Kważi kull wieħed u waħda minna
jgħix qrib xi knisja jew kappella. Għal xi wħud minna dawn il-binjiet għandhom
importanza kbira, għal oħrajn forsi llum saru insinifikanti, imma żgur li xi
darba jew oħra matul il-jum ilkoll kemm aħna jkollna nisimgħu d-daqq
tal-qniepen li ħafna minn dawn il-knejjes għandhom.
Id-daqq tal-qniepen huwa lingwa,
iwassal messaġġ li sakemm ma titgħallimx dik il-lingwa tibqa’ ma tifhimx
il-messaġġ li jkunu qed iwasslu u għandek mnejn tistħajlu daqq bla sens. Anke
l-arloġġi tal-knejjes tagħna għandhom lingwa, trid tifhem id-daqq tal-qniepen
tagħhom biex bla ma tkun qed tara l-arloġġ tkun tista’ tkun taf x’ħin ikun sar.
U biex ngħid kollox, hemm daqq differenti bejn arloġġ u ieħor, biżżejjed tisma’
qniepen ta’ arloġġ ta’ Malta u dawk ta’ xi knejjes f’Għawdex. Is-sistema, jew
dik li sejjaħt fil-bidu bħala “lingwa” hija differenti. Anke l-mod kif jindaqqu
l-qniepen huwa differenti, Malta u anke Għawdex il-qanpiena tibqa’ ma
tiċċaqlaqx u tindaqq billi l-ilsien tagħha jitħabbat mal-ġnub tagħha.
F’pajjiżni oħra spiss naraw il-qanpiena tiċċaqlaq biex taħbat mal-ilsien.
L-istess nistgħu ngħidu għall-forma. Hemm dawk bil-kuruna u hemm dawk mingħajr
kuruna. Insomma fejn jidħlu l-qniepen hemm dinja enormi u hemm bosta x’wieħed
jgħid jew jikteb.
Okkażjonijiet ta’ dari
Il-qanpiena twassal dak li jkun
irid iwassal min ikun qed idoqqha, ovvjament skont iż-żmien u skont il-ħin.
F’parroċċi tradizzjonali sa ftit snin ili kien hawn fejn jindaqqu l-qniepen
f’diversi waqtiet tal-jum bħall-Paternoster, ma’ sbieħ il-jum biex dak li jkun
iqum u jrodd ħajr lill-ħallieq talli tah il-grazzja jerġa’ jara jum ġdid,
fit-tmienja ta’ filgħodu biex jingħad l-Angelus, f’nofsinhar biex ukoll isir
talb u ssir waqfa għall-ikel, it-tokki tal-Ave Maria ma’ nżul ix-xemx u l-aħħar
tokki hekk imsejħa tal-imwiet. Barra minn hekk kwarta qabel ma tibda kull
quddiesa tindaqq qanpiena li tavża li tkun ser issir quddiesa. Matul
il-quddiesa, jekk din tkun solenni, isir daqq ta’ qniepen kemm fil-Glorja kif
ukoll fis-Santus. Jekk dik il-quddiesa tkun ta’ nhar il-festa tar-raħal, allura
qabel ma tibda jsiru tliet moti ta’ kwarta u waqt il-paniġierku jinġibdu tokki
wkoll. Nhar ta’ Ġimgħa fit-tlieta ta’ waranofsinhar tindaqq dik li tissejjaħ
“tat-tlieta” biex tfakkar il-ħin li fih miet Ġesù. F’mewt ta’ xi parruċċan
tindaqq “il-mewt” li tvarja jekk imutx raġel jew mara u jekk il-mejjet ikun
saċerdot id-daqq ikun differenti. Qed taraw x’lingwaġġ fih id-daqq tal-qniepen.
Illum intilef bosta minn dan il-patrimonju.
L-ewwel qniepen
L-ewwel qniepen tal-metall
inħolqu fiċ-Ċina tal-qedem u kienu jintużaw bħala parti minn ċerimonji
reliġjużi. It-tradizzjoni
tal-użu tal-qniepen għaddiet għar-reliġjonijiet Hindu u Buddisti. Il-qniepen
kienu jiġu mwaħħlin fid-daħliet tat-tempji Hindu u kienu jindaqqu waqt it-talb.
Għalkemm l-użu tal-qniepen mhuwiex imsemmi b’mod espliċitu fil-Bibbja,
f’salm numru 100 nsibu hekk: aqdu
bil-ferħ lill-Mulej, idħlu quddiemu b’għana ferrieħi; u l-qniepen huma mod
tajjeb ħafna kif jagħmlu dan. Il-qniepen ġew introdotti fil-knejjes Kristjani
madwar is-sena 400 AD minn Pawlinu, Isqof ta’ Nola fil-Campania wara li
l-missjunarji kienu ilhom jużaw il-qniepen tal-idejn biex isejħu n-nies
għall-qima. Kellhom jgħaddu madwar 200 sena oħra biex il-qniepen ikunu jidhru b’mod
prominenti fil-knejjes u l-monasteri madwar l-Ewropa.
Stejjer, leġġendi u
drawwiet
Fil-Medju Evu, ħafna kienu jemmnu li l-qniepen
tal-knisja kellhom poteri sopranaturali. Jingħad li darba kien hemm Isqof li
beda jdoqq il-qniepen biex iwissi lin-nies tal-lokal dwar attakk imminenti u li
meta l-għadu sema’ l-qniepen, dan telaq jiġri lura bil-biża’. Fl-era
moderna forsi ma nistgħux napprezzaw u lanqas nemmnu kemm dawn il-qniepen kellhom
importanza fil-ħajja tal-bniedem. Kien maħsub ukoll li l-qniepen tal-knisja
setgħu jdoqqu lilhom infushom fi żminijiet ta’ traġedji u diżastri. It-twemmin
fil-qawwa tal-qanpiena kompla fis-seklu 18. Kienu jindaqqu qniepen biex ikeċċu
l-ħażen, biex ifejqu lill-morda, biex jikkalmaw il-maltempati qabel xi vjaġġ,
biex jipproteġu l-erwieħ tal-mejtin u biex jimmarkaw il-ġranet ta’ xi eżekuzzjoni.
Il-qniepen huma ħafna drabi
assoċjati mat-tiġijiet, mhux biss permezz tad-daqq tagħhom biex juru s-servizz
tat-tieġ iżda s-simbolu tal-qniepen jista’ jinstab f’dekorazzjonijiet fuq
il-kejk, fl-inviti u l-kartolini. Id-daqq tal-qniepen tal-knisja fit-tiġijiet aktarx
imur lura għall-wirt Ċeltiku tal-Iskozja u l-Irlanda. Is-superstizzjonijiet
wasslu lill-knejjes biex iddoqqu l-qniepen biex ibegħdu l-ispirti ħżiena u
jagħtu xewqat tajba lill-miżżewġin ġodda.
Tiskanta kemm hemm x’wieħed jgħid
fuq dawn il-qniepen li ġieli jkunu wkoll suġġett ta’ argumenti. Ovvjament min
jabqad argument dwar jekk għandhom ikomplu jdoqqu l-qniepen matul il-lejl jew
fil-festi u sebaħ u dalam ikun awtomatikament qed juri kemm għandu nuqqas ta’
tagħrif dwar dawn l-għodod li tant kienu siewja għal missirijietna u li għadhom
jaqdu lilna sal-lum – kemm-il darba nitgħallmu l-lingwa tagħhom!
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 5 ta' Marzu 2022
Nessun commento:
Posta un commento