sabato 26 marzo 2022

IL-LIŻAR TA' TURIN

 

Nemmen li lkoll xi darba jew oħra smajna bil-liżar li jinsab ġewwa l-belt ta’ Turin li jingħad li huwa l-istess liżar li Ġużeppi minn Arimatea keffen il-ġisem ta’ Kristu mejjet fih. Mhux kulħadd jaqbel ma’ dan. Dan in-nuqqas ta’ qbil mhux xi ħaġa tal-lum imma kien argument ta’ dibattitu u kontroversji matul is-snin. Dawn il-kontroversji kienu jqumu l-aktar minħabba l-fatt li relikwi simili għal dan ta’ Turin kienu jinstabu  f’postijiet oħra imma dak ta’ Turin kien l-aktar wieħed famuż.



Storja

Id-dokumentazjoni li titratta dan il-liżar tista’ titqies awtentika biss min-nofs is-seklu XIV ‘l quddiem, Madanakollu it-tiftix storiku, xjentifiku, ikonografiku u arkeologiku jgħinna nibnu l-istorja ta’ dan il-liżar kemm jista’ jkun korretta. Fis-sena 544 fil-belt ta’ Edessa, li llum hija Urfa fit-Turkija, kienet tinstab immagini straordinarja “mhux magħmula bl-idejn”. Bosta esperti jqisu li din id-deskrizzjoni tirreferi għall-liżar. Tajjeb ngħidu li f’dak iż-żmien il-liżar kien mitwi b’mod li l-wiċċ biss kien jidher. Fis-sena 944 din ix-xbieha kienet meħuda Kostantinopoli, fejn għall-ewwel darba nsibu riferenzi għall-liżar li fih tkeffen Kristu. Fl-1204 il-kavallier Robert de Clari kiteb li fl-assedju ta’ Kostantinopoli sparixxiet mill-belt sakemm fl-1353 dan il-liżar instab ġewwa Lirey, fi Franza, għand Geoffrey de Charny. Sewwasew mitt sena wara, Margaret de Charney ċediet din ir-relikwa lid-Duka Luwigi I ta’ Savoia, li huwa żamm f’Chambéry. Fl-1506 il-Papa Ġulju II awtorizza l-venrazzjoni tal-liżar. Kien l-4 ta’ Diċembru, 1531 meta nar qawwi ħakem il-kappella ta’ Chambéry, propju fejn kien jinsab il-liżar, magħluq f’ kaxxa tal-fidda. In-nar tant kien qawwi li dewweb  xi ftit mill-fidda tal-kaxxa, tant li taqtira fidda waqgħet fuq il-liżar, li kien mitwi, u taqbitu. Sentejn wara s-sorijiet tal-istess belt raqqgħu it-toqob li din it-taqtira fidda kienet għamlet fil-liżar.

Kien Emanuele Filiberto ta’ Savoia li ħa l-liżar minn Franza għall-Italja, propjament f’Turin fl-1578. Fl-1694 il-liżar kien imqiegħed fil-kappella tal-palazz irjali. Kien fl-1898 li nġibed l-ewwel ritratt tal-liżar minn Secondo Pia u fl-1973 deher għall-ewwel darba fuq it-televiżjoni. L-istudji xjentifiċi baqgħu dejjem għaddejjin u fl-1988 ittieħdet parti mil-liżar għal aktar stħarriġ fuqu.

F’April, 1997 il-kappella tal-liżar inħakkmet min-nirien qawwija. Il-pumpiera ta’ Turin irnexxielhom isalvaw il-liżar min-nirien u jumejn wara il-kummissjoni responsabbli mill-liżar iddikjarat li l-ebda ħsara ma kienet saritlu.

Prorjetà

Minkejja li l-liżar jinstab f’ Turin, il-propjetà tiegħu hija tas-Santa Sede u huwa l-Papa li jiddeċiedi meta din ir-relikwa tkun għall-wiri. F’għeluq il-mitt sena minn l-ewwel ritratt tiegħu, jiġifieri fl-1998 saret espożizjoni u sentejn wara il-Papa Ġwanni Pawlu II iddeċieda li jerġa’ jkun espost sabiex ikun parti miċ-ċelebrazzjoni tal-Ġublew il-Kbir. Fl-2002 sar xogħol ta’ restawr fuq il-liżar. L-irqajja li kienu saru mis-sorijiet fl-1534 tneħħew u saret speċi ta’ nforra fuq wara tal-liżar.

Il-Liżar

Il-liżar huwa twil 4.2 metri b’ 1.3 wisgħa. In-nisġa tiegħu fiha għamla tax-xewket il-ħuta, nisġa popolari Palestinjana ta’ madwar elfejn sena ilu. Kif għidna aktar qabel kien fl-1898 li dan il-liżar kien iffotografat. Fil-proċess tal-iżviluppar ta’ dan ir-ritratt instab li n-negattiva turi sewwa l-persuna li kienet imkeffna fil-liżar. Jiġifieri n-negattiva turi r-ritratt u l-liżar jidher bħala negattiva. Fin-negattiva dehret sew il-figura ta’ raġel.

Fil-liżar insibu erba’ tbajja differenti : żewġ linji dritti it-tul kollu tal-liżar u 29 toqba magħmulin mit-taqtira fidda li waqgħet fuqu. Jinstabu wkoll marki tal-ilma li ntuża biex jintefa n-nar. Marka oħra hija x-xbieha umana, minn quddiem u minn wara, il-bniedem jidher mimdud għat-tul tal-liżar. Hawn l-effetti huma differenti. Il-moħħ, l-imnieħer, il-ġeddum u s-sider jidhru aktar skuri, filwaqt li partijiet oħra huma aktar ċari. It-tul tal-persuna huwa ta’ madwar 170 ċentimetru. L-aħħar forma ta’ tbajja huma dawk tad-demm, bħal dawk ta’ fuq ir-ras, l-għonq, il-polz, ir-riġlejn u l-kustat. Hawn it-tbajja huma ta’ kulur differenti mill-bqija, huma aktarx ħamranin. Minn studji li saru instab li dawn huma tassew tbajja tad-demm.

Studji

L-istudji xjentifiċi li saru fuq dan il-liżar taw dawn ir-riżultati:

Il-liżar m'huwiex impitter. Ma jistax ikun li dan sar minn xi persuna għax l-effett tan-negattiva tar-ritratt kien diġa' jinstab fuqu mijiet ta’ snin qabel kienet ivvintata l-fotografija. It-tbajja saru minn ġisem uman mejjet, imma l-ebda traċċa ta’ dekomposizjoni ma tinstab, dan iffisser li l-ġisem mejjet ma damx wisq imkeffen. It-toqob tal-imsiemer f’idejn ma jinstabux fil-pala tal-id imma fil-polz. L-eżamijiet li saru fuq il-liżar jindikaw li fuqu hemm traċċi ta’ demm uman. Analiżi moderna sabet li r-ritratti tal-liżar fihom infushom huma tri-dimensjonali, ħaġa li ma tinstabx f’pittura jew ritratti oħrajn. Eżamijiet oħra sabu trab ta’ ħxejjex u fjurili jikbru jew kienu jikbru fil-Palestina żmien twil ilu.

Il-mistoqsija tibqa’! Il-liżar ta’ Turin huwa awtentiku? Żgur li mhux ha nkun jiena li nagħti din it-twegiba.

 

Fr. Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 26 ta' Marzu 2022




Nessun commento:

Posta un commento