It-tieni l-iżgħar stat li nsibu
fid-dinja huwa dak imsejjaħ bħala l-Prinċipat ta’ Monaco. Dan huwa stat
imdawwar għal kollox minn Franza u għandu xtajta mal-Baħar Mediterran. It-territorju
tiegħu huwa strixxa dejqa ta' art fuq il-Côte d'Azur fl-Alpi u l-ogħla punt
tagħha jinsab fil-quċċata ta' Chemin des Révoires, 163 metru 'l fuq mil-livell
tal-baħar, fuq il-kosta tal-Baħar Ligurjan, 18-il kilometru fil-lvant ta’ Nizza
u 14-il km fil-Lbiċ ta' Ventimiglia u fuq il-fruntiera mal -Italja. Bħala stat
sovran indipendenti, twieled biss fl-1815 imma għandu storja bil-wisq itwal. Il-kostituzzjoni
ta’ dan l-istat stabbilixxiet li l-lingwa uffiċjali tal-Prinċipat hija
l-Franċiż. Madankollu, it-Taljan huwa wkoll użat ħafna; id-djalett Monegask,
għalkemm mitkellem sewwa wkoll, huwa biss it-tielet lingwa wara t-tnejn
imsemmija. Iċ-ċittadini tal-Prinċipat jissejħu Monegasques. Il-popolazzjoni ta’
Monaco tlaħħaq ftit aktar minn 38,000 ruħ. Meta tqis li dan il-Prinċipat ma
fihx aktar minn żewġ kilometri kwadri, jew ftit aktar, tinduna li mhux ta’
b’xejn huwa l-aktar pajjiż dens fid-dinja. Minkejja li ma huwix membru
tal-Unjoni Ewropea, il-munita tal-post hija l-Ewro
Storja
Dawn l-inħawi kienu abitati sa
mill perjodu Neolitiku, il-fortizza u l-port naturali li hemm kienu joffru kenn
għall-popolazzjonijiet primittivi. Wara l-preżenza tal-Feniċi it-territorju Monegask kien maħkum mill-Griegi,
li sejħulu Monoïkos (Μόνοικος), li minnu ħareġ l-isem "Monaco". Dan
l-isem aktar tard ġie Latinizzat f’Portus Herculis Monoeci mir- Rumani, li ħadu
din ix-xaqliba u l- inħawi tal-madwar b’mod permanenti fis-sena 122 qabel Kristu.
It-territorju kien parti mil-Ligurja taħt l-Imperu Ruman u sar jagħmel parti mir-Renju
Lombard fi żmien Karlu Manju. Kien biss fl-1489 li r-Re Karlu VIII ta’ Franza
rrikonoxxa l-awtonomija tat-territorju Monegas, u uffiċjalment iggarantixxa
l-protezzjoni militari tiegħu. Madankollu, fl-1524 , ir-Re Spanjol Karlu V
impona l-ħakma Spanjola fuq Monaco, iżda ftit għexieren ta’ snin wara r- Renju
ta’ Franza reġa’ kien il-garanti tiegħu.
Fl-1612 il-familja Grimaldi
ngħataw it-titlu ta' Prinċpijiet u Monaco sar Prinċipat leġittimament. Dak iż-żmien it-territorju Monegask
kien aktar estensiv milli hu llum. Fl- 1911, wara sensiela ta' protesti
fit-toroq, magħrufa bħala r- rivoluzzjoni Monegaska, il-Prinċipat irreveda
s-sistema ta' gvern tiegħu u waqqaf il-forma ta' monarkija kostituzzjonali. Il-pajjiż
inqasam fi tliet muniċipalitajiet ta' Monaco
Vieux , Monte Carlo u La Condamine.
Wara l-1917 it-tliet muniċipalitajiet saru erba' distretti, biż-żieda ta' Fontvieille u reġgħu ingħaqdu fil-muniċipalità
waħdanija ta’ Monaco. L-aktar
trasformazzjoni riċenti u radikali tal-Prinċipat hija dovuta lill-Prinċep
Ranieri III li, wara li tela’ fuq it-tron fl- 1949, kompla bit-twettiq
tal-proġett ambizzjuż li jinħoloq minn Monaco ċentru turistiku internazzjonali
ta’ livell għoli. Din l-intenzjoni saret aktar faċli wara l-laqgħa tiegħu
mal-famuża attriċi Amerikana Grace Kelly, li saret martu fl- 1956.
Illum dan il-Prinċipat huwa
mmexxi mill-Prinċep Albert Alexandre Louis Pierre Grimaldi li huwa l-uniku iben
tal-Prinċep Ranieri u Grace Kelly. Ilu jmexxi dan l-istat mis-6 ta’ April tas-sena 2005.
Il-Palazz
tal-Prinċpijiet
Grand Prix u aktar
Kull min hu dilettant tat-tlielaq
tal-Formula One, jaf li hawn issir ukoll waħda mit-tlielaq. L-ewwel Grand Prix
ta’ Monaco sar fl-14 ta’ April 1929. Forsi jkun hawn min jaħseb u jgħid kif
f’żewġ kilometri kwadri li jokkupa dal-pajjiż hemm korsa għat-tlielaq
tal-karozzi? Fil-fatt ma hemmx u din it-tellieqa ssir fit-toroq ta’ dan il-prinċipat.
Insomma veru Monaco huwa post
is-sinjurni, imma wieħed jista’ jżuru mqar għal ġurnata waħda biss.
Fr Reno Muscat
Nessun commento:
Posta un commento