Visualizzazione post con etichetta ta' loreto. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta ta' loreto. Mostra tutti i post

venerdì 31 maggio 2024

Tal-Pietà - Raħal Marjan

 

Fl-Arċidjoċesi ta’ Malta nsibu li fost il-parroċċi kollha, il-Madonna tieħu l-ewwel post fejn jidħlu t-titulari. L-istess ħaġa nistgħu ngħidu għad-Djoċesi ta’ Għawdex. Fost dawn il-parroċċi Marjani hemm xi titulari b’aktar minn parroċċa waħda, bl-akbar numri ta’ dawn il-każi jkun l-Assunta b’xejn inqas minn 11-il parroċċa. Imbagħad insibu oħrajn li huma waħdanin. Fost dawn tal-aħħar insibu l-parroċċa tal-Madonna ta’ Fatima f’Tal-Pietà li tiġbor fiha wkoll iż-żona ta’ Gwardamanġa. Minkejja li din hija parroċċa relattivament ġdida, għax twaqqfet fl-1968, ir-raħal ta’ Tal-Pietà nistgħu nqisuh bħala raħal Marjan. Għaliex qed ngħid hekk? Ma kinitx il-parroċċa li welldet din ir-rabta bejn Marija u l-lokal għax sa minn żmien twil ilu kien hemm x’jorbot lil Verġni Mqaddsa ma’ dan ir-raħal li għandu wkoll wieħed mit-titli mogħtijin lil Marija Santissima. Naraw ftit kemm rabtiet hemm bejn dan ir-raħal u Marija.

Id-Duluri

L-epidemija tal-pesta ta’ Malta ta’ bejn l-1592 u l-1593 kienet waħda kbira li qatlet eluf ta’ nies f’Malta. Dak iż-żmien il-mejtin kienu jindifnu fi knejjes jew kappelli, iżda minħabba n-numru kbir ta’ mwiet f’din l-epidemija, kien meħtieġ li jinbena ċimiterju ġdid. Dan inbena fuq biċċa art barra l-Belt Valletta u fil-qrib inbniet kappella ddedikata lil Santu Rokku. Xi sorsi jgħidu li l-kappella nbniet fl-1592 jew l-1593 filwaqt li oħrajn jgħidu li nbniet fl-1612. Fil-bidu tas-seklu XVII id-dedikazzjoni tal-knisja nbidlet minn Santu Rokku għad-Duluri. Il-knisja kienet tissejjaħ bit-Taljan Santa Maria a Mare jew La Pietà, li huwa wieħed mit-titli mogħtijin lill-Madonna tad-Duluri. L-inħawi tal-madwar saru magħrufa bħala Tal-Pietà u meta aktar tard żviluppa r-raħal żamm l-isem ta' Tal-Pietà. Għalhekk dlonk naraw li kienet din il-kappella li tat isem dan ir-raħal. L-artal maġġur tal-knisja juri lill-Verġni Marija żżomm il-ġisem mejjet ta’ Ġesù, pittura magħrufa bħala la Pietà. Dan tpitter minn Gioacchino Loretta, segwaċi ta’ Mattia Preti. Din il-knisja tat ukoll l-isem li tinsab fiha: Triq id-Duluri.

Ta’ Loreto

Sewwasew fuq ix-xaqliba l-oħra ta’ Tal-Pietà, fiż-żona magħrufa bħala Gwardamanġa, insibu knisja oħra li wkoll hija ddedikata lill-Madonna taħt it-titlu Ta’ Loretu. Din hija tas-Sorijiet Orsolini. Il-knisja nbniet fuq art imsejħa “Ta’ Lubo Bordin” mgħotija lis-sorijiet mill-fundatur tagħhom  Mons. Isidoro dei Conti Formosa.  L-ewwel ġebla poġġieha Mons. Mawru Caruana, Isqof ta’ Malta, nhar it-Tlieta l-1 ta’ Mejju 1928. Din hija knisja oħra Marjana fir-raħal ta’ Tal-Pietà. Fil-knisja nsibu bosta statwi biss waħda partikolari hija dik tal-Madonna ta’ Loreto (mhux ta’ fuq l-artal maġġur) li kienet inġiebet Malta minn Mons. Dei Conti Formosa nnifsu.

Is-Santwarju Parrokkjali

Il-knisja parrokkjali tal-Madonna ta’ Fatima tinsab fuq l-għolja ta’ Gwardamanġa u s-santwarju nbena mill- patrijiet Dumnikani fl-1952. Il-knisja nfetħet fl-1955 u saret parroċċa fl-1968.

Ix-xbieha tal-Madonna li issa hija nkurunata hija tal-injam. Din l-istatwa sabiħa fiha madwar tliet metri u kwart tul, waslet fid-dwana ta’ Malta fit-tielet ġimgħa ta’ April tas-sena 1956. Kienet imbierka mill-Arċisqof Mikiel Gonzi u sar pellegrinaġġ biha mill-parroċċa ta’ San Duminku l-Belt sas-santwarju ta’ Gwardamanġa Tal-Pietà.

Bħal kull parroċċa oħra, bdiet tiġi organizzata festa u biex tagħmel festa trid statwa titulari. Kien imqabbad l-Iskultur Rabti Ġlormu Dingli biex joħloq statwa tal-Madonna ta’ Fatima bħala statwa titulari u proċessjonali. Din waslet fil-parroċċa fl-1971.

Xbihat fit-toroq

F’Tal-Pietà ma nsibux numru kbir ta’ niċeċ fit-toroq, imma mill-waħdiet li hemm insibu waħda bix-xbieha tal-Immakulata Kunċizzjoni. Din tinsab kantuniera ta’ Triq Blackley u t-Telgħa ta’ Gwardamaġa. Din hija niċċa mill-isbaħ bl-arzella, l-gwarniċ u l-pilastri tagħha skulturati fil-ġebla Maltija. Xbieha oħra Marjana nsibuha fuq il-faċċata tal-Knisja tad-Duluri. Din l-istatwa turi lil Marija Addolorata bilwieqfa u f’kull ġenb tagħha hemm anġlu. Fuq il-kampnar tas-santwarju parrokkjali nsibu xbieha tal-Madonna ta’ Fatima. Din ġiet skolpita fl-irħam fl-Italja Ma’ dawn l-istatwi żdiedu żewġ xbihat oħra Marjani fis-sena 2021. Waħda tinsab f’niċċa  fi Triq id-Duluri u turi lill-Addolorata, kopja tal-famuża “La Pietà” u oħra turi lill-Madonna ta’ Fatima. Din tinsab fin-nofs tal-qasam tad-djar.

Nixtieq insemmi niċċa oħra li minkejja li ma tagħmilx mal-Parroċċa Ta’ Fatima, bħala konfini tal-Kunsill Lokali tagħmel ma’ Tal-Pietà. Din hija niċċa tad-Duluri tinsab fi Triq ix-Xatt. Fiha ma nsibux statwa imma pittura. Hemm storja ħelwa marbuta ma’ din ix-xbieha. Jingħad li l-pittur Giuseppe Calì kien għamel wegħda li jekk jiżżewweġ lit-tfajla li kien tefa’ għajnejh fuqha kien ipitter kwadru tad-Duluri u jpoġġih għall-qima. Meta x-xewqa tiegħu saret realtà huwa żamm il-wegħda tiegħu. dan il-kwadru llum inbidel u minn floku hemm santa tad-Duluri u l-pittura oriġinali tinsab fil-parroċċa tal-Imsida.

Dan kollu juri li tabilħaqq it-titlu ta’ Raħal Marjan jixraq lil Tal-Pietà.

Fr Reno Muscat 

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 1 ta' Ġunju 2024



venerdì 7 giugno 2019

Tal-Pietà



Wieħed mill-irħula li nsibu madwar il-port ta’ Marsamxett u li llum qed jinbidel sewwa huwa dak li jġib l-isem ta’ Tal-Pietà. Nista’ nsejjaħlu subborg għaliex imiss mas-swar li jdawru lill-Belt Valletta u l-Furjana u jibqa’ sejjer sal-Ħamrun u l-Imsida. Minkejja li mhux xi raħal kbir huwa raħal interesanti u llum nixtieq ngħid xi ħaġa dwaru.

Oriġini
Hija ħaġa ċerta li l-isem ta’ dan il-post ittieħed mill-kappella qadima, taħt it-titlu tad-Duluri, li nsibu fil-qiegħ tal-wied, illum Triq id-Duluri. Fil-passat il-baħar kien jidħol sa qrib din il-kappella u jingħad li ħdejn il-kappella kien hemm xtajta ramlija. Biż-żmien l-art kibret u l-baħar kellu jersaq lura. Din kienet l-ewwel knisja fil-lokal li nbniet fl-1590 ħdejn ċimiterju. Madwar kwart ta’ seklu wara nbena kunvent ħdejn din il-kappella. Dan għadda minn bosta idejn fosthom l-Agostinjani, is-Sorijiet Franġiskani u llum jinsab f’ idejn il-membri tal-Youth Fellowship.  Interessanti wkoll li din il-kappella għal xi żmien serviet bħala Viċi-Parroċċa ta’ San Pawl tal-Belt Valletta bejn l-1721 u l-1740. Kienet proprju din il-kappella li tat l-isem ta’ dan ir-raħal.

Raħal Marjan
Il-kappella tad-Duluri
Huwa fatt interessanti li it-tliet knejjes li nsibu f’dan il-lokal huma t-tlieta ddedikati lill-Madonna. Minbarra dik tad-Duluri li għadna kemm semmejna insibu wkoll il-knisja tal-Madonna ta’ Loretu tas-sorijiet Orsolini.  Din il-knisja hi ġawhra ta’ arkitettura klassika li żżejjen din iż-żona. Mit-tberik tal-ewwel ġebla nhar l-1 ta’ Mejju 1928 sat-tmiem ta’ dan il-bini li tlesta fl-1938, hemm ġrajjiet sħaħ ta’ sagrifiċċji, qtigħ il-qalb, sejħat għall-għajnuna u ġbir.

It-tielet knisja fil-lokal hija l-knisja parrokkjali. Din hija ddedikata lill-Madonna tar-Rużarju ta’ Fatima, l-unika parroċċa b’dan tit-tiltu fid-djoċesi tagħna. Il-Patrijiet Dumnikani kienu joqgħodu f’Tal-Pietà f’dar fi Triq Hookham Frere. Bit-tħabrik tal-provinċjal tagħhom ta’ dak iż-żmien, P. Esmond Klimeck, fl-1952 bnew is-Santwarju tal-Madonna ta' Fatima. Is-Santwarju nfetaħ fis-sena 1955 u fl-1968 sar knisja parrokkjali.

Fil-lokal ma nsibux aktar knejjes kattoliċi għajr dik fl-isptar San Luqa li llum ma għadiex tintuża bħal qabel.

Żoni diversi
Spiss tfiġġ il-mistoqsija jekk dan il-lokal jismux Tal-Pietà jew Gwardamanġa. Biex ngħidu s-sew bosta jafu n-naħa tal-Isptar San Luqa bħala Gwardamanġa imma min twieled fih jaf li fiċ-ċertifikat tat-twelid isib li huwa mwieled Tal-Pietà. L-istess il-Kunsill Lokali, illum jissejjaħ Pietà – Gwardamanġa imma fil-bidu kien Pietà biss u l-kodiċi postali huma PTA, taqsira tal-isem Pietà.

Gwardamanġa hija żona f’Tal-Pietà bħalma nsibu żoni oħra fl-istess lokalità. Lejn il-baħar jissejjaħ Sammiżun, derivazzjoni tal-kelma Franċiża Sa Maison, imsemmi għall-Balliju Sa Maison, kavallier tal-Ordni ta’ San Ġwann li kien bena xi binja f’dik l-akwata. Bejn Sammiżun u l-Bombi insibu żona msejħa Ta’ Braxja, fejn hemm iċ-ċimiterju. Gwardamanġa hija żona minn Tal-Pietà bħal żoni oħrajn. Madanakollu l-parroċċa tissejjaħ bħala dik ta’ Gwardamanġa kemm mill-Patrijiet Dumnikani li jmexxuha kif ukoll mill-Kurja. Biss din il-parroċċa taqdli ż-żoni kollha ta’ Tal-Pietà.  

Patrijiet
Il-parroċċa ta’ Fatima hija mmexxija mill-Patrijiet Dumnikani li ma humiex l-uniċi patrijiet fil-lokal. Il-Provinċja Agostinjana, xtrat biċċa art kbira fil-Pietà biex ikun jista’ jinbena l-Kulleġġ il-ġdid u modern. Għall-bidu bdiet tuża bħala Kulleġġ waħda mill-Vilel. F’Jannar 1966 beda x-xogħol tat-tiswijiet meħtieġa  fil-vilel fejn kellha tkun l-iskola u fil-mezzanin l-ieħor fejn kellhom jgħammru l-patrijiet tal-Kulleġġ. Il-kulleġġ  ġie inawgurat fis-16 ta’ April 1966 b’quddiesa fis-sala tal-kulleġġ il-ġdid. Fl-1 ta Ottubru 1973  saret l-inawgurazzjoni tal-kulleġġ il-ġdid tal-Pietà. Dan il-Kulleġġ iġib l-isem ta’ Santu Wistin.

Binjiet interessanti
Minkejja li r-raħal ta’ Tal-Pietà mhux wisq kbir, fih insibu numru ta’ binjiet interessanti. Villa Hookham Frere hija waħda minnhom, villa li għal xi snin kienet minsija u abbandunata imma llum reġa’ hemm interess fiha u jalla ikun hemm aktar. Villa Guardamangia wkoll daħlet fl-istorja mhux biss ta’ dan ir-raħal. Din hija d-dar fejn ir-Reġina Eliżabetta kienet toqgħod meta kienet tgħix Malta. Il-kundizzjoni ta’ din il-villa llum hija waħda tal-biki imma jidher li hemm interess li din id-dar storika ssir mużew. Jalla din l-ambizzjoni narawha sseħħ qabel ma din il-villa tispiċċa rmied!

Bla dubju l-akbar binja hawnhekk huwa l-isptar San Luqa. Dan beda jinbena fl-1930 u dam ftit mhux ħażin ma tlesta minħabba li anke dewmet ix-xogħol it-tieni gwerra dinjija. Ma’ dan l-isptar żdied l-ieħor bl-isem ta’ Karin Grech fis-snin tmenin. L-isptar San Luqa sar l-isptar ġenerali ta’ Malta wara dak tal-Furjana u dam jaqdi lill-poplu sal-1 ta’ Lulju tas-sena 2007 meta nfetaħ l-isptar Mater Dei.

Ta’ min jgħid li f’Tal-Pietà nsibu żewġ binjiet ta’ xandir. L-istazzjonijiet tar-radju u tat-televizzjoni nazzjonali jinsabu fit-triq li twassal għall-isptar filwaqt li l-istazzjonijiet tax-xandir tal-Partit Nazzjonalista wkoll jinsabu f’Tal-Pietà, sewwa sew fi Triq id-Duluri u l-akwati.

Daqxejn ta’ raħal tabilħaqq imma huwa raħal interessanti ħafna.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  8 ta' Ġunju 2019