Ix-xahar ta’ Ottubru huma magħruf
mad-dinja Kattolika bħala x-xahar tar-Rużarju. Forsi mhux kulħadd jaf li din
id-devozzjoni bdiet minn battalja bejn l-Insara u l-armata tal-Imperu Ottoman
fis-sena 1571. Il-Papa Piju V kien ħeġġeġ lill-Insara biex jitolbu t-talba
tar-Rużarju sabiex tasal ir-rebħa lill-Insara.
Lepanto
Il-battalja tal-1571
F’din il-battalja l-armata
tal-Imperu Ottoman tqabdet kontra l-koalizzjoni Kattolika organizzata mill-Papa
Piju V, koalizzjoni msejħa l-Lega Mqaddsa u li kienet iffurmata mill- Imperu
Spanjol, l-Istati Papali, ir- Repubblika ta’ Venezja, l-Ordni tal-kavallieri
ta’ Malta, ir- Repubblika ta’ Ġenova u d- Dukat ta’ Savoja. Il-forzi Ottomani
kienu qed ibaħħru lejn il-punent mill-port navali tagħhom f'Lepanto meta
ltaqgħu mal-flotta tal-Lega Mqaddsa li kienet qed tbaħħar lejn il-lvant minn
Messina, Sqallija. L-Imperu Spanjol u r-Repubblika Venezjana kienu l-potenzi
ewlenin f’ din il-koalizzjoni, peress li l-battalja kienet fil-biċċa l-kbira
ffinanzjata minn Filippu II ta’ Spanja u minn Venezja li kienet il-kontributur
ewlieni tax-xwieni.
Il-Kattoliċi, immexxija minn
Ġwanni tal-Awstrija, kienu rebbieħa u tletin xini Ottoman biss ġew salvati. Din
il-battalja tista’ tgħid li kienet il-waqfien tal-Imperu ottoman fil-mixja
tiegħu lejn l-Oċċident. Ma rridux ninsew li sitt snin qabel din l-istess armata
kienet assedjat pajjiżna f’dak li bqajna nsejħu “l-Assedju l-Kbir” ta’
pajjiżna. Lepanto huwa wkoll il-post fejn seħħet l-aħħar battalja fid-dinja
tal-Punent li kien miġġieled kważi kollu bejn xwieni tal-qdif. Dan kollu seħħ nhar is-7 ta’ Ottubru
tas-sena 1571.
It-talb u l-festa
Il-Papa Piju V, li kien ilu fit-tmun tal-Knisja
Kattolika mis-7 ta’ Jannar 1566, kien ħeġġeġ lid-Dinja Nisranija kollha biex
titlob it-talba tar-Rużarju sabiex il-qawwiet Insara jirbħu fuq dawk Torok.
Illum narawha stramba li mexxej ta’ Knisja jħeġġeġ lin-nies biex jitolbu għal
rebħa fi ġlieda. Iżda tajjeb li ma ninsewx li l-għan tal-Imperu Ottoman kien li
jaħkem l-Ewropa u minbarra li jkun hu li jmexxi, idaħħal ukoll il-fidi tiegħu
fuq il-poplu ta’ taħtu. Issa billi r-reliġjon tal-Ottomani kienet dik
Musulmana, il-Knisja ħassitha fil-bżonn li titlob għar-rebħa tal-Insara biex
ħaġa bħal din ma sseħħx. L-aħbar tar-rebħa tal-qawwiet Insara fuq it-Torok
waslet lil Piju V kmieni fit-22 ta’ Ottubru, u dakinhar filgħodu offra quddiesa
ta’ radd il-ħajr fil-Bażilika ta’ San Pietru f’Ruma. Huwa wera t-tamiet tiegħu
ta’ aktar suċċessi mill-Insara. Il-Papa Piju
V waqqaf il-festa tal-Madonna tal-Vitorja, nhar is-7 ta’ Ottubru, sabiex
ifakkar ir-rebħa f’Lepanto, li attribwixxa lill-Verġni Marija. Dan il-papa miet
sena wara. Fl-1573 il-Papa Girgor XIII biddel l-isem tal-festa u bdiet
tissejjaħ il-Festa tar-Rużarju Mqaddes , u l-istess papa kien ordna biex din
il-festa tiġi ċċelebrata fl-ewwel Ħadd ta’ Ottubru. Il-patri Dumnikan Juan
Lopez fil-ktieb tiegħu tal-1584 dwar ir-rużarju jgħid li l-festa tar-Rużarju
ġiet offruta “b’tifkira u b’gratitudni perpetwa tar-rebħa mirakoluża li l-Mulej
ta lill-poplu Nisrani dakinhar kontra l-armata Torka.”
Fl-1671 l-osservanza ta’ din il-festa ġiet
estiża minn Papa Klement X għal Spanja kollha, u ftit aktar tard Klement X,
wara r-rebħa fuq it-Torok miksuba mill-Prinċep Ewġenju fil-Battalja ta’ Petrovaradin
fil-5 ta’ Awwissu 1716, nhar il-festa tal-Madonna tas-Silġ, ikkmanda li l-festa
tar-Rużarju tibda tiġi ċċelebrata mill-Knisja Kattolika kollha. Il-Papa
Ljun XIII żied mal-Litanija tal-Madonna l-invokazzjoni “Sultana tar-Rużarju Imqaddes.”
Ottubru
Ta’ kull sena, madwar id-dinja
kollha, fil-Knisja Kattolika, ix-xahar ta’ Ottubru jfakkar fit-talba
tar-Rużarju. Il-bidu ta’ din id-devozzjoni, kif rajna, oriġina minn din
il-battalja. F’pajjiżna xejn inqas. Kważi kull parroċċa, jew aħjar f’kull
knisja li hemm fratellanza tal-Madonna tar-Rużarju ssir il-festa, festa li
tfakkar rebħa ta’ battalja li seħħet bl-interċessjoni tar-Rużarju.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 7 ta' Ottubru 2023
Nessun commento:
Posta un commento