Visualizzazione post con etichetta għawdex. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta għawdex. Mostra tutti i post

venerdì 27 settembre 2024

L-arloġġ

 

B'aktar minn 6000 sena ta' preżenza f'ħajjitna, l-arloġġi jistgħu jitqiesu bħala wieħed mill-eqdem apparat li nħolqu mill-antenati tagħna sewwasew fil-post fejn twieled iċ-ċiviltà moderna – il-Babilonja. Billi l-arloġġi tawna l-possibilità biex insegwu l-ħin, noħolqu skedi u nikkontrollaw ir-rutina tagħna ta' kuljum, dawn irnexxielhom jibnu d-dehra taċ-ċiviltà moderna li qed ngħixu fiha llum.

Fil-qedem

Tagħrif storiku tal-ewwel arloġġi magħmulin mill-bniedem huma datati għall-3500 QK meta bennejja Eġizzjani tal-Qedem bdew iwaqqfu obeliski twal ħdejn it-tempji u r-residenzi rjali tagħhom. Dawn l-istrutturi twal tal-ġebel servew l-iskop li jitfgħu d-dell tax-xemx fuq l-ispirali dekorati b’mod preċiż li kienu mqiegħda fuq l-art fejn in-nies setgħu faċilment jaraw il-pożizzjoni tad-dell u b’hekk jikkalkolaw il-ħin attwali tal-ġurnata. Anke jekk inħolqu mudelli inizjali ta’ arloġġi tax-xemx f’Babilonja, ix-xjenzati Eġizzjani ħadu dik l-invenzjoni u avvanzaw l-użu u l-preċiżjoni tagħha fuq perjodu ta’ aktar minn 3 elef sena, li matulhom skoprew is-solstizju tax-xitwa u s-solstizju tas-sajf u ħolqu s-separazzjoni ta’ matul il-jum f’“sigħat” u ħafna aktar.

Aktar tard

Anke jekk l-arloġġi tax-xemx irċevew attenzjoni enormi mix-xjenzati Griegi u Rumani, dawn baqgħu użati ftit li xejn fl-Ewropa kontinentali wara l-waqgħa tal-Imperu Ruman. Iżda tajjeb ngħidu li dawn baqgħu jintużaw l-aktar mill-gvernijiet, minn nies tal-kummerċ u saru popolari fil-knejjes. Din is-sitwazzjoni nbidlet mal-wasla tar-Rinaxximent u l-espansjoni tax-xjenza, il-manifattura u l-kummerċ ma’ artijiet imbiegħda tal-Lvant Nofsani u l-Asja. Wara li għarfien ġdid tal-arloġġi mekkaniċi miċ-Ċina u l-artijiet Iżlamiċi wasal fl-Ewropa, l-arti tal -manifattura tal-arloġġi mekkaniċi bdiet tinfirex bil-mod. Sal-aħħar tas-seklu 14 bdew jidhru diversi disinji ta’ arloġġi madwar l-Ingilterra, Franza, l-Italja u l-Ġermanja, u finalment laħqu l-qofol fil-ħolqien tal-ewwel hekk imsejjaħ “arloġġ tal-but” minn Peter Henlein. L-invenzjoni tiegħu qanqlet l-imħuħ ta’ innovaturi bla għadd, li eventwalment irnexxielhom jaġġornaw l-arloġġ f’apparat li sar jista’ jinġarr fuq il-persuna, sar ukoll  irħis u fuq kollox preċiż. Minbarra skoperti mekkaniċi  ġodda, saret żieda fil-kapaċità ta' produzzjoni, għalhekk l-użu ta’ arloġġi wkoll inbidel b'mod sinifikanti u daħal ukoll fid-dinja tal-moda. Fl-aħħar tas-snin 1600 l-arloġġi tal-but maskili żdiedu fil-popolarità u baqgħu jintużaw kontinwament għal kważi 250 sena, qabel ma ġew totalment sostitwiti minn arloġġi tal-polz li malajr rebħu d-dinja wara t-tmiem tal-Ewwel Gwerra Dinjija. Illum, l-arloġġi moderni huma magħmula kemm f'forma mekkanika analoga kif ukoll f'forma diġitali, u jistgħu jinstabu kważi kull fejn tħares.

F’Malta

Forsi ftit jafu li f’pajjiżna nsibu wieħed mill-eqdem strument biex jikkalkula l-ħin. Fi żminijiet preistoriċi u fi żminijiet aktar tard il-bniedem ta attenzjoni għaż-żmien u l-ħin billi kien intebaħ li s-sema hu dak li jindikalu l-medda ta’ żmien tal-ġurnata u dawk tax-xhur. Dawn in-nies li bnew it-tempji megalitiċi tant kienu konxji ta’ dan li orjentaw il-biċċa l-kbira tat-tempji tagħhom biex iħarsu lejn ix-Xlokk biex jipprovdu mezz ta’ allinjament max-xemx meta tkun tielgħa. It-tempju tal-Imnajdra huwa bini bħal dan fejn l-allinjament tat-tempju kien maħsub apposta biex jilqa’ r-raġġi tax-xemx hekk kif din titla’. B’hekk kien ikun ikkalkulat il-ħin u ż-żmien.

F’Malta u Għawdex wieħed jista’ jsib madwar 50 arloġġ tax-xemx li huma mifruxa f’bosta bliet u rħula. L-arloġġ Malti huwa dak indurat u mpitter u għandu tradizzjoni twila ħafna li tmur lura sas-seklu 17. Dan aktar huwa magħruf bħala l-Arloġġ tal-Lira, dan l-arloġġ uniku tal-ħajt Malti seta’ jinstab f’palazzi, kunventi, djar għonja u Bereġ tal-Kavallieri speċjalment fl-aħħar tas- seklu 18. Apparti li juru l-ħin, dawn l-arloġġi servew ukoll skop dekorattiv.

Malta kellna wkoll nies li saru famużi għall-manifattura tal-arloġġi. Ħafna knejjes Maltin illum jiftaħru li mal-faċċata tagħhom għandhom arloġġ ta’ Sapiano. Michelangelo Sapiano twieled l-Imqabba fl-1826. Meta kellu 14-il sena fetaħ ħanut tat-tiswija tal-arloġġi u ta’ età daqshekk żgħira rnexxielu jsewwi l-arloġġ tal-Knisja Parrokkjali tal-Imqabba meta arluġġara oħra ma setgħux jagħmlu dan. Sapiano huwa famuż l-aktar għal arloġġi kbar li kienu jsiru għall-knejjes, kunventi u sagristiji f’diversi bliet u rħula f’Malta u Għawdex u wkoll għal arloġġ kbir li għamel għall-Knisja ta’ Santa Katarina ta’ Lixandra fl-Eġittu. Żewġ Maltin oħra li saru popolari għall-ħila tagħhom fil-bini tal-arloġġi kienu Pietro Tanti u ibnu Giovanni Antonio, li għexu u ħademu fl-ewwel nofs tas-seklu tmintax. Hemm oħrajn ukoll.

Illum tajna ħarsa lejn apparat li lkoll nużaw u ftit naħsbu dwar l-istorja tiegħu – l-arloġġ li tagħmel x’tagħmel ma tista’ twaqqfu qatt.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 28 ta' Settembru 2024



venerdì 18 agosto 2023

VAGANZI

Nistqarr magħkom mill-bidu nett li jiena bniedem li nippreferi x-xitwa mis-sajf. Biss is-sajf, minkejja dak kollu li jdejjaqni fih, jista’ jkun ukoll żmien sabiħ. Ħafna jgħidulek li s-sajf huwa żmien il-vaganzi u tabilħaqq hu hekk. Minħabba l-ħedla li wieħed iħoss fix-xhur qliel tas-sħana, wieħed jipprova jfittex li jmur xi vaganza xi mkien fejn ikun jista’ jiffrisska xi ftit.

Xi tfisser vaganza

Fil-qedem, fir-Renju Unit, vaganza kienet tirrefera għall-waqfa twila tas-sajf meħuda mill-qrati tal-liġi u mbagħad aktar tard din il-kelma bdiet tintuża għall-waqfa mil-lezzjonijiet tal-universitajiet. Id-drawwa ta’ dawn il-waqfiet ġiet introdotta minn William the Conqueror u kienet isservi biex fihom issir il-ġbir tal-għeneb. Fil-passat, ħafna familji tal-klassi għolja kienu jmorru jgħixu f'dar tas-sajf għal parti mis-sena, u kienu jħallu id-dar tas-soltu tagħhom vojta, jew vakanti.  Minn hawn ħarġet l-idea tal-kelma vaganzi. Il-kelma “Vacation” fl- Amerika ta' Fuq tirreferi għal vjaġġar rikreattiv, bħal vjaġġ qasir ta' pjaċir jew vjaġġ barra mill-pajjiż. Nies fil-pajjiżi tal-Commonwealth jużaw it-terminu “vaganza” biex jiddeskrivu assenza mix-xogħol kif ukoll biex jiddeskrivu btala jew vjaġġ. Il-vaganza tista’ tfisser jew toqgħod id-dar jew tmur x’imkien bogħod mid-dar.

Villeġġjatura

Hawn bosta minna li għax-xhur tas-sajf għandhom dar tal-villeġġjatura. Illum postijiet bħal San Pawl il-Baħar u Wied il-Għajn saru lokalitajiet li fihom jgħixu Maltin u barranin tul is-sena kollha, imma dan ma kienx hekk sa ftit għexieren ta’ snin ilu. Anzi biex ngħidu kollox, mijiet ta’ snin ilu n-nobli Maltin ma kinux ifittxu xi post qrib il-baħar għall-vaganzi tagħhom imma kien ikollhom xi dar fil-kampanja. Maż-żmien inbidel kollox.

Fi tfuliti niftakar konna mmorru Buġibba fejn iz-ziju kellu garage qrib ħafna tal-baħar. Hemm konna ngħaddu ġranet sħaħ. Ma konniex nagħtu kas tal-kumdità, saqqu mal-art u norqdu, mejda quddiem il-garage u nieklu fuqha. Illum mhux hekk, illum infittxu l-kumdità. Lanqas nimmaġinawna li mmorru vaganza xi mkien f’post mingħajr arja kkondizzjonata, bil-kmamar tas-sodda u bil-kamra tal-banju kompluta. U dan bir-raġun kollu. U jekk is-sena kollha aħna jkollna dawn il-kumditajiet sejrin għal jiem ta’ vaganzi biex inkunu agħar milli nkunu d-dar? Jekk id-dar imdorri b’televiżjoni f’kull kamra se mmur f’post fejn lanqas televiżjoni wieħed ma hemm? Illum il-villeġġjaturi saru komdi daqs id-djar tagħna u kultant aktar.

Safar

Imbagħad hawn min il-vaganzi tiegħu jgħaddihom bogħod minn xtutna. Illum il-Maltin sirt issibhom kullimkien. Ma hawn l-ebda limitu għall-pajjiżi li sar iżur il-Malti. L-Italja u l-Ingilterra jibqgħu l-postijiet l-aktar popolari magħna, imma dan ma jfissirx li hemm biss immorru. Illum sirna nfittxu anke s-safar hekk imsejjaħ long haul. Sirna nżuru pajjiżi bogħod mhux ħażin minn artna u mill-Ewropa.

La qed insemmi s-safar tajjeb hawnhekk insemmi l-ikel. Ladarba nkunu f’pajjiż barrani tajjeb li nippruvaw induqu l-ikel tal-pajjiż. Ovvjament mhux kulħadd iħobb kollox u kultant tkun f’pajjiż li ċerti ingredjenti jew ma nkunux nafu bihom jew li għalina ma jkunux jgħoddu. Biss żgur li xi ħaġa tal-pajjiż li tkun tgħodd għalina nsibu. Din hija problema tat-Taljani għax imorru fejn imorru jkunu jridu jieklu ikel Taljan. Aħna l-Maltin differenti u nemmen li aħna aktar avventurużi fejn jidħlu provi ta’ ikel ġdid li qatt ma nkunu doqna qabel. Ngħid għalija meta nkun imsiefer nipprova nduq platti tipiċi tal-pajjiż.

Għawdex


Il-gżira tat-tliet għoljiet minn dejjem kienet attrazzjoni għalina l-Maltin. Biss ikollna nammettu li Għawdex ta’ tfulitna ma kienx Għawdex tal-lum. L-iżvilupp u l-progress għandhom prezz għoli x’jitħallas. Qabel konna mmorru jumejn jew tlieta Għawdex għall-kwiet, biex ingawdu meded ta’ raba’, nieklu ikel bin u ġenwin li toffri din l-art. Illum Għawdex bl-istil ta’ ħajja li fih u bil-bini li tela’ sar estenzjoni ta’ Malta u għalhekk bosta minna qed jippreferu jmorru Sqallija. Biss baqa’ żewġ okkażjonijiet li l-Maltin għadhom imorru Għawdex bl-eluf. Il-festi ta’ San Ġorġ fit-tielet Ħadd ta’ Lulju u l-festa ta’ Santa Marija fil-15 ta’ Awwissu, li t-tnejn li huma jsiru fil-Belt tar-Rabat. Dawn jaraw eluf ta’ Maltin li jmorru jqattgħu xi jiem fil-gżira ta’ Għawdex. Ma’ dawn nista’ nżid il-festi ta’ San Pietru u San Pawl tan-Nadur u dik tal-Bambina fix-Xagħra. Il-festi Għawdxin l-oħra jistgħu jiġbdu xi Maltin lejhom ukoll, biss mhux daqs dawn li semmejt.

Waqfa

Il-vaganzi huma żmien fejn wieħed jieqaf mir-rutina ta’ kulljum u għal ftit żmien jistrieħ. Mela l-vaganzi huma bżonn. Ir-riċerka dwar l-effetti tal-vaganzi fuq is-saħħa, il-benessri u l-prestazzjoni tax-xogħol bdiet fis-snin disgħin. L-ewwel analiżi dwar l-effetti tal-vaganzi ġiet ippubblikata fl-2009. Reviżjoni ta’ dan ir-rapport tal-2013 dwar il-benefiċċji tas-saħħa u l-benessri tal-esperjenzi tal-ivvjaġġar uriet effetti ta’ benefiċċju tal-vaganza. Studji aktar reċenti juru l-effetti pożittivi tal-vaganzi minħabba t-tneħħija mill-istress tax-xogħol kif ukoll bħala żmien ta’ attivitajiet rilassanti u ta' pjaċir. Kollox juri li l-vaganzi huma meħtieġa għall-bniedem.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 19 ta' Awwissu 2023



venerdì 4 marzo 2022

Il-lingwa tal-qniepen

 

Kważi kull wieħed u waħda minna jgħix qrib xi knisja jew kappella. Għal xi wħud minna dawn il-binjiet għandhom importanza kbira, għal oħrajn forsi llum saru insinifikanti, imma żgur li xi darba jew oħra matul il-jum ilkoll kemm aħna jkollna nisimgħu d-daqq tal-qniepen li ħafna minn dawn il-knejjes għandhom.

Id-daqq tal-qniepen huwa lingwa, iwassal messaġġ li sakemm ma titgħallimx dik il-lingwa tibqa’ ma tifhimx il-messaġġ li jkunu qed iwasslu u għandek mnejn tistħajlu daqq bla sens. Anke l-arloġġi tal-knejjes tagħna għandhom lingwa, trid tifhem id-daqq tal-qniepen tagħhom biex bla ma tkun qed tara l-arloġġ tkun tista’ tkun taf x’ħin ikun sar. U biex ngħid kollox, hemm daqq differenti bejn arloġġ u ieħor, biżżejjed tisma’ qniepen ta’ arloġġ ta’ Malta u dawk ta’ xi knejjes f’Għawdex. Is-sistema, jew dik li sejjaħt fil-bidu bħala “lingwa” hija differenti. Anke l-mod kif jindaqqu l-qniepen huwa differenti, Malta u anke Għawdex il-qanpiena tibqa’ ma tiċċaqlaqx u tindaqq billi l-ilsien tagħha jitħabbat mal-ġnub tagħha. F’pajjiżni oħra spiss naraw il-qanpiena tiċċaqlaq biex taħbat mal-ilsien. L-istess nistgħu ngħidu għall-forma. Hemm dawk bil-kuruna u hemm dawk mingħajr kuruna. Insomma fejn jidħlu l-qniepen hemm dinja enormi u hemm bosta x’wieħed jgħid jew jikteb.

Okkażjonijiet ta’ dari


Il-qanpiena twassal dak li jkun irid iwassal min ikun qed idoqqha, ovvjament skont iż-żmien u skont il-ħin. F’parroċċi tradizzjonali sa ftit snin ili kien hawn fejn jindaqqu l-qniepen f’diversi waqtiet tal-jum bħall-Paternoster, ma’ sbieħ il-jum biex dak li jkun iqum u jrodd ħajr lill-ħallieq talli tah il-grazzja jerġa’ jara jum ġdid, fit-tmienja ta’ filgħodu biex jingħad l-Angelus, f’nofsinhar biex ukoll isir talb u ssir waqfa għall-ikel, it-tokki tal-Ave Maria ma’ nżul ix-xemx u l-aħħar tokki hekk imsejħa tal-imwiet. Barra minn hekk kwarta qabel ma tibda kull quddiesa tindaqq qanpiena li tavża li tkun ser issir quddiesa. Matul il-quddiesa, jekk din tkun solenni, isir daqq ta’ qniepen kemm fil-Glorja kif ukoll fis-Santus. Jekk dik il-quddiesa tkun ta’ nhar il-festa tar-raħal, allura qabel ma tibda jsiru tliet moti ta’ kwarta u waqt il-paniġierku jinġibdu tokki wkoll. Nhar ta’ Ġimgħa fit-tlieta ta’ waranofsinhar tindaqq dik li tissejjaħ “tat-tlieta” biex tfakkar il-ħin li fih miet Ġesù. F’mewt ta’ xi parruċċan tindaqq “il-mewt” li tvarja jekk imutx raġel jew mara u jekk il-mejjet ikun saċerdot id-daqq ikun differenti. Qed taraw x’lingwaġġ fih id-daqq tal-qniepen. Illum intilef bosta minn dan il-patrimonju.

L-ewwel qniepen

L-ewwel qniepen tal-metall inħolqu fiċ-Ċina tal-qedem u kienu jintużaw bħala parti minn ċerimonji reliġjużi. It-tradizzjoni tal-użu tal-qniepen għaddiet għar-reliġjonijiet Hindu u Buddisti. Il-qniepen kienu jiġu mwaħħlin fid-daħliet tat-tempji Hindu u kienu jindaqqu waqt it-talb. Għalkemm l-​użu tal-​qniepen mhuwiex imsemmi b’mod espliċitu fil-​Bibbja, f’salm numru 100 nsibu hekk:  aqdu bil-ferħ lill-Mulej, idħlu quddiemu b’għana ferrieħi; u l-​qniepen huma mod tajjeb ħafna kif jagħmlu dan. Il-qniepen ġew introdotti fil-knejjes Kristjani madwar is-sena 400 AD minn Pawlinu, Isqof ta’ Nola fil-Campania wara li l-missjunarji kienu ilhom jużaw il-qniepen tal-idejn biex isejħu n-nies għall-qima. Kellhom jgħaddu madwar 200 sena oħra biex il-qniepen ikunu jidhru b’mod prominenti fil-knejjes u l-monasteri madwar l-Ewropa.

Stejjer, leġġendi u drawwiet

Fil-Medju Evu, ħafna kienu jemmnu li l-qniepen tal-knisja kellhom poteri sopranaturali. Jingħad li darba kien hemm Isqof li beda jdoqq il-qniepen biex iwissi lin-nies tal-lokal dwar attakk imminenti u li meta l-għadu sema’ l-qniepen, dan telaq jiġri lura bil-biża’. Fl-era moderna forsi ma nistgħux napprezzaw u lanqas nemmnu kemm dawn il-qniepen kellhom importanza fil-ħajja tal-bniedem. Kien maħsub ukoll li l-qniepen tal-knisja setgħu jdoqqu lilhom infushom fi żminijiet ta’ traġedji u diżastri. It-twemmin fil-qawwa tal-qanpiena kompla fis-seklu 18. Kienu jindaqqu qniepen biex ikeċċu l-ħażen, biex ifejqu lill-morda, biex jikkalmaw il-maltempati qabel xi vjaġġ, biex jipproteġu l-erwieħ tal-mejtin u biex jimmarkaw il-ġranet ta’ xi eżekuzzjoni.

Il-qniepen huma ħafna drabi assoċjati mat-tiġijiet, mhux biss permezz tad-daqq tagħhom biex juru s-servizz tat-tieġ iżda s-simbolu tal-qniepen jista’ jinstab f’dekorazzjonijiet fuq il-kejk, fl-inviti u l-kartolini. Id-daqq tal-qniepen tal-knisja fit-tiġijiet aktarx imur lura għall-wirt Ċeltiku tal-Iskozja u l-Irlanda. Is-superstizzjonijiet wasslu lill-knejjes biex iddoqqu l-qniepen biex ibegħdu l-ispirti ħżiena u jagħtu xewqat tajba lill-miżżewġin ġodda.

Tiskanta kemm hemm x’wieħed jgħid fuq dawn il-qniepen li ġieli jkunu wkoll suġġett ta’ argumenti. Ovvjament min jabqad argument dwar jekk għandhom ikomplu jdoqqu l-qniepen matul il-lejl jew fil-festi u sebaħ u dalam ikun awtomatikament qed juri kemm għandu nuqqas ta’ tagħrif dwar dawn l-għodod li tant kienu siewja għal missirijietna u li għadhom jaqdu lilna sal-lum – kemm-il darba nitgħallmu l-lingwa tagħhom!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 5 ta' Marzu 2022




venerdì 9 luglio 2021

Fejn għex Ulisse

 

Meta kont għadni nistudja Bologna kelli professur magħruf li tant kien iħobb lil Malta u aktar u aktar lil Għawdex. Kont naħseb li huwa kien żar pajjiżna kemm-il darba għax kien isemmi bosta ħwejjeġ jew poĊtijiet li jew tkun qrajt sewwa dwarhom jew tkun żorthom tal-anqas darba f’ħajtek. Darba staqsejtu kemm-il darba kIEn żar pajjiżna u stagħġibt meta qalli li qatt ma kien ġie Malta għax huwa jibża’ jirkeb ajruplan u biex jasal bil-baħar irid ħafna ħin biex minn Bologna jinżel sa Napli u mbagħad jaqbad vapur minn hemm jew jibqa’ nieżel sa Sqallija u jasal bil-baħar minn hemmhekk.

Issa nistqarr magħkom li tħawwadt. Kif jista’ jkun li bniedem qatt ma jkun żar pajjiż u jkun jafu daqstant sewwa? Staqsejtu biex naqta’ din il-kurżità. Qalli li huwa jħobb ħafna lil Malta u aktar u aktar lil Għawdex għax hemm għex Ulisse għal snin sħaħ. Dan il-professur, għani fl-għerf u maħbub tal-kultura, sar jaf pajjiżna għax jissemma fil-mitoloġija Griega. Kollu ta’ xejn li stedintu fuq li stedintu biex jiġi jara lil dan il-pajjiż li tant kien jaf dwaru, il-biża’ mill-ajrupalani ċaħditlu din l-opportunità. Fakkarni fi kliem wieħed xiħ li fi tfuliti ġieli smajtu jgħid li l-ajru għall-għasafar u l-baħar għall-ħut.

Min kien Ulisse?

Nistħajjel li hawn minnkom li jafu min kien Ulisse iżda jista’ jagħti l-każ li jkun hawn min mhux daqstant midħla tal-istorja u l-mitoloġija l-aktar dik Griega, allura ngħid xi ħaġa fuq fuq dwaru.

Ulisse jew l-isem tiegħu propju, Odissew ġej mill-Grieg tal-qedem: Ὀδυσσεύς [odysse͜ús]. Dan huwa karattru ċentrali fil-mitoloġija Griega. Imwieled fil-gżira Griega ta’ Itaka, imsejħa wkoll l-art tax-xemx, kien iben Laertes, wieħed mill-eroj Akei deskritti u rrakkontati minn Omeru fl-Iljada u fl-Odissea, ix-xogħol letterarju li għandu bħala l-protagonist lil Ulisse jew Odissew u li jieħu ismu minnu.

Ulisse għex għal għadd ta’ snin ġewwa l-għar ta’ Calipso. Skont l-istorja ta’ Omeru, l-awtur tal-Odissea,  Calipso kienet it-tifla ta’ Atlas u għexet fil-gżira ta’ Oġiġja. Calipso kienet mara sabiħa u immortali li ġiet ikkastigata mill-allat. Hija ġiet sfurzata tibqa’ tgħix fuq il-gżira ta’ Oġiġja, fejn kienu jintbagħtulha rġiel sbieħ li wara li kienet issir tħobbhom kienu jitilqulha.

Darba waħda Ulisse, wara li ħarab minn Karibdi, monstru tal-baħar tal-mitoloġija Griega, niżel fuq il-gżira ta’ Oġiġja u ltaqa’ ma’ Calipso u ħabbha mill-ewwel. Fl-Odissea nsibu li Calipso ħabbitu u żammitu magħha, skont Omeru, għal seba’ snin iżda skont Pseudo-Apollodorus ħames  snin u skont Hyginus sena waħda biss. Calipso offriet lil Ulisse l-immortalità iżda dan l-eroj baqa’ jirrifjutaha. Ulisse kellu fil-fond ta’ qalbu x-xewqa li jirritorna f’Itaka, u ma ħalliex lilu nnifsu jiġi sedott minn din il-mara sabiħa.

Għawdex

Bosta jaħsbu li l-gżira Oġiġja ma hija mkien għajr il-gżira ta’ Għawdex. Ovvjament, il-kitba ta’ Omeru hija mitoloġija u mhux storika, imma poġġiet li din in-nitfa ta’ gżira Maltija fuq il-kotba tal-mitoloġija Griega.

Jekk wieħed joqgħod jaħseb ftit dlonk jinduna kemm din l-istorja miktuba minn Omeru u min jaf minn kemm il-fomm kienet irrakkuntata, ħalliet xi ftit tal-influwenza fuq Għawdex. Bosta huma l-ismijiet ta’ postijiet jew stabbilimenti kif ukoll xi prodotti artiġjanali li ħadu isimhom minn xi parti tar-rakkont tal-kitba tal-Odissea. Dan il-fatt ipoġġi wkoll piż fuq kull min hu nkarigat miż-żamma ta’ pajjiżna.

Fil-ġejjieni

Jekk il-professur Taljan li semmejt fil-bidu ta’ dan l-artiklu kien jibża’ jsiefer, mhux bħalu huma bosta oħrajn. Għalhekk tajjeb li pajjiżna jieħu vantaġġ mill-fatt li Għawdex huwa l-post fejn kienet mibgħuta Calipso u fejn inżamm Ulisse. Żgur li bosta turisti jkunu interessati jżuru l-postijiet fejn il-mitoloġija Griega tal-qedem poġġiet lil dawn il-personaġġi. Pajjiżna għandu jisfrutta dan il-fatt u joffri l-possibilità ta’ żjajjar gwidati fuq il-passi ta’ Calipso u Ulisse.

Biss jekk irridu nisfruttaw dan il-ġid aktarx moħbi, ma nistgħux nibqgħu nħallu lil Għawdex jitlef il-karatteristiċi uniċi li għandu. Diġà tellifnieh ħafna, irridu nibżgħu għal dak li fadallu. Spiċċa ż-żmien li titla’ Għawdex u ssib ħajja differenti minn dik ta’ Malta. Qed jintemmu l-irħula segragati, maqtugħin għalihom b’għadd ta’ raba’ li joffri minn kull ġid tad-dinja agrarja. L-istorbju wkoll sar jiksi lil din il-gżira sbejħa, strobju ta’ karozzi, ta’ daqq u ta’ ma nafx xiex aktar. Ma nistenniex li Għawdex jibqa’ kif kien ħamsin jew sittin sena ilu, imma hemm bżonn daqstant bini? Mhux sewwa kieku kellu jieqaf il-progress fil-gżira Għawdxija, wara kollox ma għadniex fi żmien Calipso u Ulisse, imma lanqas huwa sew li ma jkun hemm l-ebda differenza bejn Malta u Għawdex.

Jekk Malta u Għawdex ikunu l-istess, konkos, bini għoli, storbju u l-kumplament, xi jmur jagħmel dak li jkun fil-gżira tat-tliet għoljiet? Jekk l-id tal-progress tibqa’ teqred, fejn se nsibu fejn kien jgħix Ulisse?

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 10 ta' Lulju 2021



venerdì 4 dicembre 2020

Iż-Żebbuġ

 Il-ħsieb tiegħi illum ma huwiex fuq is-siġra jew il-frotta li tagħtina din is-siġra hekk imsejħa taż-żebbuġ, lanqas ser nitkellem dwar il-belt Rohan, jew kif insjeħulha Ħaż-Żebbuġ imma dwar ir-raħal pittoresk li nsibu fil-majjisteral ta’ Għawdex: Iż-Żebbuġ.

Ftit tagħrif

Iż-Żebbuġ huwa wieħed mill-aktar irħula għoljin li nsibu fil-gżira ta’ Għawdex. Sewwasew huwa jinsab mibni fuq żewġ għoljiet imsejħin Ta' Abram u x-Xagħra taż-Żebbuġ. In-numru kbir ta’ siġar taż-żebbuġ li fil-qedem kienu jinstabu f’din ix-xaqliba tal-gżira ta’ Gelmus taw isem lil dan ir-raħal. Il-konfini tar-raħal huma l-akbar li nsibu f’Għawdex u minkejja li bħala raħal jinsab fuq l-għoljiet, miegħu nsibu xejn inaqas minn tliet bajjiet: ix-Xwejni, il-Qbajjar u dik tant popolari mal-Għawdxin mal-Maltin kif ukoll mat-turisti li jżuru Għawdex, Marsalforn.

Minkejja li bħala firxa huwa l-ikbar raħal, fejn tidħol popolazzjoni jitlef dan il-post. Hawn insibu lill-Belt Victoria fuq quddiem u warajha hemm ix-Xagħra, in-Nadur, ix-Xewkija u Għajnsielem. Warajhom hemm iż-Żebbuġ b’madwar elfejn u ħames mitt ruħ jgħixu fih.

Iż-Żebbuġ ta’ Għawdex kien abitat sa mill-qedem u xhieda ta’ dan huma xi fdalijiet li nsibu fil-konfini tiegħu. Ma għandniex xi ngħidu, dawk li kienu joqgħodu f’din ix-xaqliba kienu raħħala, bdiewa u xi ftit sajjieda li kienu jniżżlu d-dgħajjes tagħhom mill-port ta’ Marsalforn. Fis-seklu XIII nafu li kien hemm komunità tgħix hemmhekk tant li nbniet kappella biex taqdi l-ħtiġijiet spiritwali ta’ dawn ir-raħlin.

Parroċċa antika

Il-parroċċa ta’ dan ir-raħal antik hija ddedikata lill-Assunta, jew kif nafuha aħna l-Maltin, Santa Marija. L-ewwel parroċċa jew parroċċi Għawdxin kienu ġewwa r-Rabat imma l-ewwel waħda warajhom kienet dik taż-Żebbuġ. Din twaqqfet fl-1688 mill-isqof ta’ Malta David Cocco Palmieri, billi dak iż-żmien Għawdex kien għadu mhux djoċesi. Diġà għidna li l-firxa ta’ art li taqa’ taħt iż-Żebbuġ hija kbira ħafna u qabel kienet akbar fejn tidħol kura spiritwali għax ir-raħal tal-Għasri sakemm sar parroċċa fl-1921 kien jagħmel parti miż-Żebbuġ, minkejja li kien viċi parroċċa.

Sentejn wara t-twaqqif tal-parroċċa Żebbuġija ingħata l-bidu għall-bini ta’ knisja ġdida għax il-knisja li kienet isservi lill-parroċċa kienet ċkejkna. Din tlestiet u kienet ikkonsagrata fl-1726. B’hekk nistgħu ngħidu li din hija waħda mill-eqdem knejjes parrokkjali li nsibu fil-gżira kollha. Din kompliet titkabbar bejn l-1938 u l-1942 minkejja li dak kien żmien it-tieni gwerra dinjija. Fl-1963 il-parroċċa saret waħda arċipretali.

Irħam

Min jidħol fil-knisja parrokkjali taż-Żebbuġ ma jistax ma jindunax mill-ewwel bl-irħam sabiħ li hija miksija bih. Ma hijiex il-knisja waħdanina ġewwa Għawdex li hija miksija bl-irħam iżda din għandha storja partikolari għaliex l-irħam li bih hija miksija instab fiż-Żebbuġ stess.

Kien Salvu Cefai li fl-għalqa tiegħu, fiż-Żebbuġ stess instab tip ta’ rħam li jissejjah Onice. Dan Salvu waħħalha f’moħħu li l-irħam tal-għalqa tiegħu kellu jiksi l-knisja tar-ral, kif fil-fatt sar. Minbarra l-pilastri u l-ħitan tal-knisja wieħed jara maħdum minn dan l-irħam, opri oħra bħalma huma l-artal mejda, is-sedji tal-kor, il-konfessinarji kif ukoll il-brazzi. Ix-xogħol tal-kisi u t-tisbih bl-irħam inbeda fis-snin tmenin.

Statwi

Il-parroċċa taż-Żebbuġ tista’ tiftaħar b’waħda mill-isbaħ statwi titulari maħdumin mill-kumpanija li kien hemm f’Marsilja fi Franza li kienet timmanifattura l-istatwi. Il-Kumpanija Gallard et Fils ħadmet din l-istatwa li waslet fil-parroċċa fl-1863. Il-poetessa Għawdxija Mary Mejlak issejjaħ din l-istatwa bħala waħda ta’ sbuħija rari.

Fil-parroċċa Żebbuġija nsibu wkoll sett statwi tal-Ġimgħa l-Kbira. Din bdiet issir fl-1919 wara li l-istatwarju Għawdxi Wistin Camilleri  kien ħadem sett vari li kien fih it-tmien stazzjonijiet tradizzjonali. Billi fis-snin tletin tkabbret il-knisja u dawn il-vari tħallew fiha, saritilhom ħsara kbira u għalhekk il-purċissjoni kellha titwaqqaf. Fis-snin sittin Wistin irrestawra l-istatwi li kien ħadem f’żgħożitu u magħhom żied ukoll l-istatwa tal-aħħar ċena. Din hija l-purċissjoni waħdanija fil-gzejjer Maltin li l-vari kollha li fiha ħarġu minn id artist wieħed. Dawn il-vari huma mlibbsin ilbies ta’ veru. L-ilbies li naraw fuqhom illum huwa drapp minsuġ Għawdex stess, dak li kien jissejjaħ in-newl. Din il-ħaġa tkompli tkabbar l-uniċità ta’ din  il-purċissjoni.

Insibu wkoll statwa ta’ Kristu Rxoxt maħduma mill-artist Pawlu Aquilina. Din toħroġ nhar Ħadd il-Għid akkumpanjata mill-Banda tar-raħal.

Għażżiela

Għażżiela

Iż-Żebbuġ għandu drawwa li ma nsibu mkien ieħor. Din hija l-għażżiela. Din tkun bħal rota tal-għaġina bin-Nome di Maria f’nofsha. Ħafna jżommu din l-għażżiela mdendla fit-tieqa jew wara l-bieb ta’ barra għax jemmnu li tbiegħed is-sajjetti u minn perikli oħra. Hemm issir il-festa tal-Madonna tal-Għażżiela. Bosta nies li ma joqgħodux iż-Żebbuġ imorru hemm u jitolbu għażżiela biex joħduha magħhom id-dar. Ovvjament dawk li jkunu jafu biha. Issa sirtu tafu biha intom ukoll jekk ma kontux tafu!

Dan huwa ftit minn dak li wieħed jista’ jiltaqa’ miegħu meta jżur dan ir-raħal antik u sabiħ fil-gżira Għawdxija.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 5 ta' Diċembru 2020




venerdì 29 novembre 2019

Ir-rummien





Minkejja li r-rummien jikber f’pajjiżna, ma nistgħux ngħidu li din hija xi frotta popolari wisq magħna l-Maltin. Jista’ jkun minħabba l-fatt li fiha ħafna żerriegħa li tista’ ddejjaq lil min jiekol din il-frotta. Ħasra għax minbarra li hija frotta tajba fit-togħma fiha bosta vitamini u minerali bżonjużi għalina l-bnedmin.

Frotta popolari
Ir-rummien beda jkun ikkultivat fejn illum insibu l-Iran u n-naħa ta’ fuq tal-Indja eluf ta’ snin ilu. Minn hemm inxtered lejn il-Mediterran, l-aktar in-naħa tal-Afrika ta’ fuq. Dan ma jfissirx li fl-Ewropa ma bediex ikun ikkultivat ukoll, iżda l-ambjent Afrikan huwa tajjeb għas-siġra tar-rummien, mhux bħal siġar oħra li jippreferu ambjent anqas xott. Meta l-Ispanjoli waslu fil-kontinent Amerikan, dawn ħadu magħhom din il-frotta u intorduċewha hemmhekk, fejn saret popolari wkoll.

Ir-rummien jissemma fil-Bibbja wkoll. Insibu riferiment għalih fil-ktieb tal-Eżodu kif ukoll fil-ktieb tan-Numri. F’dan il-ktieb insibu l-poplu Lhudi fid-deżert igorr ma’ Mosè għaliex hemmhekk ma jsibx dak li kien isib l-Egittu, fost oħrajn ir-rummien. Ir-rummien imbagħad huwa wieħed mill-għadd  ta’ frott u prodotti oħra imwegħdin li kellu jsib fl-Art Imwegħda l-poplu Lhudi. Fil-ktieb tal-Għanja tal-Għanjiet il-maħbub jgħid li ħaddejn il-maħbuba tiegħu donnhom biċċtejn rummiena. Hemm aktar fejn insibu r-rummien fil-Bibbja, imma ejjew nieqfu hawn.

Ir-rummiena għall-poplu Lhudi kienet meqjusa bħala frotta b’bosta sinifikati. Ħafna jxebħuha mal-virtù għax isostnu li r-rummiena fiha 613 żerriegħa, sewwasew daqs kemm hemm kmandamenti fit-Torah. Fil-fatt is-siġra tar-rummien kienet tidher fuq waħda mill-muniti Ebrej antiki. Xi studjużi Lhud jemmnu li fil-ġnien tal-Eden is-siġra tal-frotta projbita ma kinitx it-tuffieħa iżda rummiena.

Ikel u xorb
Bosta minna meta jkollna rummiena ma naħsbu f’xejn għajr li nqaxxruha u niekluha. Wara li nqaxxruha u forsi qabel ma nikluha, inħaru lejn idejna u naraw li l-meraq ta’ din il-frotta ikun ħalla t-tbajja fuq idejna. Il-lewn ħamrani tar-rummiena huwa magħruf għall-qawwa tiegħu. Fil-fatt dan il-meraq fil-qedem kien jituża biex jinżebgħu d-drappijiet bih u sal-lum il-ġilda kannella, jew kif isibuha xi wħud; ħamra, għadha tingħata l-kulur bir-rummien; ovvjament qed nirreferi għal dik il-ġilda li għadha tinħadem b’mod antik u mhux il-ġilda sintetika li saret komuni.

Intant, ir-rummiena tista’ wkoll tingħasar. Il-meraq ta’ din il-frotta huwa tassew tajjeb. Ngħid id-dritt qatt ma kton doqtu sakemm kont il-Marokk. Nista’ ngħid li r-rummien magħsur huwa differenti minn meta tieklu biż-żerriegħa.

F’ikel tipiku Iranjan, ir-rummien jintuża għal mar-ross, mat-tiġieġ kif ukoll issir soppa tiegħu. F’xi platti oħra, ir-rummien jintuża biex iżejjen il-platt tal-ikel, li ma jkunx deżerta.

Simboliżmu
Ir-rummiena hija attribwita ma’ bosta simboli. Għall-Eġiżjani tal-qedem din kienet simbolu tal-ambizzjoni, għax minn frotta waħda joħorġu mijiet ta’ żerriegħa u min ikun ambizzjuż minn oġġett wieħed jipprova joħroġ kemm jista’. Sinifikat ieħor għall-ġens Eġiżjan antik meta jħares lejn ir-rummiena kien il-prosperità. L-istess, meta tiftaħ rummiena joħorġu ħafna żerriegħa u għalhekk  kienu jissimbolizzawha mal-abbundanza. Għandu mnejn li minn dan il-ħsieb twieldet f’moħħ l-Insara li r-rummiena hija simbolu tal-providenza ta’ Alla.

Hawn tiġi f’moħħi t-triq li nsibu mhux wisq bogħod tal-bażilika ta’ San Ġorġ tar-Rabat Għawdex. Jidhirli li din jisimha Triq il-Providenza u fiha nsibu niċċa tal-Madonna bil-bambin Ġesù li f’idu għandu rummiena. Din mhux l-unika triq f’pajjiżna li ġġib dan l-isem, imma ma nafx jekk jeżistux aktar xbihat bħal din li semmejt.

La semmejt Għawdex ma nistax inħalli barra milli nsemmi li f’din il-gżira nsibu bajja pittoreska li ġġib l-isem ta’ Ħondoq ir-Rummien. Din il-bajja ċkejkna, faċċata tal-gżira ta’ Kemmuna hija wieħed mill-isbaħ postijiet li hemm fil-gżira tat-tliet għoljiet. Ma nafx minn fejn ħa ismu dan il-post imma nimmaġina li fil-qedem kien hemm bosta siġar ta’ dan il-frott.

Is-siġra
Is-siġra tar-rummien ma tirdx wisq kura u tista’ tikber anke f’postijiet xotti. Fil-fatt jekk siġra minnhom ikollha ħafna ilma l-għeruq tagħha ħafna drabi jiġu attakkati minn fungi u jeqirduha. Siġra minn dawn tista’ tgħix sa mitejn sena u tista’ tikber sa għaxar metri. L-ewwel frott li tibda tagħti s-siġra jkun wara xi tliet snin iżda ħafna drabi din ma tkunx tiflaħ iżżommu u għalhekk jaqa’. Ta’ ħames snin is-siġra tibda tagħti l-frott sewwa. L-għadd ta’ frott li siġra tista’ tagħti jiddependi mill-kobor tagħha u meta siġra tixjieh tispiċċa kważi kważi ma tagħti l-ebda frott. Din is-siġra ġieli titkabbar bħala bonsai. Fiċ-ċokon din is-siġra hija mill-isbaħ u anke tagħti frott ċkejken.

Illum rajna xi ħaġa dwar frotta li minkejja li nsibuha f’pajjiżna, u narawha anke għall-bejgħ għand tal-ħaxix ftit li xejn nafu dwarha. Tajjeb jekk nibdew niekluha aktar.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  30 ta' Novembru 2019


venerdì 26 luglio 2019

Inti djamant


Min minna qatt ma sema’ jew kanta d-diska tal-grupp famuż Għawdxi The Tramps, Inti djamant? Diska li titratta l-ġżira ta’ Għawdex u s-sbuħija tagħha. Tant hi popolari din id-diska li anke Michela li rrappreżentat lil pajjiżna fil-Eurovision Song Contest kantatha waqt il-provi. Nazzarda ngħid li l-kliem ta’ din id-diska il-Maltin jafuh aktar mill-kliem tal-Innu Nazzjonali!

Calypso
Għawdex huwa wkoll imlaqqam bħala l-Gżira ta’ Kalipsu. L-oriġini ta’ dan l-isem imur lura fil-mitoloġija Griega u nsibu dan kollu fil-kitba tal-Odissea ta’ Omeru. Skont Omeru Kalipsu żammet lil Oddissej għal seba’ snin sħaħ f’għar fuq ir-Ramla l-Ħamra bħala priġunier tal-imħabba. Omeru jsejjaħ lil din il-gżira bħala Oġiġa. Din hija mitoloġija antika u mhux storja, imma xorta waħda rabtet lill-Għawdex mal-kumplament tad-dinja. Ma ninsewx li fi żmien Omeru, li għex aktar minn mitejn sena qabel Kristu, il-Greċja kienet fl-aqwa tagħha fejn jidħlu arti, letteratura, filosofija u armata. Kienet biex ngħidu hekk l-Amerika tal-lum. U Għawdex jissemma fil-ktiba ta’ dan il-kittieb kbir u magħruf.

Dan l-isem għadu biex ngħidu hekk imwaħħal magħna għax għat-Taljani il-gżejjer Maltin sa madwar mitt sena ili jew xi ftit aktar kienu magħrufin bħala le Isole Calipsee, il-gżejjer ta’ Kalipsu.
Dan il-ħsieb iffakkarni fi professur li kien jgħallimni t-teoloġija. Kien professur Taljan magħruf ħafna. Kien dejjem jgħidli li jixtieq iżur Malta biex imur fil-gżira ta’ Kalispu għax dik issemmiha Omeru. Stedintu kemm-il darba imma dejjem qalli li jibża’ jitla’ fuq ajruplan! Dan il-biża’ dejjem ċaħħad lil dan il-professur tant intelliġenti milli jżur dak li dejjem xtaq iżur. U hawn jiġi f’moħħi kliem Santu Wistin; id-dinja hija ktieb, dawk li ma jivvjaġġawx jaqraw biss folja waħda minnu.

Vaganza fil-qrib
Għalina l-Maltin hija ħaġa faċli biex naqbdu l-karozza u morru jumejn Għawdex. Imma llum ħafna qed jaħsbuha darbtejn qabel jieħdu din il-vaganza fil-qrib. Illum kulħadd bl-arja kkondizzjonata id-dar, fl-uffiċċju, fil-karozza, fis-supermarket u kullimkien. Meta mmorru vaganza nistennew li nsibu post fejn inkunu paxxuti. Issa jekk immur Għawdex u nikri post fejn se mmut bis-sħana, allura naħsibha darbtejn għax ikun jaqbilli nibqa’ d-dar. Il-kumdità tabilħaqq trid tħallas għaliha, imma tajjeb li dak li jinvesti fi flats jew djar biex jinkrew, jaħseb sewwa għal dan l-apparat li llum ma għadux lussu imma sar bżonn, sar parti mill-ħajja tagħna. Naf li hemm ħafna li diġà investew f’apparat ta’ arja kkondizzjonata fil-flats jew djar li jikri, u hekk għadnu jkun.

Mina jew pont
Kemm ilna nisimgħu diskors dwar jekk hux ser isir pont jew jekk hijiex sejra tinbena jew titħaffer mina bejn iż-żewġ gżejjer! Issa wara tant snin ta’ argumenti, qbil jew nuqqas ta’ ftehim, sirna nafu li se ssir mina. Għadna ma nafux jekk din hix sejra titħaffer taħt qiegħ il-baħar jew jekk hijiex sejra tinbena fil-qiegħ tal-baħar. Hu x’inhu sa issa nafu li se ssir mina xi darba. Ngħid għalija nippreferi mina milli pont.
Bil-mina li tgħaqqad iż-żewġ ġżejjer ewlenin tal- arċipielgu Malti nkunu nistgħu ngħidu li ma baqgħux żewġ ġżejjer imma saru magħqudin. Il-biża’ ta’ bosta Maltin huwa li Għawdex jitlef il-karattru tiegħu. Diġà tilef ħafna minn dak li kellu, bit-tagħqid tiegħu ma’ Malta jitlef dak li fadallu. Allura ħafna drabi nispiċċaw ngħidu li aħjar ma ssir xejn il-mina. Imma meta taħseb dwar dawk l-Għawdxin li ta’ kuljum, xemx u xita, sħana jew kesħa, iridu jsebbħu kmieni biex jaqsmu dax-xiber baħar li jifred lil dawn iż-żewġ  gżejjer, bla ma trid tgħid “Iġri ssir il-mina”.

Biss nemmen li hemm soluzzjoni biex Għawdex ma jintilifx għal kollox wara l-ftuħ tal-mina. Nissuġġerixxi li l-Malti li juża l-mina jkollu noll bil-wisq ogħla min-noll li jitħallas fuq il-vapuri. Dan ma jkunx jgħodd għall-Għawdxi li jkollu jaqsam lejn Malta kuljum. Anzi, l-idea tiegħi hi li dak l-Għawdxi li jkollu jiġi Malta kuljum, ikollu pass biex ikun jista’ juża l-mina b’xejn ladarba jkun qed jaqsam lejn Malta biex imur għax-xogħol.

Paċi
Ħafna minna mmorru sa Għawdex biex insibu ftit kwiet u serħan il-moħħ, biex insibu ftit paċi li tant aħna neqsin minnha aħna li ngħixu fl-ibliet Maltin. Tiskanata kif Għawdex baqa’ daqstant differenti. Fih għadek issib dak li f’Malta illum intilef. Il-qniepen tal-knejjes sbieħ li jdoqqu u jinstemgħu fil-kampanja Għawxija hija ħaġa waħda biss li f’Malta minħabba l-istorbju lanqas għadna nisimgħuhom jew nintebħu i qed idoqqu. X’ma jiktibx mużika sabiħa Albert Ketelbey meta jkun Għawdex u jsemmiha “Bells across the Meadows”. Fejn se ssib fit paċi bħalma ssib Għawdex? Mhux ta’ b’xejn il-mibki Dominic Grech tat-Tramps isejjaħlu Djamant!

Fr Reno Muscat



Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 27 ta' Lulju 2019

venerdì 25 agosto 2017

Ġelat

Fil-jiem tas-sajf żgur li lkoll kemm aħna nieħdu gost nieħdu xi ġelat tajjeb. Huwa d-deżerta favorita mal-maġġoranza tan-nies fil-jiem sajfin, għalkemm illum il-ġelat ma nsibuhx biss fis-sajf imma nistgħu nduquh matul is-sena kollha.

Dan id-daqsxejn ta’ ġelat għandu storja interessanti ħafna.

Silġ u melħ
Il-kultivazzjoni tal-pjanti taz-zokkor fi Sqallija taf il-bidu tagħha fi żmien l-Għarab. Kienu dawn li fis-seklu IX wasslu din il-pjanta fi Sqallija u fi Spanja. Iz-zokkor huwa ingredjent importanti ħafna fit-tħejjija tal-ġelat u għalhekk fil-gżira ġara tagħna, minn dak iż-żmien beda jsir xi forma ta’ ġelat. L-Għarab kellhom id-drawwa li jagħmlu bħal te bl-ilma, zokkor, ħxejjex u ħwarar. Fi Sqallija dan ix-xorb beda jiġi ffriżat billi r-reċipjent tiegħu kien jitpoġġa fis-silġ, li kien jinġieb minn fuq il-Vulkan Etna, u mas-silġ jitħallat il-melħ biex dan idum ma jdub. Dan aktarx kien il-bidu tal-granita li tant hi popolari fi Sqallija. Ġewwa Sardegna għall-ħabta tas-sena 1600 inbdiet l-industrija tas-silġ. Issa f’ din il-gżira bdejna nsibu taħlita ta’ ilma, zokkor u lumi frizati.

Din il-ħaġa tfakkarni fil-ġelat tal-bezzun li fl-antik tant kien popolari ġewwa Malta. Biex ngħid id-dritt jien ma tantx niftakru, iżda niftakar bejjiegħ ta’ dan it-tip ta’ ġelat fil-festi ta’ San Ġorġ u ta’ Santa Marija tar-Rabat Għawdex. Kien jarma taħt il-Banca Giuratale fit-Tokk. Kont nistenna minn sena għal sena biex nixtri tazza minn dan il-ġelat tassew tajjeb. Kien appuntament annwali li sfortunatament ma għadnix inżommu għax dak il-bejjiegħ tal-ġelat tal-bezzun ma għadux jarma.

Anke qabel
B’ dan li għidt sa issa ma rridx infisser li l-ġelat jaf il-bidu tiegħu fi Sqallija, ridt insemmi din il-gżira sempliċiment għax hija qrib artna u faċilment li l-ewwel ġelat f’ Malta wasal minn hemm.
Iżda xi tip ta’ ġelat jew l-antenat tiegħu ilu jeżisti ħafna. Nafu li kien hemm popli li jħalltu frott u għasel mas-silġ u jiekluh. Din it-taħlita nafu li kienet tinbiegħ fil-Ġreċja sa xi ħames mitt sena qabel Kristu.  Fiċ-Ċina kien jitħallat ħalib, ross u għasel mas-silġ. Dan ukoll kien jinstab qabel Kristu. Jingħad li Neruni, l-Imperatur Ruman, kien jordna li jinġieb f’ Ruma silġ minn fuq tal-Italja biex jitħallat mal-frott u kien iservieh fil-pranzijiet lussużi li kien jagħmel.

Jinxtered fl-Ewropa
Jingħad li meta fl-1533 id-Dukessa Katarina de’ Medici żżewġet lid-Duka ta’ Orleans, billi hija kienet Taljana u hu Franċiż u kellhom jgħixu fi Franza, hija ħadet magħha xi koki Taljani li minbarra l-ikel li kienet imdorrija bih, kienu wkoll iħejju ġelati. Għandu mnejn dan il-pass kien il-bidu tat-tixrid tal-ġelat madwar il-kontinent tagħna. Aktar tard il-Re Karlu I tal-Ingliterra jingħad li ta somma kbira ta’ flus lil kok tiegħu biex ir-riċetta tal-ġelat li kien jagħmillu ma jgħaddiha lil ħadd biex tibqa’ riċetta rjali.

Ġelat tal-bezzun
Ma għandiex fonti storiċi dwar dawn iż-żewġ stejjer, imma b’ xi mod jew ieħor il-ġelat  ma baqax ikel irjali u sirna nsibuh mad-dinja kollha. Żgur li nxtered u sar imfittex. F’Malta l-ġelat daħħluh il-kavallieri. Illum nafu li fil-palazz tal-Inkwiżitur tal-Birgu kien jissajjar dan il-ħelu sa mis-seklu XVII.

Meta kton ngħix Bologna qatt ma tlift l-okkażjoni li nieħu xi ġelat tajjeb. Dik il-belt hija sinonima mhux biss mat-tortellini u l-mortadella, imma anke mal-ġelat tajjeb li wieħed issib fiha. Kull meta kien jiġi xi ħadd iżurni, dejjem offrejtlu ġelat minn xi waħda mill-ġelateriji li hemm. Ngħid id-dritt, jien mhux xi wieħed li niġġennen għall-ġelat, imma għal dak ta’ Bologna nagħmel eċċezzjoni u nibdlu ma’ kollox.

Tifkiriet
Il-ġelat iġibli wkoll bosta tifkiriet tal-imgħoddi. Waqt il-vaganzi tas-sajf, meta kont għadni tifel tal-iskola, niftakar li ta’ kuljum kien jiġi van bil-ġelat fit-triq tagħna. Kien idoqq il-mużika ta’ Doctor Zhivago donnha tal-kaxxa tal-ġojjelli (li dejjem baqgħet vojta) li kellha ommi fis-salott. U aħna ta’ tfal li konna noħorġu nixtri ġelat, slice jew kornet jew tal-barmil jew granita. Skont dak li niggustaw jew li jkollna aptit. Illum għadna naraw xi van bħal dawn fit-toroq tagħna imma billi l-ġelat sar prodott li spiss ikun fil-fridges tagħna, l-istennija għalih ma għadiex bħal ta’ dari.

Niftakar ukoll il-festini, xi għerusija, it-tiġijiet, magħmudija, il-festi tal-ewwel tqarbina jew tal-griżma. Festin ma kienx ikun komplut jekk fl-aħħar ma jitqassamx il-ġelat fi plattina. Ma’ dan il-ġelat kien ikun hemm bħal biskuttin tal-pane di Spagna. M’ilix wisq inzertajt f’festin li offra dan it-tip ta’ ġelat – ġelat Malti magħmul mill-ħalib tal-bott u l-bastun tal-kannella. Ngħid id-dritt ħadni lura fiż-żmien, ġabli memorji ta’ meta tifel żgħir kont inkun mal-ġenituri għal xi okkażjoni minn dawn u kont nistenna dik il-plattina bil-ġelat.

Ma nafx jekk b’dan li għidt illum ġibtilkomx aptit ta’ ġelat tajjeb? Jien ngħid għalija ftaħtu l-aptit!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 26 ta' Awwissu 2017




venerdì 25 novembre 2016

Gżira

Ilkoll kemm aħna nafu x’ inhi gżira għaliex ngħixu fuq waħda. Gżira tista’ tinstab fil-baħar, fi xmara jew f’ xi għadira. Il-fatt li din il-biċċa art tissejjaħ ġżira hu li tkun imdawra kollha kemm hi mill-ilma. Ħafna mill-gżejjar li nsibu fid-dinja jagħmlu parti minn xi art oħra, mhux bħal pajjiżna, li huwa nazzjon awtonomu. Każi bħal tagħna huma fil-minoranza. Ejjew illum induru dawra ħafifa mal-gżejjer tad-dinja. Mhux possibbli nsemmuhom kollha għax hemm eluf, imma naraw xi tagħrif fuq xi wħud minnhom.

L-iżgħar kontinent u l-akbar gżira
L-iżgħar kontinet li nsibu fid-dinja huwa l-Oċeanja, jew kif nafuh aħjar l-Awstralja. Dan il-kontinent fih madwar 8,112,000 kilometru kwadru u huwa ffurmat minn għadd ta’ gżejjer fosthom l-Awstralja, li hija l-akbar gżira fid-dinja u ovvjament f’ dan il-kontinent, New Zealand, New Guinea, Ir-Repubblika ta’ Fiġi, L-Istati Federali tal-Mikroneżja, Ir-Repubblika ta’ Vanuatu u L-Istat Indipendenti ta’ Samoa. Bosta minn dawn il-pajjiżi għandhom magħhom mijiet ta’ gżejjer oħrajn bħalma huma il-Gżejjer Cocos, il-Gżejjer Cook, it-Territorju tal-Gżira Christmas, il-Gżira Norfolk, Il-Gżejjer Heard u l-Gżejjer McDonald. Imbagħad  L-Istati Federali tal-Mikroneżja għandu fih aktar minn 600 ġżira. Dawn il-mijiet ta’ gżejjer jiffurmaw l-iżgħar kontinent fid-dinja.
L-akbar ħames gżejjer
Greenland
L-akbar gżira fid-dinja, li ma hijiex kontinent hija Greenland. Fiha aktar minn żewġ miljun kilometru kwadru u minkejja dan il-kobor kollu fuqha joqgħodu biss madwar 56,000 ruħ. Id-densità tal-abitanti hija baxxa ħafna u kull persuna tista’ tgħid li għandha madwar 40 kilometru kwadru. Dan il-pajjiż mhuwiex stat indipendenti imma jagħmel parti mir-Renju tad-Danimarka. Wara Greenland insibu lin-New Guinea fil-kobor, gżira li fiha nsibu żewġ stati; l-Istat Indipendenti ta’ Papua New Guinea u parti mir-Repubblika tal-Indoneżja (Papua u West Papua). Il-ġżira fiha kwazi 800,000 kilometru kwadru u bħalma diġà għidna tagħmel parti mill-kontinent tal-Oceanja. It-tielet l-akbar gżira f’ din il-kategorija hija l-gżira Borneo li hija l-akbar gżira fl-Asja. Hawnhekk insibu tliet stati: parti mill-Malasja (Sabah, Sarawak u Labuan), parti oħra mill-Indoneżja (Kalimantan ) u L-Brunei. Din il-gżira fiha ftit aktar minn 740,000 kilometru kwadru u fuqha joqgħodu madwar 20 miljun ruħ. Fir-raba’ post insibu lir-Repubblika ta’ Madagascar. Dan il-pajjiż fih 587,041 kilometru kwadru b’ popolazzjoni ta’ madwar żewġ miljun ruħ u nofs. Il-ħames ġżira f’din il-kategorija hija dik li ġġib l-isem ta’ Baffin u tagħmel parti mit-territorju tal-Kanada. Din fiha 507,451 kilometru kwadru iżda ftit li xejn joqgħodu nies fuqha. Fil-fatt insibu 11,000 resident biss fuqha. Dak il-kobor kollu u popolazzjoni bejn wieħed u ieħor daqs ir-Rabat ta’ Malta!
Fil-Mediterran
Ma nistgħux insemmu l-gżejjer u ma nsemmux il-baħar tagħna. Fil-Mediterran insibu madwar mitejn gżira prinċipali u mijiet oħra ta’ ftit importanza. L-akbar gżira f’ dan il-baħar hija dik ġara tagħna; Sqallija. Ftit ikbar minn 25,000 kilometru kwadru, Sqallija hija l-art ta’ aktar minn ħames miljun ruħ. Kienet tagħmel parti mir-renju tad-Due Sicilie, iżda llum tagħmel parti mir-Repubblika Taljana. Anke t-tieni l-akbar gżira f’ dan il-baħar tagħmel parti mill-Italja. Qed nirreferu għal Sardegna. Din il-gżira fiha ftit aktar minnn 24,00 kilometru kwadru u fiha jgħixu madwar miljun u nofs ruħ. Ċipru huwa t-tielet l-akbar gżira f’ din il-kategorija. Il-kobor tal-art ta’ dan l-istat huwa ta’ madwar 9,000 kilometru kwadru u nsibu ftit aktar minn miljun Ċiprijott. Jekk nerġgħu lura lejn Sardegna, sewwasew fuqhainsibu r-raba’ l-akbar ġżira fil-Mediterran; Korsika. Din tagħmel parti mir-Repubblika Franċiża u fiha 8,680 kilometru kwadru. Hija d-dar ta’ madwar 330,000 ruħ. Nerġgħu lura lejn il-Lvant tal-Meditterran u hemm insibu l-ġżira ta’ Kreta li hija l-ħames l-akbar ġżira fil-baħar tagħna. Din fiha 8,000 kilometru kwadru u fuqha jgħixu madwar 600,00 persuna. Din il-gżira tagħmel parti mill-Greċja.
Gżejjer Maltin
Il-gżejjer ta' San Pawl
Jixraq li ngħidu f’ liema post tinsab Malta. Din hija l-34 l-akbar ġżira fil-Mediterran u lil Għawdex insibuh fis-67 post. L-Arċipiergu Malti fih għadd ta’ gżejjer ċkejnin oħra minbarra it-tlieta prinċipali: Kemunett, Filfla, Il-gżejjer ta’ San Pawl, il-Gżira ta’ Manoel u l-Ġebla tal-Ġeneral. Hemm imbagħad xi oħrajn li lanqas nafu x’ isem għandhom għalkemm xi isem għandhom. Dawn huma bħal dik il-ponta tal-Qawra, magħrufa bħala ta’ Fra Ben, il-blata tal-Għallis fil-kosta ta’ Baħar ic-Cagħaq u it-Taqtiegħa li nsibu fl-inħawi ta’ Xrobb l-Għaġin. Ma’ dawn insibu bosta skolli li niddubita kemm għandhom isem, iżda xi wħud għandhom laqam, bħall-Kukkudill barra d-Dwejra Għawdex.
Kurżità
Minkejja li jagħmlu parti mit-territorju tar-Repubblika Taljana, Pantellerija u Lampedusa ġeografikamant ma jagħmlux parti mill-Ewropa iżda mill-Afrika. B’ hekk nistgħu ngħidu li Malta hija fil-periferija anzi sewwsew fix-xifer tal-kontinent Ewropew.
Kemm gżejjer hawn li forsi lanqas qatt smajna bihom, mijiet huma qrib tagħna, oħrajn jinsabu fuq in-naħa l-oħra tal-globu, imma huma gżejjer bħal pajjiżna, għax imdawrin bl-ilma.

 Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon -  26 ta' Novembru 2016