Visualizzazione post con etichetta niċeċ. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta niċeċ. Mostra tutti i post

venerdì 31 maggio 2024

Tal-Pietà - Raħal Marjan

 

Fl-Arċidjoċesi ta’ Malta nsibu li fost il-parroċċi kollha, il-Madonna tieħu l-ewwel post fejn jidħlu t-titulari. L-istess ħaġa nistgħu ngħidu għad-Djoċesi ta’ Għawdex. Fost dawn il-parroċċi Marjani hemm xi titulari b’aktar minn parroċċa waħda, bl-akbar numri ta’ dawn il-każi jkun l-Assunta b’xejn inqas minn 11-il parroċċa. Imbagħad insibu oħrajn li huma waħdanin. Fost dawn tal-aħħar insibu l-parroċċa tal-Madonna ta’ Fatima f’Tal-Pietà li tiġbor fiha wkoll iż-żona ta’ Gwardamanġa. Minkejja li din hija parroċċa relattivament ġdida, għax twaqqfet fl-1968, ir-raħal ta’ Tal-Pietà nistgħu nqisuh bħala raħal Marjan. Għaliex qed ngħid hekk? Ma kinitx il-parroċċa li welldet din ir-rabta bejn Marija u l-lokal għax sa minn żmien twil ilu kien hemm x’jorbot lil Verġni Mqaddsa ma’ dan ir-raħal li għandu wkoll wieħed mit-titli mogħtijin lil Marija Santissima. Naraw ftit kemm rabtiet hemm bejn dan ir-raħal u Marija.

Id-Duluri

L-epidemija tal-pesta ta’ Malta ta’ bejn l-1592 u l-1593 kienet waħda kbira li qatlet eluf ta’ nies f’Malta. Dak iż-żmien il-mejtin kienu jindifnu fi knejjes jew kappelli, iżda minħabba n-numru kbir ta’ mwiet f’din l-epidemija, kien meħtieġ li jinbena ċimiterju ġdid. Dan inbena fuq biċċa art barra l-Belt Valletta u fil-qrib inbniet kappella ddedikata lil Santu Rokku. Xi sorsi jgħidu li l-kappella nbniet fl-1592 jew l-1593 filwaqt li oħrajn jgħidu li nbniet fl-1612. Fil-bidu tas-seklu XVII id-dedikazzjoni tal-knisja nbidlet minn Santu Rokku għad-Duluri. Il-knisja kienet tissejjaħ bit-Taljan Santa Maria a Mare jew La Pietà, li huwa wieħed mit-titli mogħtijin lill-Madonna tad-Duluri. L-inħawi tal-madwar saru magħrufa bħala Tal-Pietà u meta aktar tard żviluppa r-raħal żamm l-isem ta' Tal-Pietà. Għalhekk dlonk naraw li kienet din il-kappella li tat isem dan ir-raħal. L-artal maġġur tal-knisja juri lill-Verġni Marija żżomm il-ġisem mejjet ta’ Ġesù, pittura magħrufa bħala la Pietà. Dan tpitter minn Gioacchino Loretta, segwaċi ta’ Mattia Preti. Din il-knisja tat ukoll l-isem li tinsab fiha: Triq id-Duluri.

Ta’ Loreto

Sewwasew fuq ix-xaqliba l-oħra ta’ Tal-Pietà, fiż-żona magħrufa bħala Gwardamanġa, insibu knisja oħra li wkoll hija ddedikata lill-Madonna taħt it-titlu Ta’ Loretu. Din hija tas-Sorijiet Orsolini. Il-knisja nbniet fuq art imsejħa “Ta’ Lubo Bordin” mgħotija lis-sorijiet mill-fundatur tagħhom  Mons. Isidoro dei Conti Formosa.  L-ewwel ġebla poġġieha Mons. Mawru Caruana, Isqof ta’ Malta, nhar it-Tlieta l-1 ta’ Mejju 1928. Din hija knisja oħra Marjana fir-raħal ta’ Tal-Pietà. Fil-knisja nsibu bosta statwi biss waħda partikolari hija dik tal-Madonna ta’ Loreto (mhux ta’ fuq l-artal maġġur) li kienet inġiebet Malta minn Mons. Dei Conti Formosa nnifsu.

Is-Santwarju Parrokkjali

Il-knisja parrokkjali tal-Madonna ta’ Fatima tinsab fuq l-għolja ta’ Gwardamanġa u s-santwarju nbena mill- patrijiet Dumnikani fl-1952. Il-knisja nfetħet fl-1955 u saret parroċċa fl-1968.

Ix-xbieha tal-Madonna li issa hija nkurunata hija tal-injam. Din l-istatwa sabiħa fiha madwar tliet metri u kwart tul, waslet fid-dwana ta’ Malta fit-tielet ġimgħa ta’ April tas-sena 1956. Kienet imbierka mill-Arċisqof Mikiel Gonzi u sar pellegrinaġġ biha mill-parroċċa ta’ San Duminku l-Belt sas-santwarju ta’ Gwardamanġa Tal-Pietà.

Bħal kull parroċċa oħra, bdiet tiġi organizzata festa u biex tagħmel festa trid statwa titulari. Kien imqabbad l-Iskultur Rabti Ġlormu Dingli biex joħloq statwa tal-Madonna ta’ Fatima bħala statwa titulari u proċessjonali. Din waslet fil-parroċċa fl-1971.

Xbihat fit-toroq

F’Tal-Pietà ma nsibux numru kbir ta’ niċeċ fit-toroq, imma mill-waħdiet li hemm insibu waħda bix-xbieha tal-Immakulata Kunċizzjoni. Din tinsab kantuniera ta’ Triq Blackley u t-Telgħa ta’ Gwardamaġa. Din hija niċċa mill-isbaħ bl-arzella, l-gwarniċ u l-pilastri tagħha skulturati fil-ġebla Maltija. Xbieha oħra Marjana nsibuha fuq il-faċċata tal-Knisja tad-Duluri. Din l-istatwa turi lil Marija Addolorata bilwieqfa u f’kull ġenb tagħha hemm anġlu. Fuq il-kampnar tas-santwarju parrokkjali nsibu xbieha tal-Madonna ta’ Fatima. Din ġiet skolpita fl-irħam fl-Italja Ma’ dawn l-istatwi żdiedu żewġ xbihat oħra Marjani fis-sena 2021. Waħda tinsab f’niċċa  fi Triq id-Duluri u turi lill-Addolorata, kopja tal-famuża “La Pietà” u oħra turi lill-Madonna ta’ Fatima. Din tinsab fin-nofs tal-qasam tad-djar.

Nixtieq insemmi niċċa oħra li minkejja li ma tagħmilx mal-Parroċċa Ta’ Fatima, bħala konfini tal-Kunsill Lokali tagħmel ma’ Tal-Pietà. Din hija niċċa tad-Duluri tinsab fi Triq ix-Xatt. Fiha ma nsibux statwa imma pittura. Hemm storja ħelwa marbuta ma’ din ix-xbieha. Jingħad li l-pittur Giuseppe Calì kien għamel wegħda li jekk jiżżewweġ lit-tfajla li kien tefa’ għajnejh fuqha kien ipitter kwadru tad-Duluri u jpoġġih għall-qima. Meta x-xewqa tiegħu saret realtà huwa żamm il-wegħda tiegħu. dan il-kwadru llum inbidel u minn floku hemm santa tad-Duluri u l-pittura oriġinali tinsab fil-parroċċa tal-Imsida.

Dan kollu juri li tabilħaqq it-titlu ta’ Raħal Marjan jixraq lil Tal-Pietà.

Fr Reno Muscat 

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 1 ta' Ġunju 2024



venerdì 9 ottobre 2020

Indulġenzi


Spiss inkunu għaddejjin minn quddiem xi niċċa ta’ xi qaddis u taħtha jkun hemm xi biċċa rħama jew ġebla skolpita bil-kliem li min jgħid it-talb li jkun hemm miktub fuqha jakwista indulġenza għal numru ta’ ġranet. Ġieli smajna li min iżur xi knisja jew santwarju fi żmien partikulari, u jqerr u jitqarben, jikseb l-indulġenza. Imma x’inhuma sewwasew dawn l-indulġenzi li qabel tant kienu popolari u li llum donnhom ftit li xejn għadhom jaqgħu fuq moħħ il-bniedem tat-tielet millenju?

Xi tkun indulġenza?

Biex infisser xi tkun indulġenza ser nipprova nġib eżempju prattiku. Nagħmlu mod li ħabib tiegħi jistedinni d-dar tiegħu. Meta mmur martu tibda turini vażun li kien għadu kemm xtralha żewġha u li kien wisq għal qalbha. Waqt li kont qed nifli l-vażun dan żelaqli minn idejja u waqa’ fl-art u sar frak. X’naqbad nagħmel? Nistaqsi lil ħabibi minn fejn kien xtrah u mmur u nixtri wieħed bħalu eżatt u mmur nagħtih lil dik li kont kissirtilha l-vażun. Minbarra dan il-vażun, ngħaddi għand tal-fjuri u nixti bukkett ward lil mart ħabibi biex bħal inpattilha tal-kedda li nkun tajtha. Il-vażun ikun reġa’ ingħata imma l-qatgħa jew il-kedda li nkun tajthom nipprova npattiha bil-bukkett tal-fjuri.

Id-dnub jinħafer bis-sagrament tal-qrar imma n-Nisrani jemmen li d-dnub huwa offiża lil Alla u għalhekk minbarra li jaf li wara l-qrar dnubietu jkunu ġew maħfurin, xorta jkun jaf li jkun offendiH, għalhekk jagħmel it-talba tal-indulġenza bħala tpatija tal-offiża li jkun wettaq. L-indulġenza ma taħfirx dnubiet. Il-qrar qisu l-vażun li xtrajt fl-eżempju u l-indulġenza hija l-bukkett tal-ward.

Mela tajjeb ngħidu li d-duttrina tal-indulġenza hija aspett tal-fidi tal-Knisja Kattolika, li tirreferi għall-possibbiltà li tħassar parti speċifika ħafna tal-konsegwenzi tad-dnub (li ngħidulha piena temporali), mill-midneb li jkun stqarr l-iżball tiegħu (id-dnub) b’indiema sinċiera u jkun inħafer permezz tas-sagrament tal-qrar.



Il-bidu tal-indulġenzi

L-indulġenzi jafu l-bidu tagħhom fil-fidi Lhudija, kif wara kollox taf il-bidu tagħha l-fidi Nisranija. Il-Lhud kellhom l-obbligu li fis-sena sabbatika, sena li tiġi kull seba’ snin, jeħles lill-ilsiera Lhud, iserraħ l-art billi ma jħawwel jew jiżra xejn fiha u jaħfer id-dejn.  Fil-ktieb tad-Dewteronomju nsibu miktub hekk: “Fi tmiem kull seba’ snin tagħmel il-maħfra;  u l-maħfra tkun din: kull min ikollu jieħu, jaħfer kulma jkun silef lil għajru; ma jitlobx lura l-ħlas minnu malli titnieda l-maħfra f’ġieħ il-Mulej. Tista’ titlob lill-barrani, imma lil ħuk erħilu dak li jkollok għandu.” (Dewt: 15, 1-3)

Fit-Testment il-Ġdid insibu li Ġesù biddel l-iskjavitù materjali mal-ħakma tad-dnub.

Fl-1300 il-Papa Bonifaċju VIII żamm l-ewwel Ġublew u ta l-indulġenza lill-pellegrini li jżuru xi waħda mill-bażiliċi papali ta’ Ruma. Il-Konċilju Vatikan II fis-snin sittin tas-seklu li għadda biddel u temm bosta prattiċi li kien hemm marbutin mal-indulġenzi.

Ġieli nisimgħu wkoll b’indulġenza plenarja jew indulġenza parzjali. Id-differenza hija li l-plenarja tħassar għal kollox dik li diġà semmejna, piena temporali, filwaqt li l-indulġena parzjali tħassar din il-piena għal numru ta’ jiem jew ġimgħat jew snin skont kif tkun ingħatat. Fil-fatt fuq il-lapida ta’ xi niċċa jew fuq xi santa li jkollha l-indulġenza, jkun hemm imniżżel iż-żmien li dak li jkun ikun taħt dik l-indulġenza.

Il-Protestanti

l-indulġenzi kienu wieħed mill-punti li ma qabilx magħhom Martin Lutertu, il-patri Agostinjan li jista’ jissejjaħ missier il-Protestaniniżmu.

Bejn is-sekli XIV u XVI l-indulġenzi kienu popolari ħafna u wieħed kien anke jista’ jiksibhom bil-flus. F’dawk is-sekli kienu qed jinbnew bosta knejjes, fosthom il-bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan. Il-flus tal-indulġenzi, li kienu jissejħu Oblatio, kienu jmorru għal dan il-bini kif ukoll biex jinżammu xi istituzzjonijet oħrajn fi ħdan il-Knisja Kattolika bħalma huma sptarijiet u skejjel. Dak iż-żmien il-Knisja kienet l-unika entità li tieħu ħsieb dawn l-istituzzjonijet.

Martin Luteru ħadha kontra dan il-bejgħ ta’ indulġenzi. Illum bil-mentalità tagħna ngħidu li kellu raġun, iżda ma rridux naraw dak li seħħ madwar sitt mitt sena ilu bil-ħsibijiet tal-bniedem tal-lum. Mhux qed ngħid li kienet ħaġa sewwa li indulġenza tinxtara, imma tal-anqas illum għandna knejjes li huma patrimonju universali ta’ ġmiel bla qies. Fejn jidħlu skejjel u sptarjiet ma għandniex xi ngħidu, kienu opri ta’ karità li l-Knisja minn dejjem għamlet u li minn xi mkien dejjem riedet tiffinanzjahom.

Illum l-indulġenzi ftit għadna nisimgħu bihom u jingħataw l-aktar meta jsir xi ġublew. Biss tajjeb inkunu nafu x’inhuma għax meta ngħaddu minn quddiem xi niċċa, li bihom hija miżgħuda Malta, għadna naraw il-kitba li tagħti l-indulġenza. Issa nafu xi ħaġa dwarhom!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 10 ta' Ottubru 2020