Visualizzazione post con etichetta milan. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta milan. Mostra tutti i post

sabato 14 ottobre 2023

It-Transulazzjoni

Issa nistgħu ngħidu li l-istaġun tal-festi sajfin li jsiru fil-parroċċi tagħna għadda, nixtieq naqsam magħkom mument importanti li jsir f’dawn il-festi u li nemmen li ħafna ma jagħrfux is-sinifikat tiegħu. Ġeneralment dan il-waqt ikun lejlet il-festa tard waranofsinhar. Hemmhekk ir-relikwija tal-qaddis jew qaddisa tittieħed bl-aktar mod solenni lejn l-altar maġġur, daqslikieku il-qaddis jew qaddisa patrun jew patruna jkunu huma stess preżenti fil-knisja.

Transulazzjoni

Appuntament importanti fil-festa Maltija huwa dak ta’ lejlet il-festa filgħaxija, dik li tissejjaħ it-transulazzjoni fejn, kif diġà għidt, ir-relikwa tal-qaddis jew qaddisa tinġarr minn xi kappella fil-parroċċa jew minn fuq xi artal fil-knisja parrokkjali stess għal fuq l-artal maġur biex titpoġġa għall-qima tal-pubbliku. Din hija drawwa li nsibuha fil-festa Maltija u ma jidher li tinstab fl-ebda festa oħra barra mill-gżejjer tagħna, iżda l-bidu ta’ din id-drawwa ma huwiex Malti.


Bidu

Jingħad li kien l-Isqof ta’ Milan Sant Ambroġ, li bejn is-snin 374 u 397 kien l-isqof ta’dik il-belt,  l-ewwel bniedem fil-Knisja Oċċidentali li fetaħ qabar ta’ martri u ħa l-fdalijiet ġewwa l-knisja u poġġiehom taħt l-artal. Fis-sena 386 tlesta l-bini ta’ knisja ġewwa Milan. Din kienet inbniet fuq xewqa tal-Isqof Ambroġ stess. Huwa ried li l-konsagrazzjoni ta’ din il-knisja ssir bħalma kien isir ġewwa Ruma. F’Ruma il-knejjes kienu jinbnew fuq l-oqbra tal-martri, iżda f’Milan ma ġarax hekk, allura Ambroġ ħaseb biex jinġiebu l-fdalijiet ta’ San Ġervażju u San Protasju Martri u jitpoġġew fil-kripta tal-knisja.  Lejlet il-konsagrazzjoni tal-knisja saret it-transulazzjoni mill-qabar għall-knisja u saret velja ta’ talb. Aktarx li din kienet l-ewwel transulazzjoni li qatt saret. Il-knisja li semmejna, illum hija magħrufa bħala l-Bażilika ta’ Sant Ambroġ. Fiha għadna nsibu l-fdalijiet ta’ dawn iż-żewġ qaddisin martri kif ukoll il-fdalijiet ta’ Sant Ambroġ stess.

Din il-ħaġa jidher li niżlet tajjeb u bdiet issir kullimkien. Lejlet il-konsagrazzjoni ta’ xi knisja bdiet issir transulazzjoni bil-fdalijiet ta’ xi qaddisin martri. Kienet issir purċissjoni minn xi post qrib il-knisja u matul il-lejl kienet issir velja ta’ talb. Din id-drawwa nsibuha mhux biss fir-rit Latin iżda wkoll f’dak Biżantin.

Fis-seklu XVI

Il-kongregazzjoni tar-riti liturġiċi ħarġet digriet  nhar id-19 ta’ Ottubru tas-sena 1691. Dan id-digriet kien jitlob li r-relikwi tal-qaddisin ikunu esposti għall-pubbliku fil-festa tagħhom. Minn hemm bdew isiru l-purċissjonijiet bir-relikwi ġewwa r-relikwarji lejlet il-festi titulari u sekondarji. Din id-drawwa ħadet post drawwa oħra aktar antika. Qabel, f’lejlet il-festa kienet issir purċissjoni qasira b’kurċifiss. Għadna nsibu xi kurċifissi minn dawn li kienu jintużaw għall-purċissjoni ta’ lejlet il-festa f’xi parroċċi antiki ta’ Malta.  

Qabel ma bdejna nsibu l-istatwi titulari tal-qaddis jew qaddisa fil-parroċċi tagħna, il-purċissjoni ta’ nhar il-festa kienet issir bir-relikwa. Din il-ħaġa ma nistgħux ngħidu li spiċċat, anzi l-aktar ħaġa importanti fil-purċissjoni tal-qaddis jew qaddisa ma hijiex l-istatwa iżda r-relikwa. Madankollu n-nies aktar donnha tkun ħsiebha fl-istatwa milli mir-relikwa – sfortunatament!


In-nar

Billi wieħed mill-elementi importanti fil-festa Maltija huwa l-logħob tan-nar, ma jistax jonqos li waqt it-transulazzjoni ma jinħaraqx xi nar. It-transulazzjoni saret appuntament importanti għal kull għaqda tan-nar u għalhekk tipprepara programm għaliha. Tabilħaqq li lejlet il-festa l-poplu aktar jiffoka fuq il-ħarqa li tkun sejra ssir aktar tard, iżda dan ma jnaqqasx mill-importanza tal-ħarqa li ssir waqt li tkun għaddejja t-trasulazzjoni. F’ dan il-waqt inkunu nistgħu napprezzaw xogħol pirotekniku bħalma huma s-salut, varjetà ta’ murtali u murtali bil-logħob kif ukoll il-kaxxa Spanjola. Nistgħu ngħidlu li t-transulazzjoni llum għandha wkoll l-element pirotekniku tagħha li jkompli jkabbarha għaliex matulha jista’ jinħaraq xogħol li ma narawx f’ħin ieħor matul il-ġimgħa tal-festa.

Mużika

Hemm fejn it-transulazzjoni tkun akkumpanjata minn xi banda. Mhux bil-fors jew mhux dejjem. Ikun hemm snin fejn il-festa tkun qed tiġi ċċelebrata b’pompi akbar minħabba xi aniversarju u għalhekk fi snin bħal dawn aktarx insibu li mat-teransulazzjoni jkun hemm xi banda. Hawn jidħol dan l-element importanti fil-festi tagħna, jiġifieri l-mużika, f’din iċ-ċelebrazzjoni li hija puramnet liturġika.

Mela nistgħu ngħidu li llum it-transulazzjoni saret dik li hi billi hemm bosta elementi li jiffurmawha. L-importanza ta’ din il-funzjoni hija kbira għaliex is-sens tagħha hu li l-qaddis patrun ikun milqugħ fil-knisja, ikkonsagrata lil Alla iżda taħt il-patroċinju ta’ dak il-qaddis, jew qaddisa. Mhux ta’ b’ xejn li t-transulazzjon issir b’ dik il-pompa kollha, iva għax tabilħaqq hekk jixraq.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 14 ta' Ottubru 2023



sabato 27 marzo 2021

Relikwi tal-Passjoni

 

Din is-sena l-imxija tal-Covid-19 qed iċċaħħadna mhux biss mil-liturġija u l-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira li tant huma għal qalb bosta Maltin, imma wkoll minn bosta wirjiet marbutin mal-istess jiem. Biex bħal nikkompensa ftit li dawn id-dilettanti ħsibt li nikteb xi ħaġa marbuta direttament mad-devozzjoni kif ukoll mad-delizju ta’ bosta. Ser insemmi xi relikwi li għandhom x’jaqsmu mal-Passjoni ta’ Ġesù. Tant hawn li mhux possibbli li wieħed jitrattahom kollha f’artiklu qasir bħal dan!

Liżar

Bla dubju ta’ xejn l-aktar relikwa popolari marbuta mal-passjoni ta’ Kristu huwa l-liżar jew kefen li bosta jemmnu li fih kien imkeffen Ġesù hekk kif tniżżel mis-salib u kien midfun. Dan jinsab fil-Katidral jew Duomo ta’ Turin l-Italja imma mhux minn dejjem kien hemm. Dan huwa liżar tal-għażel li fuqu tidher ix-xbieha ta’ raġel li fuq ġismu jidhru sinjali u daqqiet li juru trattament ħażin u tortura li jaqblu ma’ dawk deskritti fil-Passjoni ta’ Ġesù. L-ewwel kitba serja dwar dan il-liżar illum tinsab f’Turin u tmur lura għall-1353. Il-kavallier Goffredo ta’ Charny bena knisja fil-belt ta’ Lirey fi Franza biex fiha jitpoġġa dan il-kefen. Madankollu, huwa ma jgħidx kif dan il-liżar spiċċa għandu. Minn Lirey ittieħed Chambéry fi Franza stess. Dan kien sar propjetà tal-familja Savoia li din ħaditu ġewwa Turin fl-1578 fejn għadu miużmum sal-lum. Minn żmien għal żmien dan il-kefen ikun għall-wiri tal-pubbliku.

Il-Veru Linju

Ir-relikwa tas-Salib ta’ Kristu hija magħrufa magħna bħala l-Veru Linju. Ir-relikwa nstabet f’Ġerusalemm fis-sena 327-328 minn omm l-imperatur Ruman Kostantinu I, Flavia Giulia Elena, magħrufa bħala Santa Liena. Skont it-tradizzjoni Nisranija, is-Salib kien miżmum biċċa minnu f’Ġerusalemm, biċċa f’Kostantinopli u biċċa f’Ruma. Ir-relikwa ta’ Ġerusalemm baqgħet hemm sal-1187, meta t-traċċi tagħha ntilfu wara li Saladin rebaħ din il-Belt Imqaddsa.

Matul is-sekli ħafna frak ta’ daqsijiet differenti kienu ttieħdu minnu u llum jinsabu f’diversi postijiet. Uħud mill-akbar relikwi tas-Salib jinsabu f’Liébana (Spanja), f’Ruma u f’Pariġi. Il-biċċiet iżgħar huma numerużi ħafna: fis-seklu sittax ix-xiżmatiku Kalvinu, ironikament kien iddikjara li kieku wieħed kellu jiġbor ir-relikwi kollha tas-Salib ta; Kristu ikun jista’ jibni bastiment bihom. Madankollu, din kienet esaġerazzjoni.

Imsiemer

Kristu kien imsammar mas-salib u għalhekk insibu wkoll relikwi ta’ dawn l-imsiemer li żammew lil Ġesù msallab. Fil-bażilika ta’ Santa Croce in Gerusalemme f’Ruma hemm ras ta’ musmar li kienet ittieħed hemm direttament minn Santa Liena flimkien ma’ biċċa mis-salib u parti mill-titulus crucis, l-iskrizzjoni bil-kitba tas-sentenza tal-mewt.

Fil-Katidral ta’ Milan insibu musmar li baqa’ hemm wara l-mewt ta’ l-Imperatur Ruman Teodosju fis-sena 395. L-ewwel dokumentazzjoni dwaru hija tal-Medju Evu. Matul is-sena dan ikun miżmum f’niċċa fin-naħa ta’ fuq tal-abside, madwar 42 metru ’l fuq mill-art. Dan ikun esebit lill-fidili darba fis-sena.

Fil-Katidral ta’ Monza, l-Italja, tinżamm il-Kuruna tal-Ħadid li kienet iċ-ċirku ta’ isfel tal-elmu ta’ Kostantinu. Tradizzjonalment huwa maħsub li d-dawra tal-metall kien fiha musmar mis-salib ta’ Kristu. Madankollu, analiżi riċenti sabu li din il-pjanċa hija kollha tal-fidda għalhekk ma jistax ikun li fiha musmar tat-tislib għax dawn ma kinux tal fidda żgur.

Musmar ieħor kien jiddaħħal fil-Lanza Mqaddsa użata mill-Imperaturi Rumani li issa tinsab fi Vjenna. It-tradizzjoni tgħid li din hija l-lanza li biha Longinus nifed il-kustat ta’ Ġesù. Din tinsab fit-teżor imperjali tal-kapitali Awstrijaka.

Il-kolonna u l-kuruna

Il-kolonna użata mis-suldati Rumani biex fuq il-kmand ta’ Pilatu Ġesù kien flaġellat, llum insibuha f’Ruma, fil-Bażilika ta’ Santa Prassede. Din kienet miġjuba direttament minn Ġerusalemm fis-seklu tlettax mill-Kardinal Giovanni Colonna.

Il-kuruna tax-xewk inżammet f’Kostantinopli sakemm fis-seklu tlettax ir-Re Lwiġi IX ta’ Franza xtraha u poġġieha fis-Sainte-Chapelle li kien bena f’Pariġi għal din ir-relikwi. Illum ma għadx fiha xewk għax matul is-sekli kollha nqatgħu u ġew mogħtija lill-knejjes jew nies importanti.

Il-velu tal-Veronika

Il-maktur tal-għażel li t-tradizzjoni tgħid li kienet użat waħda mara biex tixxotta wiċċ Ġesù waqt it-tlugħ sal-Kalvarju u li fuqu kien stampat il-wiċċ ta’ Kristu jinsab merfugħ fil-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan. Ikollna ngħidu li din mhix ir-relikwa waħdanija li jingħad li kienet il-velu ta’ din il-mara li qatt ma nsibu riferiment għaliha fl-Evanġelji.

Il-libsa ta’ Ġesù

Din hija relikwa li nsibu fil-katidral ta’ Trier fil-Ġermanja li tikkonsisti f’biċċa drapp, mingħajr ħjata, li huwa maħsub li kienet parti mit-tunika li Kristu libes qabel it-tislib tiegħu u li skont l-Evanġelju ta’ San Ġwann is- suldati Rumani li kienu fuq il-Golgota tefgħu x-xorti għaliha. It-tradizzjoni tgħid li kienet Santa Liena stess li tat din il-libsa lil San Agrizju, isqof ta’ Trier.

Dan ma humiex l-uniċi relikwi marbuta mal-passjoni ta’ Kristu. Dawn lanqas huma xi dommi ta’ fidi jiġifieri wieħed jista’ jemmen jew ma jemminx l-awtentiċità tagħhom. L-importanti li jressquna lejn dak li jridu jirrapreżentaw.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 27 ta' Marzu 2021



martedì 6 agosto 2019

Leonardo da Vinci, artist ġenju

Leonardo da Vinci

Fil-faxxa taż-żmien li tinfirex bejn wieħed u ieħor mill-14 sas-17-il seklu u li tgħaqqad il-Medju Evu mal-età Moderna insibu r-Rinaxximent, żmien li ta lid-dinja bosta u bosta nies kbar f’kull qasam tal-ħajja. Wieħed minn dawn huwa Leonardo da Vinci, li nazzarda nsejjaħlu ġenju għax kien kbir f’bosta oqsma bħalma huma l-arti u x-xjenza.

Minn kien
Leonardo di ser Piero da Vinci twieled minn relazzjoni illeġittima  bejn Piero da Vinci, nutar li meta twieled Leonardo kellu 25 sena u Katarina Buti del Vacca, mara ta’ klassi soċjali mhux għolja bħal ta’ Piero. Hemm min isostni li din il-mara kienet skjava li nġiebet mil-Lvant Nofsani.  It-twelid ta’ din it-tarbija nsibuha mniżżla fi ktieb li kien iżomm in-notamenti u t-tifkiriet tal-familja n-Nutar Antonio da Vinci li kien missier Piero. Hawn insibu miktub li s-Sibt 15 ta’ April, twieled l-ewwel neputi tiegħu fit-3 ta’ billejl, In-nannu ta’ Leonardo jsemmi wkoll il-magħmudija ta’ dan iċ-ċkejken neputi u jsemmi dawk li attendew għaliha ġewwa l-knisja tas-Salib Imqaddes fir-raħal ta’ Vinċi. Kienet is-sena 1452. It-tifel twieled ġewwa r-raħal ta’ Anchiano, fil-comune ta’ Vinci fit-Toskana, illum l-Italja Ċentrali.

Leonardo minn ċkunitu wera li kien iħobb id-disinn u l-pittura u għalhekk missieru, li kien sar nutar tal-Familja Signoria f’Firenze,  daħħal lill-ibnu fil-ħanut tax-xogħol ta’ Andrea Del Verrocchio ġewwa Firenze li f’dawk is-snin kien qiegħed irawwem bosta artisti żgħażagħ. Il-ħila ta’ dan iż-żgħażugħ ma damitx wisq ma laqtet lill-imgħallem u dan ħeġġu biex qatt ma jħares lura. Leonardo fil-fatt sar magħruf aktar mill-imgħallem tiegħu.

Milan u Franza
L-aħħar ċena
Leonardo ħalla t-Toskana u mar għal xi snin jaħdem ġewwa l-belt ta’ Milan. Fost bosta xogħlijiet li huwa ħadem f’din il-belt insibu l-aħħar ċena ta’ Kristu fil-kunvent tal-Madonna tal-Grazzja tal-patrijiet Dumnikani. Dan huwa affresk maħdum fir-refettorju (il-kamra tal-ikel) tal-patrijiet. Din saret bejn is-snin 1495 u 1498, Illum insibu bieb sewwa sew taħt il-mejda ta’ din il-pittura famuża. Meta saret din l-opra tal-arti din il-bieb ma kienx hemm. Kienu l-patrijiet li fis-seklu 17 fetħu dan il-bieb biex ikunu jistgħu jgħaddu mir-refettorju għal ġol-kċina. X’ħasra! Hawn qegħdin nitkellmu dwar l-aktar pittura magħrufa fid-dinaj tal-aħħar ċena, pittura li saru bosta kopji tagħha anke minn pitturi famużi oħra.

Leonardo għadda wkoll xi snin fi Franza, għalkemm tajjeb insemmu li huwa ħadem ukoll f’Venezja, Ruma, Mantova u Firenze. Imma Franza dejjem kienet art li taffaxxina lill-artist. Is-snin li għadda fi Franza kienu tabilħaqq ta’ serħan għalih. Huwa għex fil-belt ta’ Amboise. Fi Franza insibu kapolavur ta’ dan il-ġenju, il-Mona Lisa għalkemm din tpittret il bogħod minn Pariġi fejn tinstab illum.

Xjenzjat
Leonrado kien ukoll jinteressa ruħu fix-xjenza l-aktar fejn jidħol il-ġisem tal-bniedem u kif jaħdem. Huwa ħażżeż il-famus bniedem vetruvjan, fejn id-disinn juri l-ġisem uman f’forma geometrika. Ħalla wkoll disinji tal-għadam tal-bniedem u kien dejjem jipprova jifhem kif jiġi ġġenerat bniedem. Insomma kien ġenju dal-bniedem.  Ħażżeż ukoll bosta disini ta’ makkinarju għall-gwerra kif ukoll itteorizza l-ewwel helicopter. Huwa wkoll xi drabi jitqies bħala missier il-paleontoloġija. Din hija x-xjenza jew aħjar fergħa tax-xjenza naturali li tistudja ħlejjaq li kienu jgħixu fl-imgħoddi. Da Vinci kien jistudja l-fossili ta’ għadam ta’ annimali tal-art jew tal-baħar li kienu jinstabu fil-blat. Dan il-ġenju ħallaw wkoll xi pjanti ta’ bini fosthom knejjes u fortizzi.

Leonardo kellu żvanaġġ. Huwa ma kienx jaf jitkellem bil-Latin, kien jitkellem bit-Toskan u għalhekk din il-ħaġa kienet taqtgħu xi ftit mill-kumplament tad-dinja elitista, iżda x-xogħol li wettaq xejn ma jnaqqaslu mid-dinjità tiegħu billi kien jitkellem vulgari. Vulgari ma jfissirx li kien jitkellem baxx imma li kien jitkellem bħan-nies komuni.  Fatt ieħor ta’ dan l-artist huwa li kien jikteb u allura anke jpitter b’idu ix-xellugija. Huwa kien jikteb bil-kontra u għalhekk il-kitba tiegħu tinqara sewwa jekk tinqara f’mera. Hawn min jaħseb li dan il-bniedem kien ibati bid-dislessja.

Ajruport
Monument ta' Da Vinci fl-ajruport ta' Fiumicino 
Ħafna minna meta mmorru Ruma nużaw l-ajruport ta’ Fiumicino. Dan l-ajruport jismu sewwasew Leonardo Da Vinci. Dan huwa ajruport li nfetaħ fis-sena 1960 u ħa post dak ta’ Ciampino li għadu jintuża l-aktar minn ajruplani militari u dawk ta’ linji low cost. Kien xieraq li dan l-ajruport jissemma għal dan il-ġenju li anke ħolom li xi darba l-bniedem ikun jista jtir.

Leonrado ħalla din id-dinja fi fit 2 ta’ Mejju tas-sena 1519 ġewwa Amboise fejn kien ilu jgħix sentejn. Huwa indifen fil-kappella ta’ San Hubert fl-istess belt.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 3 ta' Awwissu 2019






sabato 14 maggio 2016

Kikkra kafè

Huma ħafna dawk li jkunu qegħdin iqallbu l-paġni ta’ dan il-ġurnal waqt li jkunu qegħdin jieħdu l-ewwel kikkra kafè tal-ġurnata. Hemm oħrajn li l-gazzetta jagħtuha daqqa t’ għajn għall-ħabta tal-għaxra, waqt li wkoll ikunu qed jieħdu kafè. Hu x’ inhu donnhom il-kafè u l-gazzetta jmorru id f’ id.

Il caffè
Fit-tieni nofs tas-seklu XVIII, ġewwa Milan kien hemm ħanut tal-kafè ta’ ċertu wieħed Grieg li kien jismu Dimitri. Fil-ħanut ta’ dan ir-raġel kienu jiltaqgħu bosta ħaddiema biex jieħdu kafè u jgħidu kelma. Ma rridux ninsew li l-kafè għat-Taljani huwa ingredjent importanti f’ħajjithom u għalhekk il-kikkra kafè għand Dimitri kienet appuntament ta’ kuljum għal bosta ħaddiema, tal-id jew tal-pinna. F’ dan il-post spiss kienu jsiru diskursati dwar il-politika jew xi attività soċjali bejn dawk li kienu jiffrekwentaw dan il-ħanut.

Ċertu Pietro Verri, kittieb, storiku, filosofu u fuq kollox meqjus ukoll bħala wieħed mill-akbar esponenti tal-illuminiżmu f’ Milan, kien ukoll ġieli jżur dan il-ħanut. Huwa kien jinnota kemm diskussjonijiet politiċi jew soċjali kienu spiss jitwieldu f’ dan il-post.  F’ Ġunju tas-sena 1764 dan Verri beda jippubblika ġurnal b’ argumenti u artikli politiċi, soċjali, artistiċi u kulturali. Il-ġurnal semmieh “Il Caffè” għaliex l-istess bħall-ħanut ta’ Dimitri kieni kun fih argumenti ta’ interess ġenerali. Dan il-ġurnal ma kellux ħajja twila wisq u l-aħħar ħarġa tiegħu kienet dik ta’ Mejju tal-1766.

Il-Pjanta u x-xarba
Aktarx li l-kelma kafè ġejja mill-kelma “Kaffa” li hija isem ta’ provinċja antika fil-Lbiċ tal-Etjopja u li aktrax fiha oriġinat il-pjanta tal-kafè. Il-kelma “Kaffa” mbagħad aktrax li ġiet minn dik Għarbija “Kaħwah” (قهوة) li llum tfisser ukoll kafè.

Il-kafè hija xarba magħmulha minn frott, donnhom żrieragħ, ta’ pjanta li meta jsiru u jinxfu jkunu inkaljati u mitħuna u wara jitgħallew. Il-pajta tal-kafè ħarġet mill-Afrika u ttieħdet madwar id-dinja biex illum insibu madwar 70 pajjiż li jipproduċi dan il-prodott. Dawn il-pajjiżi nsibuhom l-aktar fir-reġjuni ekwatorjali, fl-Amerika ta’ isfel, fl-Asja u l-Afrika. Din il-pajnta ddum tgħix bejn 20 u 25 sena u ta’ kull sena tagħmel madwar 2,000 frotta.

Aktarx li l-ewwel ma beda jinxtorob il-kafè kien fil-Jemen lejn nofs is-seklu XV. Hemmhekk kienu jiltaqgħu xi rġiel wara t-talb ta’ Nhar ta’ Ġimgħa u joqgħodu jixorbu dik li llum insejħulu kafè. Kien fl-Arabja li l-frotta tal-kafè bdiet tkun inkaljata u mitħuna biex minnha ssir ix-xarba. Xi neguzjanti kienu daħħlu l-pjanta fil-pajjiż u bdew ikabbruha hemm. Sas-seklu ta’ wara din id-drawwa li jinxtorob il-kafè, u kultant anke l-kultivazzjoni tal-pjanta, daħlet fil-bqija tal-Lvant Nofsani, fil-Persja, fit-Turkija u fl-Afrika ta’ Fuq. Minn hemmhekk daħlet f’ Ewropa u ftit ftit inxterdet mad-dinja kollha. Illum tmur fejn tmur madwar id-dinja tista’ tixrob il-kafè.

Tipi ta’ kafè
Insibu żewġ tipi ewlenin ta’ kafè; Arabica u Robusta. L-aktar popolari huwa l-Arabica. Minn dawn iż-żewġ tipi joħorbu bosta kafejiet oħrajn u għalhekk insibu għażla kbira meta mmorru l-ħanut biex nixtru l-kafè mitħun. Dawn ikollhom xi varjazzjoni minħabba l-post li fih ikunu kkultivati. Dan ikollu effett fuq it-togħma tax-xarba.

Jekk tipi ta’ frott tal-pjanta tal-kafè nsibu tnejn, mhux l-istess nistgħu ngħidu għax-xarba li nagħmlu minnhom. Tmur ġewwa ħanut tal-kafè l-Italja tibda tisma’ bosta ismijiet li jindikaw tipi ta’ xarbiet tal-kafè. Espresso huwa l-aktar komuni u għalhekk jirreferu għalih sempliċiment bħala “caffè”. Imma l-espresso jista’ jkun lungo. Jekk tridu bil-ħalib allura ordna capuccino, jew għall-qosor capuccio. Macchiato mbagħad ikun espresso bil-ħalib imma lanqas huwa capuccino. Hemm imbagħad fejn issib l-espressino jew marocchino, servut f’ kikkra daqs nitfa bi ftit trab taċ-ċikkulata fil-wiċċ.
Il-kafè jista’ jinxtorob ukoll kiesaħ. Il-caffè freddo huwa xarba tajba ħafna għall-jiem sħan. Hemm ukoll il-ġelat jew aħjar is-slush tal-kafè li jekk qatt ma doqtu nissuġġerilek li tara minn fejn tista’ ssib tixtri wieħed u dduqu.

F’ pajjiżna ma tantx għandna kultura tal-kafè jew aħjar ngħid li tlifnieha. Niftakar lin-nanna u aktar tard lil ommi, isajru stanjata kafè kull filgħodu biex kulħadd ikun jista’ jieħu kemm irid matul il-jum. Illum la għadha magħna n-nanna u lanqas ommi u tlifna kemm il-kafè kif ukoll l-istanjata. Illum daħal il-kafè tat-trab, dak li t-Taljani jgħidulu Americano. Komdu u tagħmlu malajr imma lanqas biss jibda mal-kafè l-ieħor. Il-post tal-istanjata llum ħadu l-kitla tad-dawl.
X’ dinja ta’ ħsibijiet fuq din in-nitfa ta’ żerriegħa jew frotta li tagħtina xarba tant popolari u li ssibha madwar id-dinja kollha. Illum lanqas nimmaġinaw li mmorru xi mkien u ma nsibux kikkra kafè. Intant, jekk qabel bdejt taqra dan l-artiklu ferrajt xi kikkra kafè naħseb issa birdet u tista’ tixrobha bil-kwiet inti u tkompli tqalleb il-paġni ta’ dan il-ġurnal.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 14 ta' Mejju 2016