Visualizzazione post con etichetta passjoni. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta passjoni. Mostra tutti i post

sabato 9 dicembre 2023

Kollezzjoni

 

Kulħadd għandu xi passjoni, kulħadd għandu xi passatemp, min ħaġa u min oħra, imma naħseb li wieħed mill-akbar passatempi huwa il-kollezzjoniżmu. Tiskanta kemm hawn min iġemma’ ħwejjeġ differenti. Il-kollezzjoniżmu jinkludi t-tfittxija tal-ħaġa, il-lokalizzazzjoni u l-akkwist tagħha, l-organizzazzjoni tal-kollezzjoni, il-katalogar tal-oġġetti fil-kollezzjoni, aktar iva  illi le jinkludi wkoll il-wiri tal-kollezzjoni, l-irfiegħ u ż-żamma ta’ oġġetti li jkunu ta’ interess għal kollettur individwali. Dan kollu huwa xogħol ta’ kollezzjonist li jġemma’ jkun xi jkun.

Passjoni

Fid-dinja hawn min iġemma’ minn kollox, minn basktijiet tal-plastik, jew srievet tal-karti li jkollhom stampat fuqhom l-isem tar-restaurant jew xi reklam sa opri tal-arti li jiswew eluf jekk mhux miljuni ta’ ewro. Niftakar wieħed professur tiegħi, Naplitan, kellu passjoni għall-kotba. Ma jistax jonqos li l-materja li kien jgħallem dan il-professur kienet il-metodoloġija, kif tagħmel teżi għal lawra kif suppost, kif tikwota ktieb jew film jew gazzetta. Darba kellna laqgħa soċjali l-Università u dan il-professur kien ser jattendi għaliha flimkien ma’ martu. Qalilna, anzi talabna, biex ma’ martu ma nitkellmux fuq kotba. Qalilna wkoll li d-dar kien neħħa mejda u bena mejda bil-kotba għax ma kellux aktar fejn iqiegħed. Sal-kamra tal-banju kien fiha l-ixkafef għall-kotba! Staqsejnieh jekk kienx qara dawk l-eluf ta’ kotba kollha u qalilna li kieku kellu jerġa’ jitwieled mill-ġdid u jibda jaqra l-kotba li għad jonsu jaqra mill-kollezzjoni tiegħu lanqas ilestihom kollha. Imma l-passjoni hija passjoni u kull fejn jara ktieb ikun irid jixtrieh. Min jaf kemm hawn minnkom li qed jgħidu: “Bħali – dak bil-kotba u jien b’xi ħaġa oħra!”

Rekord

Hawn min jgħaddi għomru kollu jfittex u jżid mal-kollezzjoni tiegħu u għalhekk issir kollezzjoni kbira li tikser kull rekord mondjali. Naraw xi wħud minnhom.

Bettina Dorfmann minn Düsseldorf, il-Ġermanja għandha l-akbar kollezzjoni fid-dinja ta’ pupi Barbie. Huwa stmat li l-kollezzjoni tagħha sa Diċembru li għadda kien fiha ’l fuq minn 18,500 biċċa, iva, iva, tmintax-il elf u ħames mitt pupa! Il-manifatturi ta’ din il-pupa jgħidu li hawn madwar mitt elf kollettur ta’ dawn il-pupi. Biex nibqgħu fuq il-ġugarelli ngħidu wkoll li Istvánné Arnóczki li toqgħod Harsány, l-Ungerija għandha kollezzjoni ta’ Teddy Bears li fiha aktar minn 20,000 wieħed. Meta din il-mara kienet għadha żgħira dejjem ħolmot li jkollha Teddy Bear, imma minħabba l-faqar li trabbiet fih, ma ninsewx li l-Ungerija sa ftit għexieren ta’ snin ilu kienet pajjiż Komunist, qatt ma kellha wieħed. Illum xtrat u ddubbat tant li darha biddlitha f’mużew ta’ dan l-ors simpatiku.

Il-koppja Rich u Flo Newman minn Massachusetts għandhom kollezzjoni li ma nafx hawnx min iġemma’ bħalhom. Dawn iġemmgħu t-toliet paper. Huma qalu: “Bdejna niġbru toilet paper fl-1978 bħala ċajta divertenti, xi ħaġa differenti minn kollezzjonijiet oħra. Spiċċajna kompletament sorpriżi bil-varjetà ta’ toilet paper differenti li nsibu madwar id-dinja. Huma għandhom biċċiet ta’ toilet paper minn madwar id-dinja kollha, xi wħud minnhom iffirmati minn nies famużi. Heqq dan hu d-delizzju tagħhom, min ilumhom?

Bolli u muniti

L-aktar żewġ kollezzjonijiet popolari madwar id-dinja aktarx li huma dawk tal-bolli u dawk tal-muniti. Il-passatemp tal-kollezzjoni tal-bolli jissejjeħ Filatelija li tinkludi it-tfaddil u l-istudju tal-bolol postali u bolol oħrajn. Il-passjoni għat-tifdal tal-muniti differetni tissejjaħ Numismatika. Jeżistu saħansitra għaqdiet dinjija għal dawn il-kollezzjonisti. Philipp von Ferrary, Franċiż, kien magħruf fejn tidħol il-filatelija. Probabbilment kellu l-akbar kollezzjoni ta’ bolli madwar id-dinja li qatt eżistiet u huwa meqjus bħala l-akbar kollettur tal-bolli ta’ kull żmien. Ix-xewqa ta’ dan il-kollezzjonist kienet li l-kollezzjoni tiegħu tkun esebita f’mużew f’Berlin, imma minħabba l-Ewwel Gwerra Dinjija din ix-xewqa tiegħu qatt ma seħħet. Il-kollezzjoni tiegħu inbiegħet wara mewtu lil 14-il kollezzjonist differenti u b’hekk spiċċat maqsuma. Il-Kollezzjoni Numismatika Nazzjonali li nsibu fi Smithsonian Institution f'Washington, DC,  hija magħmula minn madwar 1.6 miljun munita u hija maħsuba li hija l-akbar ġabra ta’ flus fid-dinja. Din il-kollezzjoni kienet mibdija f’nofs is-seklu 19 u llum tiġbor fiha muniti minn madwar id-dinja kollha li xi wħud minnhom imorru lura sa tlett elef sena.

Ħabib tiegħi

Kont imsiefer u ħabib tiegħi li kien mal-grupp qalli li xtara xi ftit kalamiti li jeħlu mal-fridge. Illum sar hawn ħafna min iġemma’ dawn il-kalamiti. Mela dal-ħabib qalli: “Xtrajt dawn għal ommi, għax jien inġemma’ l-kalamiti!” Għidtlu li lil ommu ma kien xtralha xejn għax dawk kienu għalih. Wara qalli li l-kollezzjoni kienet tagħhom it-tnejn!

Illum rajna ftit ħafna dwar xi jġemmgħu n-nies. Kemm hawn aktar!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 9 ta' Diċembru 2023



sabato 27 marzo 2021

Relikwi tal-Passjoni

 

Din is-sena l-imxija tal-Covid-19 qed iċċaħħadna mhux biss mil-liturġija u l-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira li tant huma għal qalb bosta Maltin, imma wkoll minn bosta wirjiet marbutin mal-istess jiem. Biex bħal nikkompensa ftit li dawn id-dilettanti ħsibt li nikteb xi ħaġa marbuta direttament mad-devozzjoni kif ukoll mad-delizju ta’ bosta. Ser insemmi xi relikwi li għandhom x’jaqsmu mal-Passjoni ta’ Ġesù. Tant hawn li mhux possibbli li wieħed jitrattahom kollha f’artiklu qasir bħal dan!

Liżar

Bla dubju ta’ xejn l-aktar relikwa popolari marbuta mal-passjoni ta’ Kristu huwa l-liżar jew kefen li bosta jemmnu li fih kien imkeffen Ġesù hekk kif tniżżel mis-salib u kien midfun. Dan jinsab fil-Katidral jew Duomo ta’ Turin l-Italja imma mhux minn dejjem kien hemm. Dan huwa liżar tal-għażel li fuqu tidher ix-xbieha ta’ raġel li fuq ġismu jidhru sinjali u daqqiet li juru trattament ħażin u tortura li jaqblu ma’ dawk deskritti fil-Passjoni ta’ Ġesù. L-ewwel kitba serja dwar dan il-liżar illum tinsab f’Turin u tmur lura għall-1353. Il-kavallier Goffredo ta’ Charny bena knisja fil-belt ta’ Lirey fi Franza biex fiha jitpoġġa dan il-kefen. Madankollu, huwa ma jgħidx kif dan il-liżar spiċċa għandu. Minn Lirey ittieħed Chambéry fi Franza stess. Dan kien sar propjetà tal-familja Savoia li din ħaditu ġewwa Turin fl-1578 fejn għadu miużmum sal-lum. Minn żmien għal żmien dan il-kefen ikun għall-wiri tal-pubbliku.

Il-Veru Linju

Ir-relikwa tas-Salib ta’ Kristu hija magħrufa magħna bħala l-Veru Linju. Ir-relikwa nstabet f’Ġerusalemm fis-sena 327-328 minn omm l-imperatur Ruman Kostantinu I, Flavia Giulia Elena, magħrufa bħala Santa Liena. Skont it-tradizzjoni Nisranija, is-Salib kien miżmum biċċa minnu f’Ġerusalemm, biċċa f’Kostantinopli u biċċa f’Ruma. Ir-relikwa ta’ Ġerusalemm baqgħet hemm sal-1187, meta t-traċċi tagħha ntilfu wara li Saladin rebaħ din il-Belt Imqaddsa.

Matul is-sekli ħafna frak ta’ daqsijiet differenti kienu ttieħdu minnu u llum jinsabu f’diversi postijiet. Uħud mill-akbar relikwi tas-Salib jinsabu f’Liébana (Spanja), f’Ruma u f’Pariġi. Il-biċċiet iżgħar huma numerużi ħafna: fis-seklu sittax ix-xiżmatiku Kalvinu, ironikament kien iddikjara li kieku wieħed kellu jiġbor ir-relikwi kollha tas-Salib ta; Kristu ikun jista’ jibni bastiment bihom. Madankollu, din kienet esaġerazzjoni.

Imsiemer

Kristu kien imsammar mas-salib u għalhekk insibu wkoll relikwi ta’ dawn l-imsiemer li żammew lil Ġesù msallab. Fil-bażilika ta’ Santa Croce in Gerusalemme f’Ruma hemm ras ta’ musmar li kienet ittieħed hemm direttament minn Santa Liena flimkien ma’ biċċa mis-salib u parti mill-titulus crucis, l-iskrizzjoni bil-kitba tas-sentenza tal-mewt.

Fil-Katidral ta’ Milan insibu musmar li baqa’ hemm wara l-mewt ta’ l-Imperatur Ruman Teodosju fis-sena 395. L-ewwel dokumentazzjoni dwaru hija tal-Medju Evu. Matul is-sena dan ikun miżmum f’niċċa fin-naħa ta’ fuq tal-abside, madwar 42 metru ’l fuq mill-art. Dan ikun esebit lill-fidili darba fis-sena.

Fil-Katidral ta’ Monza, l-Italja, tinżamm il-Kuruna tal-Ħadid li kienet iċ-ċirku ta’ isfel tal-elmu ta’ Kostantinu. Tradizzjonalment huwa maħsub li d-dawra tal-metall kien fiha musmar mis-salib ta’ Kristu. Madankollu, analiżi riċenti sabu li din il-pjanċa hija kollha tal-fidda għalhekk ma jistax ikun li fiha musmar tat-tislib għax dawn ma kinux tal fidda żgur.

Musmar ieħor kien jiddaħħal fil-Lanza Mqaddsa użata mill-Imperaturi Rumani li issa tinsab fi Vjenna. It-tradizzjoni tgħid li din hija l-lanza li biha Longinus nifed il-kustat ta’ Ġesù. Din tinsab fit-teżor imperjali tal-kapitali Awstrijaka.

Il-kolonna u l-kuruna

Il-kolonna użata mis-suldati Rumani biex fuq il-kmand ta’ Pilatu Ġesù kien flaġellat, llum insibuha f’Ruma, fil-Bażilika ta’ Santa Prassede. Din kienet miġjuba direttament minn Ġerusalemm fis-seklu tlettax mill-Kardinal Giovanni Colonna.

Il-kuruna tax-xewk inżammet f’Kostantinopli sakemm fis-seklu tlettax ir-Re Lwiġi IX ta’ Franza xtraha u poġġieha fis-Sainte-Chapelle li kien bena f’Pariġi għal din ir-relikwi. Illum ma għadx fiha xewk għax matul is-sekli kollha nqatgħu u ġew mogħtija lill-knejjes jew nies importanti.

Il-velu tal-Veronika

Il-maktur tal-għażel li t-tradizzjoni tgħid li kienet użat waħda mara biex tixxotta wiċċ Ġesù waqt it-tlugħ sal-Kalvarju u li fuqu kien stampat il-wiċċ ta’ Kristu jinsab merfugħ fil-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan. Ikollna ngħidu li din mhix ir-relikwa waħdanija li jingħad li kienet il-velu ta’ din il-mara li qatt ma nsibu riferiment għaliha fl-Evanġelji.

Il-libsa ta’ Ġesù

Din hija relikwa li nsibu fil-katidral ta’ Trier fil-Ġermanja li tikkonsisti f’biċċa drapp, mingħajr ħjata, li huwa maħsub li kienet parti mit-tunika li Kristu libes qabel it-tislib tiegħu u li skont l-Evanġelju ta’ San Ġwann is- suldati Rumani li kienu fuq il-Golgota tefgħu x-xorti għaliha. It-tradizzjoni tgħid li kienet Santa Liena stess li tat din il-libsa lil San Agrizju, isqof ta’ Trier.

Dan ma humiex l-uniċi relikwi marbuta mal-passjoni ta’ Kristu. Dawn lanqas huma xi dommi ta’ fidi jiġifieri wieħed jista’ jemmen jew ma jemminx l-awtentiċità tagħhom. L-importanti li jressquna lejn dak li jridu jirrapreżentaw.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 27 ta' Marzu 2021



domenica 28 febbraio 2016

X’ sens tagħmel għalija l-Ġimgħa l-Kbira?

Hawn min jgħidlek li għalih iż-żmien tal-Ġimgħa l-Kbira huwa l-isbaħ żmien tas-sena.  Fil-knisja nibdew naraw attività aktar mis-soltu u kollox jibda juri li ġejjin jiem differenti mill-oħrajn. Il-baned jibdew jikkunċertaw il-marċi funebri u d-dilettanti tarahom iħejju minn kmieni biex jarmaw il-wirjiet tagħhom. Bosta għaqdiet teatrali jaħsbu biex itellgħu xi dramm bit-tema tal-passjoni. Ladarba jaslu dawn il-jiem donnha ssir bidla fir-rutina tal-ħajja tagħna. Min ma jkunx twieled jew għex f’ parroċċa li fiha d-devozzjoni u t-tradizzjoni tal-Ġimgħa l-Kbira forsi ma jħossx dak li nħossu aħna.


It-tradizzjonijiet tagħna huma importanti għaliex ivarjawlna ħajjitna, imma ma nistgħux nibqgħu marbutin mat-tradizzjoni biss, ma nistgħux nibqgħu superfiċjali, ma nistgħux nehdew fir-reliġjożità u nħallu barra l-fidi. Huwa għalhekk li l-Knisja toffrilna ż-żmien tar-Randan sabiex nitħejjew tajjeb għal dawn il-jiem tant għeżież. Huma jiem għeżież għaliex marbutin magħhom hemm l-istorja tal-fidwa tagħna l-bnedmin. Ma nistgħux nieqfu fil-jum tal-Ġimgħa l-Kbira. Irridu bilfors ngħaddu għall-jum tal-Għid il-Kbir, ma nistgħux nibqgħu naħsbu fil-mewt u ninsew il-qawmien. Ma nistgħux niffokaw biss fuq jum wieħed, il-jum tal-Ġimgħa: irridu naħsbu fuq il-Misteru tal-Għid il-Kbir mill-bidu sal-aħħar. Kristu bata u miet, imma l-istorja ma waqfetx hemm. Li kieku waqfet hemm il-passjoni ta’ Kristu kienet tkun kundanna għall-mewt ordinarja, kundanna u eżekuzzjoni bħal ħafna oħrajn. Id-differenza bejn il-kundanna tal-mewt ta’ Ġesù u kundanni oħrajn hija f’ dak li seħħ wara l-mewt. Kieku Ġesù baqa’ fil-qabar, mejjet, x’ sens fiha li niċċelebraw il-Ġimgħa l-Kbira? Mhux kulħadd imut? Imma għax Kristu rebaħ il-mewt għadna niċċelebraw din ir-rebħa sal-lum. Biex tassew niċċelebraw dawn il-jiem kif jixraq tajjeb li nżommu f’ moħħna li:

  • Dak li niċċelebraw fil-jiem tal-Ġimgħa l-Kbira ma huwiex tradizzjoni bla sens imma hija l-bażi tal-fidi tagħna. San Pawl jgħidilna li kieku Kristu ma qamx mill-imwiet, fiergħa hi l-predikazzjoni tagħna, u fiergħa wkoll il-fidi tagħkom. [1Kor:15:14] Mela dan li qegħdin niċċelebraw huwa l-pern li fuqu ddur il-fidi Nisranija.

  • Jekk niċċelebra biss b’ mod estern x’ sens ikun fihom dawn iċ-ċelebrazzjonijiet? Iċ-ċelebrazzjoni esterna għandha skop li tgħini nikber fl-ispirtu. Jekk nibqa’ nħares, nara l-vari, nara l-wirjiet, nisma’ l-marċi funebi bla ma nirrifletti u naħseb sewwa li Alla magħmul Bniedem ħa l-passjoni mhux għal xi tort jew żball li għamel hu, iżda għad-dnubiet tiegħi l-ewwel wieħed inkun qed niċċelebra ix-xejn.

  • Jekk nifred il-jum tal-Ġimgħa mill-jum tal-Ħadd f’ dawn il-jiem inkun għadni ma fhimt xejn. Ġesù bata tassew, Ġesù miet tassew imma ma waqafx hemm, Ġesù qam ukoll mill-mewt. Dan il-fatt irrid nibda ngħixu kuljum. Imma kif? Id-dnub huwa l-mewt u l-maħfra tad-dnubiet hija l-Qawmien. Mela jien nista’ wkoll inqum mill-mewt tar-ruħ li sseħħ bid-dnub.

  • Il-passjoni ta’ Kristu hija l-akbar att ta’ ħniena. Ninsabu fil-Ġublew tal-Ħniena. Ġesù seta’ jeħles mill-mewt, seta kieku ried ma jbati xejn, seta ma jmutx. Iżda għażel li jgħaddi minn dak kollu li għadda biex ikun ta’ eżempju għalina, biex jurina l-kobor tal-ħniena tiegħu. Issa Kristu jridna nimitawh. Qalilna:   Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom. [Lq:6:36] Naprofittaw ruħna min dan il-Ġublew tal-Ħniena u nippruvaw ninbidlu, insiru aktar ħanina.

  • Il-misteru tal-Ġimgħa mqaddsa għandha tkun opportunità għalina lkoll biex nieħdu deċiżjoni, nagħmlu pass kuraġġuż, pass li jdaħħalna aktar fil-font fl-intimità tagħna ma’ Alla. Ma nistgħux nibqgħu biss Insara tal-isem, irridu nifhmu bis-serjetà li dak li qegħdin niċċelebraw f’ dawn il-jiem għeżież huma s-sisien tal-fidi tagħna. Irridu nifhmu li t-tridu tal-Għid joħodna mill-mewt għall-ħajja, mill-Ġimgħa l-Kbira jgħaddina għall-Għid tal-Qawmien.


Jekk nifhmu dawn il-punti u nħaddmuhom, dak kollu li nagħmlu f’ dawn il-jiem; armar, wirjiet, peagents, marċi eċċetra, jagħmel sens. Jekk le ikun ifisser li nkunu qegħdin nitilfu ġid kbir.


Fr Reno Muscat

Artiklu li deher fil-fuljett Is-Sliem - Parroċċa San Filep Ħaż-Żebbuġ - Marzu 2016