Visualizzazione post con etichetta italja. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta italja. Mostra tutti i post

sabato 21 ottobre 2023

Il-Prinċipat ta’ Monaco


It-tieni l-iżgħar stat li nsibu fid-dinja huwa dak imsejjaħ bħala l-Prinċipat ta’ Monaco. Dan huwa stat imdawwar għal kollox minn Franza u għandu xtajta mal-Baħar Mediterran. It-territorju tiegħu huwa strixxa dejqa ta' art fuq il-Côte d'Azur fl-Alpi u l-ogħla punt tagħha jinsab fil-quċċata ta' Chemin des Révoires, 163 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar, fuq il-kosta tal-Baħar Ligurjan, 18-il kilometru fil-lvant ta’ Nizza u 14-il km fil-Lbiċ ta' Ventimiglia u fuq il-fruntiera mal -Italja. Bħala stat sovran indipendenti, twieled biss fl-1815 imma għandu storja bil-wisq itwal. Il-kostituzzjoni ta’ dan l-istat stabbilixxiet li l-lingwa uffiċjali tal-Prinċipat hija l-Franċiż. Madankollu, it-Taljan huwa wkoll użat ħafna; id-djalett Monegask, għalkemm mitkellem sewwa wkoll, huwa biss it-tielet lingwa wara t-tnejn imsemmija. Iċ-ċittadini tal-Prinċipat jissejħu Monegasques. Il-popolazzjoni ta’ Monaco tlaħħaq ftit aktar minn 38,000 ruħ. Meta tqis li dan il-Prinċipat ma fihx aktar minn żewġ kilometri kwadri, jew ftit aktar, tinduna li mhux ta’ b’xejn huwa l-aktar pajjiż dens fid-dinja. Minkejja li ma huwix membru tal-Unjoni Ewropea, il-munita tal-post hija l-Ewro




Storja

Dawn l-inħawi kienu abitati sa mill perjodu Neolitiku, il-fortizza u l-port naturali li hemm kienu joffru kenn għall-popolazzjonijiet primittivi. Wara l-preżenza tal-Feniċi  it-territorju Monegask kien maħkum mill-Griegi, li sejħulu Monoïkos (Μόνοικος), li minnu ħareġ l-isem "Monaco". Dan l-isem aktar tard ġie Latinizzat f’Portus Herculis Monoeci mir- Rumani, li ħadu din ix-xaqliba u l- inħawi tal-madwar b’mod permanenti fis-sena 122 qabel Kristu. It-territorju kien parti mil-Ligurja taħt l-Imperu Ruman u sar jagħmel parti mir-Renju Lombard fi żmien Karlu Manju. Kien biss fl-1489 li r-Re Karlu VIII ta’ Franza rrikonoxxa l-awtonomija tat-territorju Monegas, u uffiċjalment iggarantixxa l-protezzjoni militari tiegħu. Madankollu, fl-1524 , ir-Re Spanjol Karlu V impona l-ħakma Spanjola fuq Monaco, iżda ftit għexieren ta’ snin wara r- Renju ta’ Franza reġa’ kien il-garanti tiegħu.

Fl-1612 il-familja Grimaldi ngħataw it-titlu ta' Prinċpijiet u Monaco sar Prinċipat leġittimament. Dak iż-żmien it-territorju Monegask kien aktar estensiv milli hu llum. Fl- 1911, wara sensiela ta' protesti fit-toroq, magħrufa bħala r- rivoluzzjoni Monegaska, il-Prinċipat irreveda s-sistema ta' gvern tiegħu u waqqaf il-forma ta' monarkija kostituzzjonali. Il-pajjiż inqasam fi tliet muniċipalitajiet ta' Monaco Vieux , Monte Carlo u La Condamine. Wara l-1917 it-tliet muniċipalitajiet saru erba' distretti, biż-żieda ta' Fontvieille u reġgħu ingħaqdu fil-muniċipalità waħdanija  ta’ Monaco. L-aktar trasformazzjoni riċenti u radikali tal-Prinċipat hija dovuta lill-Prinċep Ranieri III li, wara li tela’ fuq it-tron fl- 1949, kompla bit-twettiq tal-proġett ambizzjuż li jinħoloq minn Monaco ċentru turistiku internazzjonali ta’ livell għoli. Din l-intenzjoni saret aktar faċli wara l-laqgħa tiegħu mal-famuża attriċi Amerikana Grace Kelly, li saret martu fl- 1956.

Illum dan il-Prinċipat huwa mmexxi mill-Prinċep Albert Alexandre Louis Pierre Grimaldi li huwa l-uniku iben tal-Prinċep Ranieri u Grace Kelly. Ilu jmexxi dan l-istat mis-6 ta’ April tas-sena 2005.

Il-Palazz tal-Prinċpijiet

Il-Palazz tal-Prinċep ta’ Monaco jinsabu fuq il-quċċata tal-għolja, fid- distrett ta' Monaco-Ville, xi drabi jissejjaħ il-Palazz Grimaldi iżda huwa magħruf mill-Monegaski bħala l-Palais Princier u huwa r-residenza uffiċjali tal-prinċep. Oriġinarjament inbena fl-1191 bħala fortizza. Mill-1297 saret ir-residenza tal-antenati tal-familja Grimaldi li ħakmet fuq l-inħawi, l-ewwel bħala sidien fewdali u mbagħad mis- seklu 17 bħala prinċpijiet sovrani. Għal din ir-raġuni, filwaqt li l-maġġoranza tas-sovrani Ewropej bnew palazzi lussużi Rinaxximentali u Barokki, il-politika u s-sens komun tas-sovrani Monegaski wassluhom biex isaħħu darhom u jagħmluha bħala fortizza. Taħt il-gvern ta’ Ranieri III sar tibdil kbir fil-bini tal-palazz, ġew restawrati xi strutturi meqruda matul ir-rivoluzzjoni Franċiża u sar il-bini mill-ġdid ta’ parti mill-appartamenti fejn tgħix il-familja prinċiparja. Illum sar attrazzjoni ewlenija ta’ dan il-Prinċipat.

Grand Prix u aktar

Kull min hu dilettant tat-tlielaq tal-Formula One, jaf li hawn issir ukoll waħda mit-tlielaq. L-ewwel Grand Prix ta’ Monaco sar fl-14 ta’ April 1929. Forsi jkun hawn min jaħseb u jgħid kif f’żewġ kilometri kwadri li jokkupa dal-pajjiż hemm korsa għat-tlielaq tal-karozzi? Fil-fatt ma hemmx u din it-tellieqa ssir fit-toroq ta’ dan il-prinċipat.

Monaco huwa fuq kollox post turistiku. Wieħed ikun jista’ jżur parti mill-palazz tal-Prinċep, biss dan jista’ jsir meta l-Prinċep ma jkunx fil-palazz. Jekk il-bandiera tal-pajjiż tkun qed tittajajr fuq il-palazz ikun ifisser li l-prinċep ikun id-dar. Quddiem il-palazz isir il-bdil tal-gwardja li hija spettaklu li wieħed żgur jieħu gost jara. Il-Casino de Monte Carlo huwa wieħed mill-casinos l-aktar famużi fid-dinja li wieħed ta’ min iżuru wkoll. Jardin Exotique huwa ġnien pubbliku mill-isbaħ. Il-Katidral ta’ Monaco jispikka minħabba l-ġebel abjad li ntuża fil-bini tiegħu. Huwa mibni fuq l-istil Ruman-Biżantin, il-katidral fih il-fdalijiet tal-ex prinċpijiet ta’ Monaco inkluż il-Prinċep Rainier.

Insomma veru Monaco huwa post is-sinjurni, imma wieħed jista’ jżuru mqar għal ġurnata waħda biss.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 21 ta' Ottubru 2023



sabato 10 giugno 2023

MARGERITA

 

Bosta snin ilu, sewwasew meta kont għadni nistudja Napli, kellna laqgħa u fil-bidu kulħadd beda jintroduċi lilu nnifsu. Wieħed minna xħin kien imiss lilu qam u qal: “Io vengo da un fiore!” – “Jiena ġej minn fjura!” Ħadd ma fehem x’ried jgħid imma mbagħad fisser dak li kien qal u dlonk fhimna li huwa kien minn post jismu Margherita di Savoia u billi l-isem Margherita huwa wkoll isem ta’ fjura għamel din il-logħba bid-diskors. Jekk wieħed jaħseb ftit, l-isem Margerita huwa polivalenti, fih bosta tifsiriet. Naraw ftit.

Il-post

Nibda billi ngħid xi ħaġa żgħira dwar il-belt li ġġib dan l-isem. Margherita di Savoia hija belt Taljana ta' 11,180 abitant, illum fil- provinċja ta' Barletta-Andria-Trani fil- Puglia imma sal- 2004 kienet parti mill- provinċja ta' Foggia. Din il-belt hija magħrufa għas-salini tal-melħ li fiha u li huma l-akbar fl-Ewropa u t-tieni l-akbar  fid-dinja, salini li huma rikonoxxuti bħala riżerva naturali statali. Sal-1879 Margherita di Savoia kienet imsejħa Saline di Barletta, propju minħabba dawn is-salini li hemm fiha. L-isem inbidel bħala unur lir-Reġina Margerita ta’ Savoia, l-ewwel Reġina tal-Italja,  imma l-abitanti tal-belt illum jissejħu  kemm Margeritani kif ukoll Salinari, kif kienu jissejħu sa qabel inbidel isem il-belt. 

Ir-Reġina

Margerita ta' Savoia twieldet  Turin fl-20 ta' Novembru 1851 u mietet f’Bordighera fir-reġjun tal-Liguria fl- 4 ta' Jannar 1926. Hija kienet ir-reġina konsorti tar-Re Umbertu I u l-ewwel reġina konsorti tal-Italja. Forsi min hu midħla tal-istorja jgħid li l-ewwel re tal-Italja kien Vittoria Emanuele II, allura kif martu ma kinitx l-ewwel reġina konsorti? Il-mara ta’ Vittorio Emanuele II ta' Savoia, Maria Adelaide tal-Awstrija , kienet fil-fatt mietet fl- 1855, qabel ma r-Renju tal-Italja ġie mwaqqaf fl-1861. Bħala reġina tal-Italja, hija kellha  influwenza konsiderevoli fuq l-għażliet ta’ żewġha imma kellha seħer kbir fuq il-popolazzjoni Taljana. Skont l-istoriku Ugoberto Alfassio Grimaldi, Margerita ta’ Savoia kienet il-figura politika tal-Italja magħquda li qajjem “entużjażmu kbir fil-klassijiet ta’ fuq u ta’ isfel” wara Giuseppe Garibaldi u Benito Mussolini.

Il-pizza

Mela ħabiba tiegħi kellha tifla u xtaqet li ssemmiha Margerita. Mhux biss għax hija minn Ta’ Sannat imma wkoll għax isem sabiħ. Xi ħadd qalilha: “Int se ssemmi lil bintek għall-pizza?” Biddlet ħsiebha u semmietha mod ieħor. Biss dan huwa argument ħażin għax sewwasew hija l-pizza li ssemmiet għal persuna u mhux bil-kontra. Il-Pizza Margerita hija l- pizza tipika Naplitana , mimlija bit-tadam, mozzarella, ħabaq frisk, melħ u żejt li flimkien mal-pizza marinara, (li ma hijiex il-marinara li nsibu Malta għax dik fl-Italja tissejjaħ Frutti di Mare) hija l-aktar pizza popolari fl-Italja.

F'Ġunju 1889, biex jonora lir- Reġina tal-Italja, Margerita ta' Savoia , il-pizzar Raffaele Esposito tal-Pizzeria Brandi vvinta platt li sejjaħ Pizza Margerita. Waqt iż-żjara f’Napli tar-re tal-Italja Umbertu I ta’ Savoia u martu, dan il-pizzar intalab iħejji l-ikel għall-familja rjali fil-palazz ta’ Capodimonte. Il-pizza Margerita fiha tadam, ta’ lewn aħmar, mozzarella ta’ kulur abjad u ħabaq aħdar. Dawn it-tliet kuluri jiffurmaw il-bandiera Taljana. Jingħad li din il-pizza tant għoġbot lir-reġina li l-pizzar taha isimha, u hekk għadha tissejjaħ sal-lum.

Qed tara Marì, għidilha lil dik il-persuna li lil bintek għal persuna rjali kont ser issemmiha u mhux għall-pizza.

Il-fjura


Dik li bl-Ingliż tissejjaħ Daisy, bil-Malti , bħal fit-Taljan, insejħulha Margerita. L-isem xjentifiku tagħha huwa Leucanthemum vulgare li ġej minn żewġ kelmiet Griegi, leukos  li tfisser abjad u anthemon li tfisser fjura. Hija fjuri li tikber ħafna fl-ambjent Mediterranju. Insibu bosta tipi ta’ din il-fjura fosthom dik selvaġġa li tissejjaħ “lelluxa” pjanta li nsibuha b’mod abbundanti anke f’pajjiżna.

Minkejja li forsi ftit jadfu, il-Margerita għandha wkoll użu fil-kċina. Jingħad li l-blanzun tagħha jekk ikun immarinat jiġi qisu kappar.

U l-qaddisa

Ma nistgħux ngħidu dan kollu u nħallu barra l-qaddisa li ġġib dan l-isem. Biex ngħidu s-sewwa, hemm bosta qaddisin u beati li jġibu dan l-isem jew li dan huwa parti minn isimhom, bħal ngħidu aħna Santa Margerita tal-Iskozja, Santa Margerita tal-Ungerija u Santa Margerita Marija Alacoque. Ngħidu wkoll li hemm beata li ġġib l-isem ta’ Margerita ta’ Savoia, iżda ma hijiex ir-reġina li semmejna qabel.

Santa Margerita Verġni u Martri, li biex nifthemu, għaliha hija ddeikata il-knisja parrokkjali ta’ Sannat Għawdex, jingħad li kienet bint qassis pagan minn Antijoka tal-Pisidja  li kkonvertiet għall-Kristjaneżmu. Hija sofriet il-martirju għall-ħabta tas-sena 290 meta kien għad kellha biss 15-il sena. Din il-qaddisa hija waħda mill-14-il qaddis awżiljatur, u hi mitluba kontra l-mard tal-kliewi. Hija wkoll il-patruna li tipproteġi lin-nisa u lit-tarbija waqt it-tqala u l-ħlas. Niċċelebraw il-festa tagħha fl-20 ta’ Lulju.

Dawn huma kollha Margeriti li huwa isem ġej mill-Grieg li jfisser perla.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 10 ta' Ġunju 2023



venerdì 25 novembre 2022

Bologna

Bologna hija l-kapitali tar-reġjun Emilia Romagna. Hija belt li fiha bosta universitajiet u għalhekk bla dubju hija belt mimlija studenti żgħażagħ. Hija belt li fil-medjuevu kienet imdawra bis-swar u kellha 12-il bieb. Kienet belt li tagħmel parti mill-istati pontifiċji. Hija belt ċentru ta’ kultura u attività artistika u tista’ tgħid li ta’ kuljum, sajf u xitwa ssib xi attivita kulturali għaddejja. Hemm insibu is-sitt l-akbar knisja fid-dinja, u jekk tqis il-bażilika tal-Vatikan bħala ’l barra minn l-Italja, tiġi it-tielet l-akbar knisja fl-Italja. Illum Bologna bejn iċ-ċentru u l-periferija hija d-dar ta’ madwar miljun ruħ, imma ċ-ċentru storiku ma huwiex daqstant kbir li wieħed idum ħafna sabiex iżuru. Iżda minkejja ċ-ċokon taċ-ċentru storiku, hemm bosta x’ wieħed iżur.


X’tara

 

Il-bosta mużewijiet ta’ din il-Belt huma kollha bla ħlas is-sena kollha. Bejn mużewijiet statali u dawk ekkleżjali nsibu xejn inqas minn 43 wieħed fiċ-ċentru ta’ Bologna. Forsi l-aktar magħrufin u tajjeb wieħed iżurhom huma dak arkeloġiku, il Mużew Ċiviku Medjevali, Il-pinoteka tal-arti kif ukoll il-mużew tal-Knisja ta’ San Petronju. Barra minn dawn hemm bosta knejjes li huma mużew fihom infushom. Forsi l-aktar qaddis magħruf fid-Dinja li għandu rabta ma’ din il-Belt huwa San Duminku. Minkejja li huwa kien Spanjol, huwa għażel lil din il-belt biex tkun pilastru tal-ordni tiegħu. Illum dan il-qaddis ghadu midfun hemm, fil-knisja ddedikata lil San Nikola u lilu. Il-qabar ta’ dan il-qaddis huwa kapolavur ta’ arti, xogħol ta’ bosta surmastrijiet tal-arti bħalma huma Nicola Pisana, Michelangelo Buonarrotti u Guido Reni

 

San Petronju

 

Semmejna aktar il fuq it-tielet l-akbar knisja tal-Italja. Din hija l-Bażilika ta’ San Petronju. Semmejna diġa l-mużew tagħha wkoll. Quddiem din il-bażilika hemm tliet pjazez imissu ma- xulxin: Piazza Maggiore, Piazza del Nettuno u Piazza Re Enzo. Piazza maggiore hija l-pjazza li għaliha Lucio Dalla, iben din il-Belt, kiteb il-kanzunetta popolari Piazza Grande. Ġewwa l-Bażilika ta’ San Petronju nsibu wkoll għadd ta’ opri artisitċi. Forsi l-aktar ħaġa li tiġbed nies biex jaraw f’din il-Knisja, u l-aktar opra li toħloq kontroversji hija l-pittura tal-ġudizzju universali li fiha jidher Mawmettu. Interessanti wkoll f’din il-knisja huwa l-arloġġ tax-xemx li hemm fl-art. Minn toqba żgħira fis-saqaf jidħol raġġ ta’ dawl li jimmarka l-ħin.

Knisja oħra li tajjeb wieħed iżur hija dik ta’ San Stiefnu. Fil-verità din hija kumpless ta’ knejjes, seba’ knejjes imissu waħda mal-oħra. It-tadizzjoni tgħid li kien San Petronju stess li ried li tinbena dil-knisja, li biż-żmien saret kumpless ta’ knejjes. Wieħed jista' jżur il-kjostru u jidħol ukoll fil-ħanut li jbiegħ prodotti tipiċi maħdumin mill-patrijiet tal-monasteru li hemm imiss mal-knejjes u minn monasteri oħra mifruxin madwar l-Italja.

 Il-Belt

 

Iċ-ċentru huwa dominat mit-torrijiet Asinelli. Huma żewġ torrijiet simbolu tal-belt. L-itwal wieħed huwa għoli 97 metru. L-itwal torri fl-Italja. It-torri ta’ ħdejh huwa iqsar u huwa mmejjel u huwa twil 48 metru. It-torri t-twil huwa miftuħ għall-pubbliku u wieħed jista’ jitla jara veduta mill-isbaħ ta’ din il-belt. Simbolu ieħor tal-belt huwa l-istatwa ta’ Nettunu li nsibu fil-pjazza msemmija għalih. Ħaġa unika ta’ Bologna hija l-għadd ta’ loġoġ li jdawru l-belt. Madwar 34 kilometru ta’ loġoġ huma mifruxin mal-belt kollha. Din il-ħaġa tagħmel lil din il-belt unika li anke fix-xita wieħed jista' joħroġ jippassiġa mingħajr ma jkun jeħtieġ umbrella. Dawn il-loġoġ huma wkoll attrazjoni matul il-lejl. Passiġġata ħelwa taħt dawn il-logog tista’ twasslek sas-santwarju tal-Madonna di San Luca. Dan huwa l-aktar santwarju maħbub għall-Boloniżi u ta’ kull sena jsiru pellegrinaġġi għalih. Hemm daqxejn telgħa mhux ħażin, imma meta wieħed jasal fuq l-għolja fejn hemm dan is-santwarju jkun jista’ jgawdi veduta li minn imkien ma jkun jista' jaraha.

 

Ikel

Tajjeb nagħtu ħarsa gastronomika u naraw x’toffri dil-belt. Iz-zalza bolgonese ħadet l-isem tal-belt. It-tortellini fil-brodu huma speċjalità. Hemm tip ta’ għaġin li jsir fid-djar, jissejjaħ pasatelle, li jagħmel brodu tajjeb ħafna. Dan il-platt issibu biss Bolgona u jekk wieħed ikun hemm jagħmel tajjeb li jistaqsi għalih. Imbagħad ma nistgħux ma nsemmux il-mortadella ta’ Bologna, magħrufa mat-Taljani kollha bħala l-itjeb ta’ pajjiżhom. Ikel tipiku ieħor ta’ Bologna huma il-frittelle, għaġina tal-ħobż moqlija, maqsuma meta tkun għadha taħraq u mimlija bil-mortadella jew salami jew skont dak li jiggosta  dak li jkun. Bomba fil-kalaoriji, imma tajba fit-togħma u ta’ min jippruvaha!

 

Bologna fuq kollox għandha ajruport li minnu jtiru ajruplani lejn Malta għalhekk faċli li wieħed iżurha!

Fr. Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 26 ta' Novembru 2022



sabato 24 luglio 2021

Ir-reġjun tal-Basilicata

 

Aktar ma jidħol is-sajf aktar dak li jkun iħoss ix-xewqa ta’ xi vaganza lil hinn mix-xtut ta’ pajjiżna. Il-pandemija ħarbtet lil kulħadd, ħassret il-pjanijiet kollha li kellna u kkanċellat is-safar li kellna ppjanat imma qatt ma tista’ tnaqqas ix-xewqa li nsiru nafu dwar xi post jew pajjiż li nistgħu nżuru ladarba nerġgħu naqbdu r-rutina ta’ qabel. Illum nixtieq naqsam magħkom xi tagħrif dwar reġjun Taljan li għandi l-impressjoni li ma tantx huwa popolari magħna l-Maltin minkejja li mhux wisq imbiegħed. Qed ngħid għall-Basilicata. Jekk l-Italja narawha bħala żarbuna, dan ir-reġjun jiġi sewwasew fl-għaksa.

Ir-reġjun

Bħala reġjun dan insibuh imiss mal-Calabria, il-Puglia u l-Campania. Għandu parti fix-xatt tal-baħar Tirren kif ukoll xatt fil-baħar Jonju. Huwa reġjun żgħir minkejja li ma huwiex l-iżgħar reġjun Taljan. Huwa it-tielet l-iżgħar bil-Molise u Valle d’Aosta jiġu warajh. Hawn qed nirreferi għall-popolazzjoni għax bħala kobor insibu li minbarra dawn iż-żewġ reġjuni li diġà semmejt, lill-Umbria, lill-Friuli-Venezia Giulia, lill-Liguria u lill-Marche wkoll iżgħar fid-daqs. Il-Basilicata jgħixu fiha ftit aktar minn nofs miljun ruħ u hija mifruxa fuq ftit aktar minn għaxat elef kilometru kwadru. Hemm żewġ provinċji, dik ta’ Potenza, li tinsab fuq in-naħa tal-baħar Tirren, u dik ta’ Matera li tmiss mal-baħar Jonju. Il-capoluogo tar-reġjun hija l-belt ta’ Potenza. Hemm mija u wieħed u tletin kunsill lokali, mija minnhom fil-provinċja ta’ Potenza u l-kumplament f’dik ta’ Matera. Ta’ interess partikolari huwa l-fatt li n-nies ta’ dan ir-reġjun ma jissejħux Basilikati jew xi ħaġa simili imma jgħidulhom Lucani.

Dan huwa reġjun muntanjuż li 8% tal-art tiegħu biss hija pjanura u l-bqija muntanji u għoljiet. Fir-reġjun hemm vulkan mhux attiv bl-isem ta’ Monte Vulture. Fenomeni vulkaniċi sekondarji kienu nnutati minnu sal-1820. Bil-klima Mediterranja u bil-muntanji u l-widien li jinstabu f’dan ir-reġjun, huwa post tajjeb ħafna għall-industrija tal-films kif ukoll għal vaganza għall-kwiet.

Potenza

Potenza
Tassew li Potenza hija l-akbar proivinċja ta’ dan ir-reġjun imma minbarra isem ta’ provinċja nsibu wkoll Belt. Din hija belt li tinsab aktar minn tmien mitt metru ’l fuq mill-baħar u fiha jgħixu madwar sitta u sittin elf ruħ. Iċ-ċentru storiku ta’ din il-belt huwa għani fejn jidħol bini li jmur lura għal żmien il-Medjuevu. Insibu knejjes u palazzi li mhux ta’ min ma jżurhomx ladarba jkun hemmhekk.

Il-katidral ta’ San Ġerardu huwa l-knisja prinċipali tal-post u nsibuh fil-qalba tal-belt. Minn skavi li saru sar magħruf li dan inbena fuq xi binja Rumana, biss il-binja tal-lum hija waħda medjevali. Fl-1930 kien ġarrab ħsarat kbar f’terremot li kien sar u għalhekk kellu jsiru restawr estensiv fuqu. Reġa’ sofra bosta ħsarat waqt it-tieni gwerra dinjija għax intlaqat waqt ħbit mill-ajru. Reġa’ kien restawrat u nfetaħ fl-1950, biss kif ngħidu aħna l-Maltin, fuq tliet toqgħod il-borma. Fl-1980 ġarrab ħsarat oħra mit-terremot li kien heżżeż liż-żona. Hemm bosta knejjes oħra ta’ interess bħalma huma dawk ta’ San Franġisk, ta’ San Mikiel u l-monasteru ta’ San Luqa. Fost il-bosta palazzi tal-belt ma nsitgħux ma nsemmux dak li jissejjaħ Palazzo della Prefettura. Wieħed jista’ jżur ukoll bosta ġonna li jsebbħu lil din il-belt.

Matera

Matera
Belt oħra popolari fir-reġjun ta’ Basilicata hija dik li wkoll isimha huwa wkoll isem tal-provinċja. Matera tinsab aktar lejn il-Puglia u jgħixu fiha madwar sittin elf ruħ. Tinsab erba’ mitt metru ’l fuq il-livell tal-baħar. Hawn isibu dak li jissejjah Sassi di Matera, post magħruf mad-dinja kollha għaliex huwa parti minn belt l-aktar antika fid-dinja li għadha abitata sal-lum. Fl-1993 il-UNESCO għarfet dan il-post bħala wirt tal-umanità. Hemm ħafna x’wieħed jara fil-belt, il-katidral fuq stil Romanesk u l-knejjes ta’ San Ġwann Battista, u dik maestuża ta’ San Franġisk ta’ Assisi fost oħrajn. Fost il-bosta palazzi sbieħ tal-belt wieħed għandu jżur Palazzo Sedile u Palazzo Lanfranchi.

Matera kien il-post li fih inħadmu bosta films popolari. Insemmi biss The Gospel According to St. Matthew  ta’ Pier Paolo Pasolini, Ben Hur tal-2016 u The Pasion of the Christ ta’ Mel Gibson. Minħabba l-ambjent naturali primittiv li għadu kkonservat f’dawn l-inħawi, bosta diretturi tal-film jippreferu dan il-post meta jkunu ser jaħdmu xi xeni antiki, l-aktar fil-films bibliċi. Mhux films bibliċi biss inħadmu f’Matera imma bosta oħrajn ukoll.

Biex tasal

Billi l-Basilicata tmiss ma’ Campania u mal-Puglia wieħed jista’ jasal għaliha kemm mill-ajruport ta’ Bari kif ukoll minn dak ta’ Napli. Jekk wieħed minn Ruma jkun irid jinżel Matera jew Potenza bil-ferrovija jrid ilesti ruħu għal vjagg ta’ bejn sitta u di’sa sigħat u jkollu jbiddel xi erba’ ferroviji. Tabilħaqq li s-servizz tal-ferrovija f’din il-parti tal-Italja mhux effiċjenti daqs in-naħa ta’ fuq tal-pajjiż, imma wieħed jista’ jinqeda bih faċilment.

Illum rajna ftit reġjun Taljan li ftit nafu dwaru imma li fih ħafna x’wieħed jara.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 24 ta' Lulju 2021





venerdì 19 giugno 2020

Turiżmu fl-isbaħ post tad-dinja


Mhux ser tkun l-intenzjoni tiegħi li f’dan l-artiklu nipprova nara liema hu l-pajjiż li jikkwalifika bħala l-isbaħ wieħed li ħawn fuq wiċċ id-dinja. Tmur fejn tmur kllimkien hemm is-sabiħ u l-ikrah tiegħu. Il-ħsieb tiegħi illum ġie wara li bdejt nara ħafna reklami fuq l-istazzjonijiet televiżivi Taljani li jirriklamaw it-turiżmu intern. F’dan ir-reklam jingħad il-kliem li l-Italja huwa l-isbaħ pajjiż fid-dinja. Ngħidu li kulħadd jiftaħar b’rixu imma jkollna nammettu li l-Italja minkejja l-eluf ta’ problemi li jeżistu fiha, għandha rix mhux ħazin biex tiftaħar.

Turiżmu intern
Meta l-pajjiż ikun kbir bħala hu l-Italja wieħed faċli jagħmel vaganza bla ma joħroġ mill-pajjiż. Meta kont nistudja l-Italja ġieli ltqajt ma’ nies li qatt ma ħarġu mill-Italja imma jafu pajjiżhom bl-aktar dettall. Qed insemmi l-Italja għax hu pajjiż ġar tagħna u ħafna minna jafuh sewwa, biss din il-ħaġa tiġri wkoll fi Franza, l-Ġermanja, l-Ingilterra u f’kull pajjiż kbir ieħor.

It-turiżmu intern, kif jissejjaħ dan it-tip ta’ turiżmu, jiġġenera parti sostanzjali mill-ekonomija f’kull pajjiż, biss fejn jidħlu pajjiżi żgħar bħal tagħna ftit li xejn nistgħu ngħidu li dan it-tip ta’ turiżmu huwa popolari. Ngħiduha kif inhi, jekk aħna mmorru f’xi bajja, nistgħu bla nkwiet ta’ xejn ngħaddu jum sħiħ hemm u filgħaxija naqbdu l-karozza u neġgħu lura lejn id-dar. F’pajjiżi kbar min ma joqgħodx qrib il-baħar ma jmurx jgħum kuljum jew kull nhar ta’ Ħadd imma jagħmel dan fil-vaganzi biss. Hawn issa qed insemmu vantaġġ li nsibu f’pajjiżi żgħar bħal tagħna.

Turisti Maltin
Aħna ftit li xejn nafu nkunu turisti f’pajjiżna stess. L-aktar l-aktar immorru xi ġimgħa Għawdex fis-sajf. Dan  huwa l-aqwa turiżmu intern f’pajjiżna, minn Malta għal Għawdex u mhux bil-kontra. Ftit huma dawk l-Għawdxin li jitħajru jiġu Malta għall-vaganzi tagħhom. U ngħiduha kif inhi, vaganzi tkun tridhom biex tistrih u allura l-Għawdxin jippreferu jibqgħu fi gżirithom għas-serħan. Waħda mara Għawdxija darba qaltli li kienet ġiet biex tqatta’ tmiem il-ġimgħa Malta, imma ma setgħetx tissaporti l-ħsejjes tal-karozzi lejl u nhar għaddejjin mit-triq tad-dar li kienet kriet, għalhekk lanqas temmet dik il-vaganza imma telqet lejn Għawdex malli sebaħ l-għada filgħodu. Ma nlumhiex, din imdorrija fir-raħal taż-Żebbuġ u tiġi jumejn San Pawl il-Baħar taraha d-differenza.

Illum hawn ħafna li jagħmlu dak li qed insejħulhom weekend break u hawn nistgħu ngħidu li anke l-Għawdxin iħobbu jagħmluha din il-ħaġa. Biss dan it-tip ta’ turiżmu ma jħajjarx l-edukazzjoni kuturali iżda aktarx iħajjar il-kultura tal-ikel għax ġranet bħal dawn ikunu kkaratterizzati minn ikel bl-abbundanza.

Wisq nibża’ li t-turiżmu intern Malti, jew aħjar dak in-naqra li għandna, jgħib għal kollox kemm-il darba l-ħolma tal-mina li tgħaqqad il-ġżejjer tagħna ssir realtà.

Diversità
Ejjew nerġgħu lura għall-Italja. Dan il-pajjiż joffri mhux biss xenarji sbieħ minn fuq sa isfel iżda wkoll btajjel li jistgħu jkunu differenti għal kollox. Jekk wieħed imur lejn in-naħa ta’ fuq kemm lejn Valle d’Aosta kif ukoll lejn Trentino Alto Adige, imsejjaħ ukoll is-Sud Tiroll, jista’ jgawdi xenarji mill-isbaħ ta’ muntanji. Fix-xhur xitwin jista’ jmur jiżżerżaq fuq is-silġ jekk ikun dilettant. Jekk imbagħad wieħed jinżel lejn il-Calabria, jew il-Puglia, minkejja li jkun għadu fl-istess pajjiż, ikun jista’ jgawdi minn xenarji differenti. Issa minflok is-silġ naraw il-baħar. Hawn allura qed naraw li dan il-pajjiż jista’ joffri btajjel differenti anke skont ix-xhur li jsiru, Fix-xitwa mhux ser tmur fejn il-baħar u fis-sajf wieħed ifittex ix-xtajta aktar mill-muntanji.

Minbarra x-xenarji f’pajjiż kbir insbu wkoll diversità fil-kċina. Platti tipiċi tal-Italja ta’ fuq ma titħajjarx idduqhom minn Ruma ’l isfel u platti li ssib fir-reġjuni ta’ Campania, jew Calabria, Molise, Puglia., Basilicata eċċetra donnu jkun fihom palat aqwa jekk tikolhom f’din in-naħa tal-pajjiż. Niftakar darba kont Cervinia u wara l-polenta staqsewna jekk bħala deżerta rridux il-pastiera Naplitana. Dak iż-żmien kont ngħix Napli bħal dawk li kont magħhom. Infqajna nidħqu għax il-pastiera ma ssibx aħjar minn meta tissajjar Napli bħalma l-polenta tintiegħem itjeb fuq l-Alpi.

Hawn nerġa’ nqabbel il-pajjiż ġar tagħna ma’ pajjiżna. Ikollna nammettu li dak li joffri Marsaxlokk jew Wied il-Għajn, issibu l-Għarb jew San Lawrenz. Tassew li x-xenarju jinbidel xi ftit imma ma jkunx hemm differnza kbira bħal meta nqabblu s-silġ mal-baħar. Dan huwa żvantaġġ għalina li ngħixu f’pajjiż ċkejken.

Mill-banda l-oħra fejn tidħol kċina nistgħu ngħidu li xi naqra differenza nsibu. Iżda xorta waħda, prodott li jsir Għawdex jasal Malta bla problemi ta’ xejn.

Rajna fuq fuq id-differenza li jeżistu fejn jidħol turiżmu intern bejn pajjiż u pajjiż. Ikollna nammettu li ċ-ċokon huwa dejjem żvantaġġ fejn jidħol dani t-tip ta’ turiżmu.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 20 ta' Ġunju 2020