sabato 26 settembre 2026

It-Turiżmu f’Malta

It-turiżmu huwa wieħed mis-setturi l-aktar importanti għall-ekonomija Maltija. Kull sena, Malta tilqa’ numru kbir ta’ turisti minn diversi pajjiżi. Minkejja li pajjiżna huwa żgħir, għandu ħafna x’joffri, fosthom bajjiet sbieħ, klima Mediterranja, storja rikka u kultura interessanti. Waħda mir-raġunijiet ewlenin għaliex it-uristi jagħżlu li jżuru Malta hija l-klima. Is-sjuf huma sħan u xemxin, u għalhekk ħafna turisti jiġu biex igawdu l-baħar u l-bajjiet. Postijiet bħall-Mellieħa, Għajn Tuffieħa u l-Blue Lagoon f’Kemmuna huma popolari ħafna, speċjalment matul ix-xhur tas-sajf. Malta hija magħrufa wkoll għall-istorja tagħha. Il-Belt Valletta, l-Imdina u t-Tliet Ibliet huma fost il-postijiet li jiġbdu ħafna viżitaturi. F’dawn il-lokalitajiet wieħed jista’ jara bini storiku, knejjes, fortifikazzjonijiet u mużewijiet. It-tempji preistoriċi u siti storiċi oħra juru kemm Malta għandha wirt antik u importanti.

Benefiċċji u problemi

It-turiżmu jġib miegħu ħafna benefiċċji. Joħloq opportunitajiet ta’ xogħol f’lukandi, ristoranti, ħwienet, trasport u servizzi oħra. Barra minn hekk, it-turisti jonfqu l-flus f’Malta u b’hekk jgħinu lill-ekonomija tal-pajjiż. Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, dak li jissejjaħn NSO, matul l-2025 madwar 4.02 miljun turist żaru Malta u bejniethom nefqu madwar €3.9 biljun. Dan ifisser medja ta’ madwar €971 għal kull turist. Dawn il-flus jintefqu fost oħrajn fuq lukandi u akkomodazzjoni, ristoranti, trasport, xiri, divertiment u attrazzjonijiet turistiċi.

Madankollu, it-turiżmu jista’ joħloq ukoll ċerti problemi. Meta jkun hemm ħafna turisti f’daqqa, jistgħu jiżdiedu t-traffiku, l-iskart u l-iffullar f’postijiet popolari. Għalhekk, huwa importanti li Malta tippromwovi turiżmu sostenibbli li jirrispetta l-ambjent, il-wirt storiku u l-komunitajiet lokali. Fis-sajf tal-2026, kien hemm diversi każijiet fil-midja dwar problemi marbuta ma’ ċerti turisti. Importanti ngħidu li dawn huma każijiet ta’ xi turisti, mhux tat-turisti kollha. Fis-Swieqi kien hemm każ fejn turisti dehru jitfgħu fliexken fit-triq u jagħmlu storbju, u 12-il persuna ġew immultati mill-pulizija. Fl-istess lokalità ġew irrappurtati problemi bħal rimettar u awrina fit-toroq, vandaliżmu fuq karozzi jew propjetà privata, skart u turisti fis-sakra. F’Tas-Sliema residenti lmentaw dwar gruppi fis-sakra ġejjin minn party boats, mużika għolja, parties tard billejl, skart u vandaliżmu. F’Pembroke, f’Awwissu grupp ta’ turisti daħlu f’sit ta’ kostruzzjoni, telgħu fuq il-bejt u wieħed minnhom deher jagħmel l-awrina minn fuq il-bini. Jekk nistgħu nsejħulhom kollox lil dawn it-turisti, żgur ma nistgħux insejħulhom turisti ta’ kwalità.

Low cost

Meta nisimgħu l-espressjoni “low-cost tourists” f’Malta, normalment inkunu qed nirreferu għal turisti li jippruvaw jagħmlu l-vaganza tagħhom b’baġit baxx. Dawn jistgħu jagħżlu titjiriet irħas, hostels jew akkomodazzjoni low-cost, ikel irħis u attivitajiet b’xejn jew bi prezz baxx. Għalhekk, bħala medja jistgħu jonfqu inqas flus f’Malta minn turisti li joqogħdu f’lukandi aktar għaljin jew jagħmlu aktar attivitajiet bi ħlas. Madankollu, “low-cost tourist” ma jfissirx turist ħażin. Turist li jonfoq ftit xorta jista’ jgħin lin-negozji lokali u jirrispetta l-pajjiż. Biss għandi l-impressjoni li ħafna mill-problemi li smajna bihom matul is-sajf li għadda, kienu ġejjin minn din il-faxxa ta’ turisti. Din hija impressjoni tiegħi u għandi mnejn inkun sejjer żbaljat.

Turiżmu sostenibbli

Turiżmu sostenibbli jfisser turiżmu li jsir b’mod li jħares l-ambjent, jirrispetta l-kultura u jgħin lin-nies tal-lokal, filwaqt li xorta jippermetti lit-turisti jgawdu l-post. Pereżempju, f’Malta turiżmu sostenibbli jista’ jfisser li t-turisti jużaw it-trasport pubbliku, ma jħallux skart fil-bajjiet, jiffrankaw l-ilma u l-elettriku, u jżuru negozji u ristoranti lokali. Fi kliem sempliċi, ingawdu pajjiż mingħajr ma nagħmlu ħsara lill-ambjent u lill-ħajja tan-nies li jgħixu fih.

Skont l-aħħar statistika disponibbli tal-NSO, l-ikbar grupp ta’ turisti li jiġu Malta għandu bejn 25 u 44 sena. Pereżempju, f’Ġunju 2026, 37.2% tat-turisti kienu f’din il-faxxa ta’ età, filwaqt li 28.9% kellhom bejn 45 u 64 sena. Fis-sajf, però, jiżdiedu ħafna ż-żgħażagħ. Pereżempju f’Lulju 2025, turisti li kellhom anqas minn 24 sena kien l-akbar grupp, b’36.1% tat-turisti kollha. Ma ninsewx li Malta hija mfittxija ħafna għall-iskejjel lin jgħallmu l-ilsien Ingliż lill-barranin. Kull sena jiġu Malta bejn 75,000 u 80,000 student barrani biex jistudjaw l-Ingliż. Dawn l-istudenti huma parti importanti mit-turiżmu edukattiv u jgħinu lill-ekonomija billi jonfqu l-flus fuq akkomodazzjoni, ikel, trasport u divertiment. Biss tajjeb noqgħodu attenti, il-flus ma humiex kollox, huma importanti imma wieħed tajjeb jara ftit il bogħod minn imnieħru u jkejjel l-impatt ta’ dawn it-turisti kollha, jekk huwiex impatt negattiv jew pożittiv. Il-flus mhux kollox, importnati imma jistgħu jirrenduk fi skjav. Min għandu moħħ biex jifhem jifhem!

Għalhekk waħda mill-akbar isfidi għat-turiżmu Malti hija li nattiraw turiżmu ta’ kwalità u mhux niffukaw biss fuq numru kbir ta’ viżitaturi. L-għan għandu jkun li t-turiżmu jagħti benefiċċju ekonomiku lill-pajjiż filwaqt li jirrispetta l-ambjent u lir-residenti u dk kollu li huwa Malti.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 26 ta' Settembru 2026




sabato 19 settembre 2026

Il-ħobża Maltija

 

Fost il-ħafna ikel tipiku Malti, insibu l-ħobż Malti. Tista’ tgħid li kull pajjiż u kull kultura għandha l-ħobż tagħha. L-istess nistgħu ngħidu għal pajjiżna. Il-ħobża Maltija hija aktar minn sempliċi ikel; hija simbolu tal-kultura u l-identità nazzjonali tagħna. Tiddistingwi ruħha bil-qoxra aktarx iebsa u tqarmeċ u l-qalba, li tissejjaħ ukoll lbieba, li tkun ratba. Għidli min ma jħobbx kisra ħobż tal-Malti biż-żejt u l-kunserva? Kultant nara hobż mormi u ngħid id-dritt inħoss qalbi tingħafas meta niftakar kemm ħin ikun għadda l-furnar fis-sħana tal-forn biex iwassal ħobża friska u mbagħad ikun hemm min jarmiha.

Il-proċess tal-ħobż Malti 

Il-proċess tal-ħobża Maltija huwa wieħed twil u jiddependi ħafna wkoll mit-temp. Il-proċess jibda mill-jum ta’ qabel issir il-furnata. X’jiġifieri? Il-ħobża Maltija, meta tkun maħduma bil-proċess tradizzjonali, ikollha dik li tissejjaħ tinsila, il-ħmira li tgħolli l-għaġna kollha. It-tinsila kienet tkun biċċa għaġina li titħalla mill-jum ta’ qabel biex din tiqras u ssir ħmira. Il-kelma li jużaw il-furnara hija li t-tinsila titlewwet. Din it-tinsila sservi biex issir il-fermentazzjoni biex il-ħobż jogħla u jieħu togħma rikka li fih.

Il-ħobża Maltija ma fihiex wisq ingredejenti, fiha biss proċess twil biex jagħmilha unika. Il-proċess jibda billi jitħalltu d-dqiq, l-ilma, il-melħ mill-oħxon u l-ħmira. Il-kwantità u l-ħin ta' mistrieħ tal-għaġina huma sigrieti ewlenin ta’ kull furnar. Kollox jitħallat fil-maġna u wara li l-għaġna tkun lesta tinqala’ mill-makna u tintefa’ f’tilar tal-injam. Hemm titħalla toqgħod imma titqalleb xi darbtejn. Imbagħad din l-għaġina tittieħed fil-mejjilla, li huwa banju kbir tal-injam biex tkompli togħla sakemm tibda titqatta’ sabiex titgerbeb f’ħobż.

Tieħu l-forma

Wara dan il-proċess ikun wasal il-waqt li l-għaġna titqatta’ tal-qies, tintiżen u tibda titkebbeb f’ħobż. Il-ħobża titgerbeb u ssirilha l-għoqda u titpassat, jiġfieri titpoġġa f’tilari. Tajjeb ngħidu li kull tip ta’ ħobż Malti għandu l-istess ingredjenti u l-istess proċess, imma l-forma tista’ tibdel anke xi ftit it-togħma.

Il-ħobża Maltija tista’ tkun “baxxa” jew “għolja”, id-differenza hija fil-mod ta’ kif wara li titgerbeb titpassat fit-tilar. Il-ħobża baxxa, tiġi mpoġġija fit-tilar bl-għoqda il fuq. Fil-fatt xi furnara jixħtu raxxa ġunġlien fit-tilar u dan jeħel ma’ wiċċ il-ħobża. Il-ħobż “għoli” jew kif insibuh ukoll, tas-salib jew tas-sikkina, jitpassat bl-għoqda tmiss mat-tilar u fil-fatt għalhekk ħobż ta’ dan it-tip ma jkunx fih ġunġlien. Il-ftajjar jitkebbu l-ewwel u warajhom jitkebbeb il-ħobż għoli u fl-aħħar isir il-ħobż baxx. Il-ħobża titkebbeb f’qisien differenti. Illum aktarx insibu dik li tissejjaħ “kbira” u dik li nsibuha bħala “żgħira”, imma qabel kien isir ħobż ta’ nofs wiżna, ħobż ta’ ratlejn, ta’ ratal u ta’ nofs artal. Ma rridux ninsew li sa ftit deċenji ta’ snin ilu l-ħobż kien bir-razzjon u għalhekk kien jintiżen u jekk il-piż ma kienx ikun eżatt kienet tingħata l-ġonta, biċċa ħobż, jew biċċa ftira, sabiex jintlaħaq il-piż li jkun imiss lil dik il-klijenta li tkun qed tixtri l-ħobż għall-familja tagħha.

Meta jiġi biex jinħema, jew kif jgħidu l-furnara, jinħabeż, jiddaħħlu l-ewwel il-ftajjar, imbagħad il-ħobż baxx u fl-aħħar dak l-għoli. Sakemm tkun maħbuża l-furnata kollha, qabel tingħalaq il-bieba tal-forn, jinħarġu l-ftajjar għax ikunu saru. Hawn nixtieq insemmi tip ta’ ħobż ieħor Malti, li jsir mill-istess għaġna. Qed nirreferi għall-ħobża tal-kexxun. Dan kien ikun ħobż li jitpoġġa fi speċi ta’ kexxun tal-pjanċi u jinħema ġo fih. Dan mhux il-ħobż tas-sandwich imma huwa ħobż Malti li minkejja li jixbah li dak tas-sandwich għandu togħma differenti.

Sakemm ikun qed isir dan kollu, jintefa’ l-ħatab fil-parti tiegħu tal-forn sabiex jilħaq it-temperatura li tista’ ssajjar il-ħobż. Hekk kif jintefa n-nar, tinfetaħ il-bieba tal-forn u jinkines minn xi ġamar li jista’ jkun hemm fil-qiegħa tal-forn. Dan isir b’dik li tissejjaħ kenniesa, lasta twila li jkollha magħha marbuta ċaruta jew xkora li tiddaħħal fl-ilma u biha jintmesaħ qiegħ il-forn.

Dħul u ħruġ

Dak li jitfa’ l-ħobż fil-forn jissejjaħ ħabbież, huwa dak li jaħbeż. Din hija sengħa, għax il-ħabbież irid idaħħal il-ħobż b’mod li malli jibda jsir u jikber ftit, imiss ma’ xulxin. Dik il-parti li tmiss ma’ ħobża oħra tissejjaħ il-bewsa. Il-ħobża tieħu madwar 45 minuta biex issir f’forn tradizzjonali. Issa jibda ħiereġ il-ħobż mill-forn. Joħroġ l-ewwel dak li jkun daħal l-aħħar, jiġifieri l-ħobż tas-salib u tas-sikkina u wara joħroġ il-ħobż baxx. Dan jitpoġġa fit-tilari sabiex kif jibred ikun jista’ titpoġġa fil-van biex tibda d-dawra.

Aktar xogħol

Dan li ktibt sa issa huwa l-proċess bażiku li kien isir sa ftit snin ilu. Illum ma’ dan il-proċess nistgħu nżidu aktar xogħol. Illum issib ħobż tal-Malti imqatta’ u lest fil-boroż. Biex isir dan il-proċess il-ħobż irid ikun bired sewwa, l-ewwel ħaġa għax jekk ikun għadu jaħraq ma jitqattax sewwa u jekk jitpoġġa fil-borża tal-plastik meta jkun għadu sħun dan irabbi l-għaraq u l-ħobża tixxarrab u timmoffa. Barra minn hekk illum insibu ħobż Malti żgħir li jinħema fi pjanċa.

Kemm fiha xogħol ħobża tal-Malti, tarmihiex!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 19 ta' Settembru 2026



venerdì 11 settembre 2026

Eric Arthur Blair

 

Nemmen li għal ħafna minna l-isem ta’ Eric Arthur Blair ma jfisser xejn, imma jekk ngħidilkom l-isem li kien jinqeda bih fil-kitbiet tiegħu, żgur li ħafna minna, biex ma ngħidx kulħadd, jafu min hu, jew tal-anqas semagħu bih u bil-kitba tiegħu. Eric Arthur Blair ma huwa ħadd għajr il-magħruf George Orwell, l-awtur tar-rumanz satiriku u politiku “Animal Farm” u tal-ktieb “Ninteen Eighty-Four”. Naħseb issa ndunajtu min hu Eric Arthur Blair.

Ħajtu

Eric Arthur Blair twieled fit-25 ta' Ġunju, 1903, f'Motihari, li dak iż-żmien kienet parti mill-Indja Britannika. Missieru, Richard Walmesley Blair, kien jaħdem fis-Servizz Ċivili Indjan, filwaqt li ommu kienet Ida Mabel Blair. Meta kellu madwar sena, ommu ħadet lilu u lil ħutu lejn l-Ingilterra, fejn qatta' l-biċċa l-kbira tat-tfulija tiegħu. Għalkemm il-familja tiegħu kienet tappartjeni għal dak li huwa aktar tard sejjaħ il-"klassi medja bejn dik għolja u dik  baxxa," fil-verità il-familja tiegħu kellha riżorsi finanzjarji limitati ħafna.

Attenda skejjel prestiġjużi, l-ewwel St Cyprian's School u aktar tard Eton College. Minkejja li huwa kien intelliġenti iżda qatt ma kien partikolarment interessat fil-kisbiet akkademiċi. Meta kiber imbagħad kellu tendenza qawwija ta' indipendenza u kellu xettiċiżmu kbir lejn l-awtorità li aktar tard kellu jikkaratterizza x-xogħol letterarju tiegħu. Biex jifhem il-faqar b'mod dirett, huwa għex fil-qrib fost il-fqar f'partijiet ta' Londra u Pariġi. Ħadem xogħlijiet b'paga baxxa, baqa' f'djar ta' akkomodazzjoni, u kien jagħmiha ma' vagaboni u ħaddiema tal-id. Dawn l-esperjenzi saru l-bażi għall-ewwel ktieb kbir tiegħu li huwa semma “Down and Out in Paris and London”.

Bdil tal-isem

Eric Blair adottat l-psewdonomu ta’ George Orwell fl-1933 biex jippubblika l-ewwel ktieb tiegħu, Down and Out in Paris and London. Huwa Għamel dan għal diversi raġunijiet fosthom bħala protezzjoni tal-familja tiegħu. Dan il-ktieb iddeskriva ż-żmien tiegħu li għadda fil-faqar, meta kien jaħdem f'impjiegi baxxi fil-kċina, u jitħallat ma' vagabondi u ħaddiema ta’ klassi soċjai baxxa. Kien jibża' li l-kontenut fil-ktieb tiegħu, li ma kien xejn ta’ klassi għolja, seta’ jimbarazza lill-ġenituri konservattivi tiegħu. Huwa ried joħloq bniedem ġdid minnu nnifsu, ried jinqata’ mill-klassi medja għolja tal-isem tiegħu. Huwa ma kienx iħobbu l-isem "Eric". Għalhekk huwa għażel "George" għax huwa isem tipiku Ingliż, u "Orwell" wara x-xmara pittoreska li nsibu f'Suffolk, l-Ingilterra.

Xogħol u Politika

Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, Orwell ħadem bħala ġurnalist u xandar. Huwa ħadem għall-BBC u beda jipproduċi programmi kulturali u politiċi mmirati lejn l-udjenzi fl-Indja. Għalkemm appoġġja l-ġlieda kontra l-faxxiżmu, kien frustrat bil-burokrazija u l-propaganda li kienet għaddejja matul il-gwerra. Dawn il-frustrazzjonijiet qawwew l-impenn tiegħu għal użu ta’ linwaġġ onest u xerred twemminu dwar il-ġurnaliżmu tabilħaqq indipendenti. Matul dan il-perjodu kiteb kitbiet influwenti ħafna dwar il-politika, il-letteratura u l-lingwaġġ użat.

L-isem ta' Orwell sar magħruf bil-pubblikazzjoni tal-ktieb “Annimal Farm”, ktieb li llum insibuh maqlub f’aktar minn 70 lingwa, fosthom bil-Malti bl-isem “Ir-Razzett tal-Bhejjem” miġjub fi lsienna minn George Borg fl-1972. L-istorja tar-rumanz, li hija satira qawwija kontra l-abbuż tal-poter, tidher li hija sempliċi dwar annimali ta’ razzett li jduru u jkeċċu ’l barra mir-razzett lill-propjetarju tar-razzett. Fil-fatt hija allegorija politika dwar ir-Rivoluzzjoni Russa u dwar Stalin. Il-ktieb kien diffiċli biex jiġi ppubblikat inizjalment għax l-Unjoni Sovjetika kienet alleata tar-Renju Unit matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Madankollu, ladarba sab ruħu fuq l-ixkafef tal-ħwienet tal-kotba, beda jinxtara u kiseb suċċess kbir.

Il-frażi famuża minn dan ir-rumanz: "L-annimali kollha huma ndaqs, imma xi annimali huma aktar indaqs minn oħrajn." saret waħda mill-aktar dikjarazzjonijiet imsemmija fil-letteratura politika. Orwell juri li l-bhejjem li wettqu r-rivoluzzjoni u keċċew lil sidhom il barra, spiċċaw agħar milli kienu qabel. B’mod sottili Orwell juri kif spiss jinħoloq dittatorjat, anke wieħed naturali,  meta lill-poplu jibdew jittieħdulu l-libertajiet u d-drittijiet li jkun tant ħadem biex kisibhom.

Elf disa' snin u erbgħa u tmenin

Nineteen Eighty-Four huwa rumanz distopiku dwar soċjetà futura immaġinarja f’dinja fittizja, miktub minn George Orwell u ppubblikat fl-1949. Dan il-ktieb huwa meqjus bħala wieħed mill-kapolavuri tal-letteratura tas-seklu 20, huwa rappreżentazzjoni kerha ta’ futur iddominat minn reġim totalitarju li jikkontrolla kull aspett tal-ħajja taċ-ċittadini. Ix-xbihat u l-kunċetti bħal Big Brother, il-pulizija tal-ħsieb u Newspeak (lingwaġġ propogandistiku, vokabularju deliberatament manipulat u ddisinjat minn reġim totalitarju biex jillimita r-reġjun tal-ħsieb uman, jipprevjeni r-raġunar kritiku, u jelimina l-possibbiltà ta' xi ribelljoni) Dawn l-atti saru stabbiliti sew fil-kultura politika moderna.

Illum li għadda kważi seklu mill-kitba ta’ Orwell u aktar minn tliet kwarti ta’ seklu mil-mewt tiegħu, nistgħu naraw kemm kien profetiku dak li kiteb. 

 

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 12 ta' Settembru 2026



venerdì 4 settembre 2026

Nazzjonali

Minkejja l-ħafna differenzi li jeżistu bejnietna l-Maltin, żgur hemm ħaġa li tgħaqqadna minkejja li forsi ftit nindunaw biha. Għal xiex qiegħed nirreferi? Qed nirreferi għal dak is-sentiment li nħossu meta niġu quddiem xi ħaġa, jew xi ħadd li huwa Malti. Infittxu l-bandiera tagħna meta nkunu f’xi post fejn ikun hemm il-bnadar tal-pajjiżi tad-dinja kollha, jew kważi. Nifirħu meta nkunu msiefra u niltaqgħu ma’ xi Malti li jgħix f’dak il-pajjiż. Le, minkejja kollox aħna orgoljużi b’dak li huwa tagħna, dak li huwa nazzjonali. Forsi l-aktar ħwejjeġ li nqisuhom “tagħna” huma l-ilsien Malti, il-bandiera u l-arma. Imma hemm xi ħwejjeġ oħra li huma nazzjonali li forsi ftit naħsbu dwarhom. Ejjew naraw xi ftit minnhom.

Il-kelb

Minkejja li teżisti razza ta’ kelb magħrufa bħala l-Kelb Malti, il-Maltese terrier, dan ma huwiex il-kelb nazzjonali ta’ pajjiżna. Il-kelb nazzjonali ta’ Malta huwa l-Kelb tal-Fenek, li bl-Ingliż jissejjaħ Pharaoh Hound. Minkejja li ismu bl-Ingliż jindika mill-ewwel li għandu x’jaqsam mal-Fargħun tal-Eġittu tal-qedem, studji xjentifiċi fuq din ir-razza ta’ klieb jgħidu li ma għandu l-ebda rabta mal-Eġittu. Għandu mnejn ingħata dan l-isem għax jixbah ħafna lil klieb li nstabu mpittra f’xi oqbra tal-Eġittu tal-qedem. F’pajjiżna nsejħulu tal-fenek għax kien jintuża għall-kaċċa tal-fniek, meta pajjiżna kien għad hawn bosta fniek slavaġġ. L-istoriku Malti Ġan Franġisk Abela, fil-kitba tiegħu tas-sena 1647 isemmi kelb tal-kaċċa Malti, li għandu mnejn kien qed jirreferi għal dan il-kelb. Fl-1974 sar il-kelb nazzjonali ta’ Malta.

Il-pjanta

Widnet il-Baħar, magħruf ukoll bħala Cheirolophus crassifolius u bl-Ingliż Maltese Rock-Centaury, hija l-pjanta nazzjonali ta' Malta. Hija pjanta li tiffjorixxi biss fil-Gżejjer Maltin. Dan ifisser li din il-pjanata ma tinstab imkien ieħor fid-dinja jekk ma tkunx imkabbra, ma titlax fis-salvaġġ bħalma tikber f’pajjiżna. Hija pjanta li tikber fix-xagħri sa għoli ta' 50cm u tagħmel fjuri vjola bejn ix-xhur ta’ Mejju u Lulju. Din il-pjanta llum hija f’periklu kritiku minħabba t-telf ta' raba’ xagħri. Hija speċi strettament protetta taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali u internazzjonali. Din il-pjanta tissemma minn Stefano Zerafa, fil-kitba tiegħu ta’ madwar l-1830. Saret il-pjanta nazzjonali ta’ Malta fl-1973.

L-għasfur

L-għasfur nazzjonali ta’ pajjiżna huwa l-merill li xjentifikament jissejjaħ Monticola solitarius. Dan l-għasfur ibejjed fl-Ewropa ta' Isfel, fl-Afrika ta’ Fuq u ġieli nstab fl-Asja Ċentrali u ċ-Ċina. Huwa jintgħaraf mir-rix ikħal li għandu r-raġel u fuq kollox mill-għanja tiegħu. Huwa jgħix u jbejjet fl-irdumijiet. Fl-2024, merill ġie osservat f’Oregon. Din kienet l-ewwel dehra kkonfermata fl-Istati Uniti, avveniment rari ħafna li ġab interess kbir fost l-osservaturi tal-għasafar. Illum dan l-għasfur huwa protett, biss sa ftit għexieren ta’ snin  ilu kien spiss jinqabad sabiex jinżamm fil-gaġġa minħabba l-għanja sabiħa tiegħu. Fl-1971 dan l-għasfur kien iddikjarat bħala dak nazzjonali ta’ Malta.

Is-siġra

Malta għandha wkoll is-siġra nazzjonali tagħha, imsejħa Tal-Għargħar. Hija siġra mir-razza taċ-ċipress u għalhekk tħaddar is-sena kollha. Is-siġra hija nattiva għar-reġjun tal-Mediterran tal-punent, insibuha ħafna fil-Muntanji Atlas fil-Marokk, l-Alġerija u t-Tuneżija, u numru iżgħar f'Malta u fin-nofsinhar ta' Spanja. Hija siġra li tiflaħ klimi sħan u niexfa bħalma hija dik ta’ pajjiżna. Hija siġra li tikber bil-mod u tista’ tikber bejn 5 u 15-il metru. Aktarx li fil-qedem Malta kienet mimlija b’dawn is-siġar, imma sfortunatament illum skarsaw ħafna, għalhekk fl-1992 is-Siġra tal-Għargħar kienet iddikjarata bħala s-siġra nazzjonali ta’ Malta u sena wara saret protetta mil-liġi u suppost għall-ebda raġuni siġra tal-Għargħar ma tista’ tinqata’.

Żewġ slaleb

Aħna l-Maltin inqisu li għandna żewġ salaleb tagħna, minkejja li l-ebda wieħed minnhom ma huwa ddikjarat bħala s-salib nazzjonali. Is-Salib imsejjaħ ta’ Malta jew is-salib ta’ tmien ponot kien magħruf bħala s-Salib ta’ Amalfi sa mis-seklu XI, imma kien, u għadu, wkoll is-simbolu tal-Ordni ta’ San Ġwann li adottawh fis-sena 1126. Meta l-Kavallieri waslu Malta ġabuh magħhom u wara li telqu baqa’ magħruf bħala s-Salib ta’ Malta,  kif baqgħu magħrufin ukoll l-istess kavallieri.

Salib ieħor li nqisuh tagħna huwa l-George Cross li nsibu kemm fuq il-bandiera nazzjonali kif ukoll fuq l-arma tar-Repubblika ta’ Malta. Il-George Cross ingħatat lil Malta mir-Re Ġorġ VI fil-15 ta' April, 1942, biex jonora liċ-ċittadini tagħha għall-kuraġġ tagħhom matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Dan is-salib dlonk sab postu fuq il-bandiera Maltija, minkejja li llum hawn xi wħud li jarawh żejjed, biss huwa parti mill-istorja ta’ pajjiżna u dnub jekk inwarrbu dan is-simbolu li jonora lil missirijietna. Minkejja li dan is-salib bl-unur li jġorr miegħu kien mogħti li numru ta’ individwi jew għaqdiet, Malta tista’ tiftaħar li hija l-pajjiż waħdieni li rċevietu.

Dawn huma xi wħud mill-ħwejjeġ li jagħmluna Maltin u għalhekk bix-xieraq jissejħu Nazzjonali. Tajjeb nibżgħu għalihom.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 5 ta' Settembru 2026