma tkunx tixtieqha tintemm. Stokkolma, mhux ta’ b’xejn hawn min
isejħilha il-Venezja tat-Tramuntana!
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 27 ta' Ottubru 2018
Nessun commento:
Posta un commento