Din is-sena l-imxija tal-Covid-19 qed iċċaħħadna mhux biss mil-liturġija u l-purċissjonijiet
tal-Ġimgħa l-Kbira li tant huma għal qalb bosta Maltin, imma wkoll minn bosta
wirjiet marbutin mal-istess jiem. Biex bħal nikkompensa ftit li dawn id-dilettanti
ħsibt li nikteb xi ħaġa marbuta direttament mad-devozzjoni kif ukoll mad-delizju
ta’ bosta. Ser insemmi xi relikwi li għandhom x’jaqsmu mal-Passjoni ta’ Ġesù.
Tant hawn li mhux possibbli li wieħed jitrattahom kollha f’artiklu qasir bħal
dan!
Liżar
Bla dubju ta’ xejn l-aktar relikwa popolari marbuta mal-passjoni ta’ Kristu
huwa l-liżar jew kefen li bosta jemmnu li fih kien imkeffen Ġesù hekk kif
tniżżel mis-salib u kien midfun. Dan jinsab fil-Katidral jew Duomo ta’ Turin
l-Italja imma mhux minn dejjem kien hemm. Dan huwa liżar tal-għażel li fuqu
tidher ix-xbieha ta’ raġel li fuq ġismu jidhru sinjali u daqqiet li juru trattament
ħażin u tortura li jaqblu ma’ dawk deskritti fil-Passjoni ta’ Ġesù. L-ewwel kitba
serja dwar dan il-liżar illum tinsab f’Turin u tmur lura għall-1353. Il-kavallier
Goffredo ta’ Charny bena knisja fil-belt ta’ Lirey fi Franza biex fiha jitpoġġa
dan il-kefen. Madankollu, huwa ma jgħidx kif dan il-liżar spiċċa għandu. Minn
Lirey ittieħed Chambéry fi Franza stess. Dan kien sar propjetà tal-familja
Savoia li din ħaditu ġewwa Turin fl-1578 fejn għadu miużmum sal-lum. Minn żmien
għal żmien dan il-kefen ikun għall-wiri tal-pubbliku.
Il-Veru Linju
Ir-relikwa tas-Salib ta’ Kristu hija magħrufa magħna bħala l-Veru Linju.
Ir-relikwa nstabet f’Ġerusalemm fis-sena 327-328 minn omm l-imperatur Ruman
Kostantinu I, Flavia Giulia Elena, magħrufa bħala Santa Liena. Skont
it-tradizzjoni Nisranija, is-Salib kien miżmum biċċa minnu f’Ġerusalemm, biċċa f’Kostantinopli
u biċċa f’Ruma. Ir-relikwa ta’ Ġerusalemm baqgħet hemm sal-1187, meta t-traċċi
tagħha ntilfu wara li Saladin rebaħ din il-Belt Imqaddsa.
Matul is-sekli ħafna frak ta’ daqsijiet differenti kienu ttieħdu minnu u
llum jinsabu f’diversi postijiet. Uħud mill-akbar relikwi tas-Salib jinsabu f’Liébana
(Spanja), f’Ruma u f’Pariġi. Il-biċċiet iżgħar huma numerużi ħafna: fis-seklu
sittax ix-xiżmatiku Kalvinu, ironikament kien iddikjara li kieku wieħed kellu
jiġbor ir-relikwi kollha tas-Salib ta; Kristu ikun jista’ jibni bastiment bihom.
Madankollu, din kienet esaġerazzjoni.
Imsiemer
Kristu kien imsammar mas-salib u għalhekk insibu wkoll relikwi ta’ dawn
l-imsiemer li żammew lil Ġesù msallab. Fil-bażilika ta’ Santa Croce in
Gerusalemme f’Ruma hemm ras ta’ musmar li kienet ittieħed hemm direttament
minn Santa Liena flimkien ma’ biċċa mis-salib u parti mill-titulus crucis,
l-iskrizzjoni bil-kitba tas-sentenza tal-mewt.
Fil-Katidral ta’ Monza, l-Italja, tinżamm il-Kuruna tal-Ħadid li kienet iċ-ċirku
ta’ isfel tal-elmu ta’ Kostantinu. Tradizzjonalment huwa maħsub li d-dawra
tal-metall kien fiha musmar mis-salib ta’ Kristu. Madankollu, analiżi riċenti
sabu li din il-pjanċa hija kollha tal-fidda għalhekk ma jistax ikun li fiha
musmar tat-tislib għax dawn ma kinux tal fidda żgur.
Musmar ieħor kien jiddaħħal fil-Lanza Mqaddsa użata mill-Imperaturi Rumani
li issa tinsab fi Vjenna. It-tradizzjoni tgħid li din hija l-lanza li biha
Longinus nifed il-kustat ta’ Ġesù. Din tinsab fit-teżor imperjali tal-kapitali
Awstrijaka.
Il-kolonna u l-kuruna
Il-kolonna użata mis-suldati Rumani biex fuq il-kmand ta’ Pilatu Ġesù kien
flaġellat, llum insibuha f’Ruma, fil-Bażilika ta’ Santa Prassede. Din kienet miġjuba
direttament minn Ġerusalemm fis-seklu tlettax mill-Kardinal Giovanni Colonna.
Il-kuruna tax-xewk inżammet f’Kostantinopli sakemm fis-seklu tlettax ir-Re
Lwiġi IX ta’ Franza xtraha u poġġieha fis-Sainte-Chapelle li kien bena f’Pariġi
għal din ir-relikwi. Illum ma għadx fiha xewk għax matul is-sekli kollha
nqatgħu u ġew mogħtija lill-knejjes jew nies importanti.
Il-velu tal-Veronika
Il-maktur tal-għażel li t-tradizzjoni tgħid li kienet użat waħda mara biex tixxotta
wiċċ Ġesù waqt it-tlugħ sal-Kalvarju u li fuqu kien stampat il-wiċċ ta’ Kristu
jinsab merfugħ fil-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan. Ikollna ngħidu li din
mhix ir-relikwa waħdanija li jingħad li kienet il-velu ta’ din il-mara li qatt
ma nsibu riferiment għaliha fl-Evanġelji.
Il-libsa ta’ Ġesù
Dan ma humiex l-uniċi relikwi marbuta mal-passjoni ta’ Kristu. Dawn lanqas
huma xi dommi ta’ fidi jiġifieri wieħed jista’ jemmen jew ma jemminx
l-awtentiċità tagħhom. L-importanti li jressquna lejn dak li jridu
jirrapreżentaw.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 27 ta' Marzu 2021
Nessun commento:
Posta un commento