sabato 14 ottobre 2023

It-Transulazzjoni

Issa nistgħu ngħidu li l-istaġun tal-festi sajfin li jsiru fil-parroċċi tagħna għadda, nixtieq naqsam magħkom mument importanti li jsir f’dawn il-festi u li nemmen li ħafna ma jagħrfux is-sinifikat tiegħu. Ġeneralment dan il-waqt ikun lejlet il-festa tard waranofsinhar. Hemmhekk ir-relikwija tal-qaddis jew qaddisa tittieħed bl-aktar mod solenni lejn l-altar maġġur, daqslikieku il-qaddis jew qaddisa patrun jew patruna jkunu huma stess preżenti fil-knisja.

Transulazzjoni

Appuntament importanti fil-festa Maltija huwa dak ta’ lejlet il-festa filgħaxija, dik li tissejjaħ it-transulazzjoni fejn, kif diġà għidt, ir-relikwa tal-qaddis jew qaddisa tinġarr minn xi kappella fil-parroċċa jew minn fuq xi artal fil-knisja parrokkjali stess għal fuq l-artal maġur biex titpoġġa għall-qima tal-pubbliku. Din hija drawwa li nsibuha fil-festa Maltija u ma jidher li tinstab fl-ebda festa oħra barra mill-gżejjer tagħna, iżda l-bidu ta’ din id-drawwa ma huwiex Malti.


Bidu

Jingħad li kien l-Isqof ta’ Milan Sant Ambroġ, li bejn is-snin 374 u 397 kien l-isqof ta’dik il-belt,  l-ewwel bniedem fil-Knisja Oċċidentali li fetaħ qabar ta’ martri u ħa l-fdalijiet ġewwa l-knisja u poġġiehom taħt l-artal. Fis-sena 386 tlesta l-bini ta’ knisja ġewwa Milan. Din kienet inbniet fuq xewqa tal-Isqof Ambroġ stess. Huwa ried li l-konsagrazzjoni ta’ din il-knisja ssir bħalma kien isir ġewwa Ruma. F’Ruma il-knejjes kienu jinbnew fuq l-oqbra tal-martri, iżda f’Milan ma ġarax hekk, allura Ambroġ ħaseb biex jinġiebu l-fdalijiet ta’ San Ġervażju u San Protasju Martri u jitpoġġew fil-kripta tal-knisja.  Lejlet il-konsagrazzjoni tal-knisja saret it-transulazzjoni mill-qabar għall-knisja u saret velja ta’ talb. Aktarx li din kienet l-ewwel transulazzjoni li qatt saret. Il-knisja li semmejna, illum hija magħrufa bħala l-Bażilika ta’ Sant Ambroġ. Fiha għadna nsibu l-fdalijiet ta’ dawn iż-żewġ qaddisin martri kif ukoll il-fdalijiet ta’ Sant Ambroġ stess.

Din il-ħaġa jidher li niżlet tajjeb u bdiet issir kullimkien. Lejlet il-konsagrazzjoni ta’ xi knisja bdiet issir transulazzjoni bil-fdalijiet ta’ xi qaddisin martri. Kienet issir purċissjoni minn xi post qrib il-knisja u matul il-lejl kienet issir velja ta’ talb. Din id-drawwa nsibuha mhux biss fir-rit Latin iżda wkoll f’dak Biżantin.

Fis-seklu XVI

Il-kongregazzjoni tar-riti liturġiċi ħarġet digriet  nhar id-19 ta’ Ottubru tas-sena 1691. Dan id-digriet kien jitlob li r-relikwi tal-qaddisin ikunu esposti għall-pubbliku fil-festa tagħhom. Minn hemm bdew isiru l-purċissjonijiet bir-relikwi ġewwa r-relikwarji lejlet il-festi titulari u sekondarji. Din id-drawwa ħadet post drawwa oħra aktar antika. Qabel, f’lejlet il-festa kienet issir purċissjoni qasira b’kurċifiss. Għadna nsibu xi kurċifissi minn dawn li kienu jintużaw għall-purċissjoni ta’ lejlet il-festa f’xi parroċċi antiki ta’ Malta.  

Qabel ma bdejna nsibu l-istatwi titulari tal-qaddis jew qaddisa fil-parroċċi tagħna, il-purċissjoni ta’ nhar il-festa kienet issir bir-relikwa. Din il-ħaġa ma nistgħux ngħidu li spiċċat, anzi l-aktar ħaġa importanti fil-purċissjoni tal-qaddis jew qaddisa ma hijiex l-istatwa iżda r-relikwa. Madankollu n-nies aktar donnha tkun ħsiebha fl-istatwa milli mir-relikwa – sfortunatament!


In-nar

Billi wieħed mill-elementi importanti fil-festa Maltija huwa l-logħob tan-nar, ma jistax jonqos li waqt it-transulazzjoni ma jinħaraqx xi nar. It-transulazzjoni saret appuntament importanti għal kull għaqda tan-nar u għalhekk tipprepara programm għaliha. Tabilħaqq li lejlet il-festa l-poplu aktar jiffoka fuq il-ħarqa li tkun sejra ssir aktar tard, iżda dan ma jnaqqasx mill-importanza tal-ħarqa li ssir waqt li tkun għaddejja t-trasulazzjoni. F’ dan il-waqt inkunu nistgħu napprezzaw xogħol pirotekniku bħalma huma s-salut, varjetà ta’ murtali u murtali bil-logħob kif ukoll il-kaxxa Spanjola. Nistgħu ngħidlu li t-transulazzjoni llum għandha wkoll l-element pirotekniku tagħha li jkompli jkabbarha għaliex matulha jista’ jinħaraq xogħol li ma narawx f’ħin ieħor matul il-ġimgħa tal-festa.

Mużika

Hemm fejn it-transulazzjoni tkun akkumpanjata minn xi banda. Mhux bil-fors jew mhux dejjem. Ikun hemm snin fejn il-festa tkun qed tiġi ċċelebrata b’pompi akbar minħabba xi aniversarju u għalhekk fi snin bħal dawn aktarx insibu li mat-teransulazzjoni jkun hemm xi banda. Hawn jidħol dan l-element importanti fil-festi tagħna, jiġifieri l-mużika, f’din iċ-ċelebrazzjoni li hija puramnet liturġika.

Mela nistgħu ngħidu li llum it-transulazzjoni saret dik li hi billi hemm bosta elementi li jiffurmawha. L-importanza ta’ din il-funzjoni hija kbira għaliex is-sens tagħha hu li l-qaddis patrun ikun milqugħ fil-knisja, ikkonsagrata lil Alla iżda taħt il-patroċinju ta’ dak il-qaddis, jew qaddisa. Mhux ta’ b’ xejn li t-transulazzjon issir b’ dik il-pompa kollha, iva għax tabilħaqq hekk jixraq.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 14 ta' Ottubru 2023



Nessun commento:

Posta un commento