Statwarju,
disinjatur u skultur
Meta nitkellmu dwar l-arti f’pajjiżna nkunu nistgħu niftaħru li għandna xi
opri tal-arti li huma tal-ogħla livell. Minbarra li f’Malta għandna opri
artistiċi ta’ artisti barranin, għandna oħrajn li huma xogħol ta’ artisti
Maltin ukoll. Illum ħsiebi mar fuq wieħed mill-artisti kbar ta’ pajjiżna li
twieled mija u sittin sena ilu. Huma bosta l-knejjes tal-bliet u l-irħula
tagħna li fihom xi opra tal-artist Abram Gatt.Abram twieled f’Bormla nhar l-4 ta’ Ottubru, 1863. Missieru kien jismu
Ġużeppi u ommu Reġina, imwielda Cassar. Huwa tħarreġ fl-arti taħt il-pittur
Lazzru Pisani li kien għalliem fl-iskola teknika ta’ Bormla, fejn Gatt kien
jattendi. Aktar tard iż-żagħżugħ Abram tħarreġ fl-iskultura tal-injam u fis-sengħa
tal-kartapesta taħt l-istatwarju Karlu Darmanin. Gatt bħala xogħol ewlieni
tiegħu kien jaħdem it-Tarzna u fil-ħin ħieles kien wettaq bosta opri tal-arti.
Huwa wkoll meqjus bħala disinjatur u arġentier u bosta knejjes f’Malta jistgħu
jiftaħru li għandhom xi opra minn tiegħu.
F’Bormla
Kif għidt, Gatt kien jaħdem it-Tarzna. Wara li spiċċa l-istudji tiegħu, huwa
beda jaħdem l-iskultura għall-għamara iżda minn dak ix-xogħol ftit li xejn
seta’ jgħix billi kien hawn ħafna li jwettqu dak ix-xogħol. Din kienet ir-raġuni għaliex daħal jaħdem
it-Tarzna. II-mexxejja tat-Tarzna, Ii dak iż-żmien kienu NgIiżi, dlonk intebħu
xi bniedem ta’ livell artistiku kien u għalhekk għenuh u mexxewh 'il quddiem sa
għamluh il-kap tal-ħanut tal-mudellaturi, jew kif kienu jissejħu patern makers.
San Ġużepp - Bormla |
Barra beltu
Minbarra dawn, Gatt kellu wkoll sehem fir-restawr li sar fl-istatwa
titualri ta’ Sant’ Andrija ta’ Ħal Luqa u ta’ San Publju tal-Furjana. Dan
l-artist iddisinja bosta pedestalli ta’ għadd ta’ statwi fosthom tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt Valletta, ta’
San Ġużepp ta’ Ħal Qormi (parroċċa San Ġorġ) u l-istatwetti tal-pedestall ta’
San Lawrenz tal-Birgu. Il-parroċċa ta’ Santa Marija tal-Imqabba nsibu l-pedestall
u l-bradella tal-istatwa titulari ta’ dan l-artist.
Il-ventartal tal-artal maġġur tal-knisja parroċċa, illum Bażilika,
tal-Mosta kien sar fuq disinn tal-imgħallem Gatt. Dan kellu jsir
għall-Kolleġġjata ta’ Bormla imma nxtara għar-Rotunda. Il-bradella tal-Bambina
tan-Naxxar hija attribwita lilu wkoll. Il-pedestall tar-relikwija ta’ San
Lawrenz tal-Birgu hija disinn tiegħu, kif ukoll l-anġli tal-bradella
tat-istatwa titulari huma xogħlu. Il-bieb maġġur tal-Knsija ta’ Santa Katerina
taż-Żurrieq huwa disinn tiegħu, u f’din il-knisja wkoll insibu xi missalli
tal-fidda li ddisinjahom huwa wkoll. Għall-knsija parrokkjali ta’ San Filep ta’
Ħaż-Żebbuġ, Gatt għamel id-disinn tat-tużell tal-festa. Abram Gatt iddisinja
wkoll il-linef li jintramaw fil-jiem tal-festa fil-knisja parrokkjali ta’ Ħaż-Żebbuġ
u kellu sehem fid-disinn tal-linef tal-knisja taż-Żurrieq. Bosta knejjes oħra
għandhom settijiet ta’ gandlieri tal-injam maħdumin minnu jew oħrajn tal-fidda
li saru fuq disinn tiegħu. Dan l-artist ħadem ukoll għadd ta’ statwi li
jintramaw fit-toroq Maltin fil-jiem tal-festi li bosta minnhom għadna nistgħu
ngawduhom sal-lum.
Ir-raġel
Abram Gatt minkejja li kien ta’ karattru mistħi, qatt ma baqa’ lura biex
jesprimi ħsibijietu fix-xogħol artistiku tiegħu u għalhekk ħakem ix-xena
artistika Maltija ta’ tmiem is-seklu dsatax u tal-bidu tas-seklu għoxrin. Kien
ta’ ispirazzjoni għal bosta artisti Maltin oħra.
Jingħad li kien bniedem tassew spiritwali u kien devot kbir tal-Madonna.
Huwa kien ġuvni u kien jgħix ma’ ħutu f’Bormla. Matul il-gwerra Abram Gatt
ħalla Bormla u mar joqgħod Ħaż Żebbuġ biex jeħles mill-attakki tal-għadu. Id-dar
ta’ Bormla intlaqtet waqt attakk mill-ajru u ġarrbet ħsarat kbar. Jingħad li
hemhekk Gatt kien ħalla ħafna disinji li spiċċaw mirdumin. X’ħasra!
Huwa miet f’ dan ir-raħal nhar it-28 ta’ Mejju, 1944. Huwa jinsab midfun
fiċ-ċimiterju tal-Addolorata, fil-qabar tal-fratellanza tal-Kurċifiss.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 30 ta' Settembru 2023
Nessun commento:
Posta un commento