domenica 7 ottobre 2018

Il-fqajjar ta’ Assisi

San Franġisk ta' Emvin Cremona (Parroċċa S. Ġorġ Qormi)

Ix-xahar ta’ Ottubru jagħtina t-tifkira ta’ xi wħud mill-aktar qaddisin magħrufin u maħbubin. Fl-4 ta’ dan ix-xahar niċċelebraw wieħed mill-aktar qaddisin li l-kult tiegħu insibuh mifrux mal-erbat irjieħ tad-dinja. Qiegħed nirreferi għal San Franġisk ta’ Assisi, il-qaddis li twieled fil-ġid u l-għana imma ħalla  kollox u ħaddan il-faqar.

X’faqar
Illum il-ġurnata l-faqar nitkellmu dwaru imma ftit li xejn nafu x’inhu jekk ma nkunux direttament fih għaliex il-ħajja mgħaġġla li qegħdin ngħixu lanqas tħallilna ħin naħsbu f’ħaddieħor. Allura jekk il-proxxmu tiegħi jkun qed ibati l-faqar għandi mnejn ngħaddi minn ħdejh kuljum u lanqas ninduna bl-istat li jkun fih. L-importanti li jiena ninsab għaddej tajjeb!

Franġisku ta’ Assisi jissejjaħ “fqajjar” imma liema faqar ħaddan? Il-faqar li għex fih San Franġisk ma kienx il-miżerja li ħafna jaħsbu imma kien dak Evanġeliku, li jfisser li tħobb lil Alla aktar minn kollox u ma tkunx marbut mal-ħwejjeġ tad-dinja b’mod li dawn isiru allat għalik. Sfortunatament illum sar għandna ħafna allat foloz, l-alla flus, l-alla fama, l-alla divertiment, l-alla moda, l-alla xiri bla rażan, l-alla libertà f’kollox u nistgħu nibqgħu sejrin. Il-fqajjar ta’ Assisi Alla wieħed kellu u ftaqar għaliH billi ħabbu aktar mill-ħwejjeġ l-oħra li kellu. Naħseb li din il-ħaġa ta’ min jirrifletti fuqha u nsiru nafu sewwa d-differenza bejn faqar u miżerja!

Sehem Franġisku
Li San Franġisk kien ta’ għajnuna kbira lill-Knisja ta’ Kristu hija ħaġa magħrufa sewwa u ma hemmx għalfejn wieħed jitkellem fuqha għaliex l-istiorja ta’ dan il-qaddis jafha kważi kulħadd. Jekk hawn min ma jafhiex nissuġġerilu jara l-film “Brother sun sister moon” jew dak ta’ Raul Bova “Francesco” u jsir jafha u jara kemm hi ħelwa ħajjet Franġisku. Imma San Franġisk ħalla wkoll wirt li jmur lil hinn mil-fidi u l-Knisja.

Sa żmien Franġisku ta’ Assisi, ġemgħa ta’ rġiel jew nisa li kienu jiddeċiedu li jgħixu flimkien għall-glorja ta’ Alla kienu jiffurmaw monasteru u jgħixu f’ħajja ta’ klawsura. Kienu jissejħu monaċi, jew bil-Malti rħieb; kelma li ftit li xejn għadna nużawha billi Malta ma għandniex monaċi maskili u dawk femminili jissejħu sorijiet tal-klawsura. Bit-twaqqif tal-Ordni ta’ Franġisku u l-Ordni tal-kontemporanju tiegħu Duminku ta’ Gużman, bdew jitwaqqfu l-kunventi. Id-differenza ma hijiex biss fl-isem imma anke fil-mod ta’ ħajja li wieħed jgħix fihom. Monasteru ġejja mill-kelmiet “mono stare”: wieħed jgħix waħdu, maqtugħ mill-oħrajn kemm jista’ jkun. Kunvent ġejja mill-kelmiet “con vivere”: ngħixu fimkien. Sa żmien dawn il-qaddisin il-membru tal-komunità kien jissejjaħ monaku, jew bil-Malti raħeb; fl-ordnijiet ta’ Franġisku u Duminku bdew jissejħu Fratelli, li biż-żmien bdejna nsejħulhom frajiet.

Ħaġa oħra li ta’ min isemmi hija li San Franġisk huwa ewlieni fil-kitba tal-ilsien Taljan. Sa żmienu kulħadd kien jikteb bi djaletti differetni imma l-kantiku tiegħu li jissejaħ “L-għanja tal-Ħolqien” inkiteb bi kliem li jqarreb ħafna lit-Taljan. Fit-tagħlim tal-lingwistika Taljana dan il-kantiku huwa meqjus bħala l-ewwel ktiba bit-Taljan. Jekk wieħed jaqra din il-poeżija fl-oriġinal tagħha ma jsibiex diffiċli biex jifhimha sewwa, ovvjament jekk ikun jaf bit-Taljan. U din inkitbet għall-ħabta tal-1226, is-sena li fiha miet dan il-qaddis famuż.

Dawn huma ftit ħsibijiet dwar din il-figura kbira fil-Knisja li ħalliet il-marka tagħha anke ’l barra mill-ambitu ekleżjali.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' Il-Mument - 7 ta' Ottubru 2018




Nessun commento:

Posta un commento