Visualizzazione post con etichetta dumnikani. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta dumnikani. Mostra tutti i post

sabato 3 ottobre 2026

Ix-xahar tar-Rużarju - Ottubru

 Ottubru huwa xahar marbut mat-talba tarRużarju. Imma qatt staqsejt x’rabta hemm bejn dan ix-xahar u din it-talba? Kollox beda sewwasew 455 sena ilu u beda minn Battalja, l-hekk imsejħa Battalja ta’ Lepanto.

Il-Battalja ta’ Lepanto

Il-Battalja ta’ Lepanto seħħet fil-7 ta’ Ottubru 1571 fil-Golf ta’ Patras, fil-Greċja. Kienet waħda mill-aktar battalji navali importanti fis-seklu sittax.


Il-ġlieda seħħet bejn il-Lega Mqaddsa, alleanza ta’ pajjiżi Kattoliċi mmexxija prinċipalment minn Spanja u Venezja, u l-Imperu Ottoman. Il-Lega Mqaddsa kienet iffurmata biex kemm jista’ jkun twaqqaf il-preżenza tal-Ottomani fil-Baħar Mediterran. Il-flotta tal-Lega Mqaddsa kienet immexxija minn Don Juan tal-Awstrija, filwaqt li l-flotta Ottomana kienet immexxija minn Ali Pasha. Iż-żewġ naħat kellhom mijiet ta’ vapuri u eluf ta’ suldati u baħrin. Il-battalja kienet ħarxa ħafna. Il-flotot resqu lejn xulxin u bdew jiġġieldu mill-qrib. Il-vapuri tal-Lega Mqaddsa kellhom vantaġġ kbir mill-użu tal-kanuni u mill-qawwa tal-armi tan-nar li kellhom. Wara diversi sigħat ta’ ġlied, il-flotta Ottomana ġiet megħluba.

Ir-rebħa tal-Lega Mqaddsa kienet importanti ħafna għax kienet waħda mill-akbar telfiet navali tal-Imperu Ottoman f’dak iż-żmien. Għalkemm l-Ottomani komplew ikunu qawwa kbira fil-Mediterran, Lepanto waqqfet il-progress tagħhom lejn aktar kontroll tal-baħar.

Il-Battalja ta’ Lepanto baqgħet magħrufa wkoll minħabba l-parteċipazzjoni ta’ Malta u l-Kavallieri ta’ San Ġwann fil-ġlieda kontra l-Ottomani. Ma rridux ninsew li sitt snin qabel, jiġifieri fl-1565, dawn l-istess Ottomani keinu assedjaw lil Malta, li dak iż-żmien kienet taħt il-ħakma tal-Ordni ta’ San Ġwann.  Il-battalja saret simbolu importanti tal-oppożizzjoni bejn il-qawwiet Kristjani Ewropej u l-Imperu Ottoman.

San Piju V

Il-Papa li kien fit-tmun tal-Knsija Kattolika fiż-żmien li seħħet il-Battalja ta’ Lepanto kien San Piju V. San Piju V kien Papa Dumnikan li kellu devozzjoni kbira lejn il-Madonna u lejn ir-Rużarju. Huwa twieled bl-isem ta’ Antonio Ghislieri u sar Papa fl-1566. Matul il-papat tiegħu ħadem ħafna biex isaħħaħ il-ħajja spiritwali tal-Knisja. Intant meta seħħet il-battalja li qegħdin insemmu huwa talab lill-Insara kollha sabiex jitolbu t-talba tar-Rużarju sabiex il-qawwiet Insara joħorġu rebbieħa fuq dawk Ottomani. Qabel il-battalja, il-Papa ħeġġeġ lill-Insara biex jitolbu r-Rużarju u jitolbu l-għajnuna tal-Madonna. Wara r-rebħa, San Piju V attribwixxa din ir-rebħa lill-interċessjoni tal-Verġni Marija. Bħala tifkira ta’ din ir-rebħa u bħala ringrazzjament lil Alla u lill-Madonna, San Piju V waqqaf il-festa ta’ Santa Marija tal-Vittorja fis-7 ta’ Ottubru. Aktar tard, il-Papa Girgor XIII bidilha u saret il-Festa tal-Madonna tar-Rużarju kif għadha sal-lum.

San Piju V kellu wkoll sehem importanti fl-iżvilupp tar-Rużarju. Fl-1569 approva b’mod uffiċjali d-devozzjoni tar-Rużarju, u aktar tard ir-Rużarju ġie ppreżentat bħala talba li tgħinna nimmeditaw fuq il-ħajja ta’ Ġesù Kristu flimkien ma’ Marija.

Ir-Rużarju f’pajjiżna

Id-devozzjoni lejn il-Madonna tar-Rużarju għandha għeruq profondi fl-istorja reliġjuża tal-Gżejjer Maltin. Matul is-sekli, ir-Rużarju sar wieħed mill-aktar talbiet Marjan għażiż għall-poplu Malti, u b’devozzjoni twaqqfu fratellanzi u altari, saru vari u bdew isisru purċissjonijiet u festi f’diversi parroċċi. Kellhom sehem importanti ħafna fit-tixrid ta’ din id-devozzjoni l-Patrijiet Dumnikani. Fil-fatt, sorsi storiċi dwar il-kult tar-Rużarju f’Malta jorbtu t-tixrid tiegħu b’mod qawwi mal-preżenza Dumnikana fil-gżejjer tagħna. Maż-żmien, il-festa bdiet tieħu forma aktar solenni. Inħadmu kwadri u statwi tal-Madonna bil-Bambin Ġesù, ħafna drabi bil-kuruna tar-Rużarju f’idejhom. Dawn il-vari saru ċ-ċentru tal-purċissjonijiet, akkumpanjati mill-fratelli, il-kleru u għadd kbir ta’ devoti. Għadd ta’ dawn l-istatwi għandhom storja artistika importanti u huma parti mill-wirt reliġjuż u kulturali Malti.

L-ewwel statwa

Hawn tajjeb insemmu l-ewwel statwa tal-Madonna tar-Rużarju f’Malta. Ser nerġgħu nirreferu għall-Patrijiet Dumnikani. L-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju fil-Knisja tad-Dumnikani fir-Rabat, Malta, hija vara storika importanti ħafna. Sorsi akkademiċi jattribwixxuha lill-iskultur Malti Melchiorre Cafà (Gafà) u jindikaw li ġiet skolpita fl-injam fil-Belt ta’ Ruma madwar is-sena 1660 u miġjuba Malta fl-1661. Fuq din l-istatwa mxew bosta artisti oħrajn sabiex ħadmu statwi kemm tal-Madonna tar-Rużarju kif ukoll taħt titli oħrajn, pereżempju l-Madonna tal-Karmnu tal-Imdina tal-1761 hija bla dubju ispirata mill-Madonna tar-Rużarju ta’ Gafà.  Dokument tal-1773 dwar l-statwa tal-Madonna tar-Rużarju ta’ Ħal Balzan, maħduma minn Vincenzo Dimech, isemmi li għandha ssir bħal “dik tad-Dumnikani tar-Rabat xogħol Melchiorre Gafà.”

U San Duminku

F’dan l-artiklu semmejt ħafna lid-Dumnikani, għalix it-talba tar-Rużarju jingħad li ġiet mogħtija lil San Duminku u l-patrijeit imwaqqfa minn dan il-qaddis għandhom il-missjoni li jxerrdu d-devozjoni lejha. San Duminku ta’ Guzmán kien saċerdot Spanjol li għex bejn l-1170 u l-1221. Huwa waqqaf l-Ordni tal-Predikaturi, magħrufa bħala d-Dumnikani. Skont tradizzjoni antika, waqt li San Duminku kien qed jipprietka fi Franza u jiltaqa’ ma’ ħafna diffikultajiet, talab lill-Madonna biex tgħinu. Jingħad li Marija dehritlu tatu r-Rużarju bħala mezz ta’ talb u predikazzjoni. Għalhekk ma jistax jonqos li d-Dumnikani jkun marbutin mar-Rużarju.

Għalhekk fil-knejjes Dumnikani fejn issir purċissjoni tal-Madonna tar-Rużarju toħroġ ukoll l-istatwa ta’ San Duminku ma’ dik tal-Madonna.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 3 ta' Ottubru 2026

 

 

 


sabato 18 luglio 2026

Ħsieb mill-Ukrajna

Żgur li qatt qabel daqs dawn l-aħħar erba’ snin u nofs ma konna nisimgħu bl-Ukrajna. L-Ukrajna hija nazzjon sovran fl-Ewropa tal-Lvant u t-tieni l-akbar pajjiż tal-kontinent skont id-daqs wara r-Russja. Strateġikament pożizzjonata fuq il-Baħar l-Iswed u għandha fruntieri mar-Russja, il-Belarus, il-Polonja, is-Slovakkja, l-Ungerija, ir-Rumanija u l-Moldova. Minn Frar 2022, l-Ukrajna qed tiddefendi ruħha kontra invażjoni li saret fuqha mir-Russa. Il-popolazzjoni tal-Ukrajna bħalissa hija stmata bejn 35 u 40 miljun persuna. Madankollu, il-gwerra li għadha għaddejja, ikkawżat spostament intern massiv u emigrazzjoni internazzjonali, u ħalliet biss madwar 30 jew 35 miljun resident jgħixu f'żoni kkontrollati mill-gvern.

Dan kollu nafuh jew kważi kollu. Allura x’wassalni biex illum nikteb xi ħaġa li għandha x’taqsam ma’ dan il-pajjiż?

Wara attakk

Aħna, l-Patrijiet Dumnikani tal-Kunvent ta’ Ġesù Nazzarenu ta’ Tas-Sliema, ma niċċelebrawx il-festa ta’ San Duminku f’Awwissu, kif isir fil-Belt Valletta u fil-Birgu, imma niċċelebrawha fl-24 ta’ Mejju, it-tifkira ta’ meta l-fdalijiet ta’ San Duminku nqalgħu mill-qabar u tpoġġew f’dik li tissejjaħ “Arca di San Domenico” li nsibu fil-knisja tagħna d-Dumnikani fil-belt ta’ Bologna, l-Italja. Din is-sena, billi l-24 ta’ Mejju ħabat il-Ħadd, iċċelebrajna din il-festa fis-26 tax-xahar. Lejlet il-festa waslitilna aħbar xejn sabiħa mingħand ħutna d-Dumnikani ta’ Kiev, il-belt kapitali tal-Ukrajna. L-għada, minflok ritratt ta’ San Duminku, tellajt post fuq facebook b’ritratt tal-kunvent Dumnikan ta’ Kiev u b’dan il-kliem:

“Matul il-lejl, Kiev sofriet attakk qawwi minn drones u missili Russi. Missila laqtet bini residenzjali li jinsab quddiem il-kunvent tagħna l-Patrijiet Dumnikani u kkawżat ħsara lill-kunvent. Wieħed mill-patrijiet, il-pirjol Jarosław Krawiec iddeskriva dan l-attakk bħala <<l-aktar attakk orribbli minn kemm ilha li bdiet il-gwerra.>> F'dan il-kunvent jgħixu 8 patrijiet, 6 Pollakki u 2 mill-Ukrajna. Ħadd minnhom ma weġġa' f'dan l-attakk imma l-kunvent ġarrab ħsarat kbar.”

Ftit jiem wara kellimni l-Provinċjal tagħna u qalli li l-Provinċjal Dumnikan tal-Ukrajna, talbu jekk hux possibli li wieħed mill-patrijiet tiegħu jiġi għal xi ġimgħat Malta sabiex jistudja l-Ingliż. Il-Provinċjal tiegħi staqsieni jekk hux possibbli li nospitawh fil-kunvent ta’ Tas-Sliema. Huwa qalli wkoll li b’dan l-att dan il-patri se jeħles xi ftit mill-gwerra u l-ħoss tal-bombi. Jiena bejn b’ċajta u bejn b’serjetà għidtlu li billi ġej Malta  fis-sajf, ser jeħles mill-ħoss tal-bombi u jisma’ l-ħoss tal-murtali. Żgur li hemm differenza enormi bejn dak li jwassal il-ħoss tal-bomba tal-gwerra u dak li jwassal il-ħoss tal-murtal tal-festa, wieħed iġib il-qorda u l-mewt, l-ieħor iħabbar il-ferħ.

Jasal Oleksandr

Intant il-jum li fih kellu jasal dan il-patri Dumnikan Malta wasal ukoll. Mort nilqgħu l-ajruport, għax ma kontx naf liema livell ta’ Ingliż kellu u jekk ma jsibx xi ruħ tajba titkellem bl-Ukren ma kontx naf kif kien ser jasal Tas-Sliema. Ġie b’titjira minn Krakovja l-Polonja għax kif qalli hu, bħalissa mill-ispazju tal-ajru tal-Ukrajna, ajruplani militari biss jistgħu jittajru. Vjaġġ ta’ kważi 900 kilometru. Patri Oleksandr qalli wkoll li biex joħroġ mill-Ukrajna kellu bżonn permess speċjali mingħand il-gvern peress li bħalissa l-pajjiż għaddej minn gwerra. Qalli li kien beda jitgħallem l-Ingliż fil-Polonja imma mbagħad bdiet il-gwerra u kellu jwaqqaf kollox, imma issa s-superjuri tiegħu bagħtuh Malta għax hawn anke waqt li ma jkunx il-ħin tal-lezzjonijiet ikollu bil-fors jitkellem bl-Ingliż. Komplejna nitkellmu u sirt naf li hu kien wieħed mill-patrijiet fil-kunvent ta’ Kiev meta ġie milqut mill-missili u d-drones Russi.

Trawma

Wasalna l-kunvent għal ħin l-ikel. Tajtu l-kamra u nżilna nieklu mal-komunità, introduċejtu u nsomma s-soltu storja tagħna l-patrijiet, ruxmata mistoqsijiet u nistennew tweġiba għal kollox. Filgħaxija dawwartu ftit l-inħawi tagħna u l-għada l-Ħadd filgħodu ħadtu miegħi għall-quddeisa tal-festa ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi. Filgħaxija ħadtu sal-Imdina. Wara li dorna din il-belt antika, ħadna te u ħsibna biex nerġgħu lura lejn il-kunvent, Tajna ħarsa minn fuq is-swar biex naraw lil Malta mixgħula. Ħin minnhon dan Oleksandar dar fuqi u qalli: “Dan ħoss ta’ drone!” Ngħid id-dritt jien lanqas kont tajt każ tal-ħoss imma hu dlonk induna. Għidtlu li aktarx li xi ħadd kien qed jiġbed xi biċċa film. Hawn dlonk indunajt bit-trawma li dawn in-nies għandhom minħabba l-gwerra, dak li għalina huwa oġġett ta’ ftit jew wisq sinifikat, għalihom ifisser terrur. U dan kien li daħħal il-ħsieb f’moħħi li nikteb dak li ktibt illum. Patri Oleksandr qalli l-biċċa l-kbira ta’ suldati Ukreni li tilfu ħajjithom, mietu minn attakki tad-drones. Qalli li hu għandu ħuh suldat. Min ilumu li jinħasad meta jisma’ drone?

Il-gwerra kif tibdlu lill-bniedem! Kemm hu sew li ngħożżu s-sliem u naħdmu għalih. Jalla ma ddumx ma tieqaf din il-gwerra, li bħal kull gwerra oħra ma fihiex rebbieħ imma kulħadd ikun tellief fiha.

Fr Reno Muscat 

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 18 ta' Lulju 2026


 

sabato 29 aprile 2023

Hookham Frere

Ġewwa Tal-Pietà, fix-xaqliba ta’ Gwardamanġa, hemm triq li jisimha Hookham Frere. Din it-triq tinsab sewwasew paralela ma’ Triq San Luqa, dik it-triq dritta dritta li twassal sa quddiem l-isptar San Luqa. Nistqarr magħkom li sa ftit ilu ftit li xejn kont nagħti kaz minn fejn kien ġej dan l-isem. Kont nimmaġina li hu xi persuna Franċiża li kellha xi rabtiet ma’ Malta, imma dan l-aħħar il-kurżità għelbitni u fittixt dwar dan il-bniedem. Indunajt kemm dak il-ftit li kont nimmaġina dwaru kien żbaljat.

Min kien?

John Hookham Frere twieled Londra nhar il 21 ta’ Mejju tas-sena 1769. Missieru, John Frere kien membru ta’ familja ta’ Suffolk li kien kien ħa l-edukazzjoni tiegħu f’Caius College ġewwa Cambridge. Hu sar Second Wrangler, jiġifieri temm l-istudji tiegħu bl-ogħla unuri, fl-1763. Ommu, Jane, keinet bint John Hookham, negozjant għani ta’ Londra u  kienet persuna ta’ kultura li ħalliet xi kitbet kif ukoll xi poeżiji.

Iċ-ċkejken Frere intbagħat biex jistudja ġewwa Eton College fl-1785, u hemm sar jaf, anzi sar ħabib ma’ George Canning li lejn tmiem ħajtu, fl-1827, kien laħaq Prim Ministru tar-Renju Unit. Din il-ħbiberija affettwat bil-kbir il-ħajja ta’ Frere. Minn Eton huwa mar fil-kulleġġ ta’ Cambridge fejn gradwa fl-1792 u fl-1795. Wara li temm l-istudji tiegħu huwa daħal fis-servizz pubbliku fl-uffiċċju tal-affarijiet barrani taħt Lord Grenville. Mill-1796 sal-1802 insibuh ukoll bħala Membru tal-Parlament.

Frere sar membru tal-Privy Council, dak il-korp ta’ konsulenti tal-Monarka Brittanika, fl-1805. Fl-1807 ġie mibgħut bħala diplomatiku fil-belt ta’ Berlin fil-Ġermanja iżda l-missjoni ġiet abbandunata u Frere ġie mibgħut Spanja fl-1808, dejjem fejn għandha x’taqsam id-diplomazija. Meta Napuljun beda javvanza fuq Madrid, il-ħajja fi Spanja saret iebsa u għamlet il-missjoni tiegħu diffiċli. Wara li rrifjuta li jmur San Pietruburgu, ir-Russja, bħala ambaxxatur, intemmet il-ħajja pubblika tiegħu.

F’pajjiżna

Fl-1816, huwa żżewweġ lil Elizabeth Jemima Hay, dowager Kontessa ta' Erroll. Fl-1820, minħabba problemi ta’ saħħa li kellha martu ġew flimkien jgħixu Malta, fejn baqgħu għall-kumplament ta' ħajjithom. Għall-ewwel huwa kien joqgħod ġewwa l-Belt Valletta biss ftit wara huwa mar joqgħod Tal-Pietà, f’dar jew aħjar villa li wara bdiet iġġib ismu, jew aħjar kunjomu, proprju Villa Frere. Meta rtira għal kollox huwa baqa’ attiv ħafna u ddedika ruħu għal-letteratura kif ukoll studja l-awturi Griegi favoriti tiegħu u tgħallem l-Ebrajk u l-Malti.

Huwa sar ħabib ta’ bosta Maltin u billi Malta kienet kolonja Ngliża, ma jistax jonqos li kellu bosta ħbieb tal-istess nazzjonalità tiegħu. Ta’ min jgħid ukoll li Frere kien ħabib kbir ta’ Mikiel Anton Vassalli, meqjus bħala wieħed mill-missirijiet tal-ilsien Malti. Dan, flimkien ma’ mistednin distinti oħra, kien viżitatur regolari ta’ Villa Frere u l-ġonna tagħha.

Villa Frere

Villa Frere
Id-dar ta’ dan l-istudjuż, politiku, poeta u diplomatiku Ingliż  kienet għandu b’ċens għal disgħa u disgħin sena li meta għaddew il-gvern ħa biċċa kbira minnha biex jinbena l-Isptar San Luqa. Aktar tnaqqis mill-ġonna sbieħ ta’ din il-villa sar meta nbniet l-iskola tal-gvern u biex tkompli tkabbar il-ferita, aktar spazju ġie mnaqqas meta nbena l-post fejn ikun jista’ jinżel il-ħelikopter ħdejn l-isptar li sa ftit snin ilu kien l-isptar prinċipali ta’ pajjiżna. F’Ġunju 2013 grupp ta’ voluntiera iffurmaw l-għaqda li ġġib l-isem ta’ Friends of Villa Frere, bl-intenzjoni waħdanija li jsalvaw u jirrestawraw dak li fadal minn din il-patrimonju grandjuż. Ikollna ngħidu li mill-villa u l-ġonna oriġinali kien fadal biss terz! X’ħasra! Min jaf kemm intilef patrimonju! Fis-sena 2020 din il-villa ġiet skedata u l-ġonna tagħha ġew iddikkjarati bħala monument nazzjonali tal-ewwel grad. Il-biċċa l-kbira tal-proprjetà nistgħu ngħidu li hija waħda mill-aqwa eżempji tal-arkitettura Ingliża Neoklassika tas-seklu tmintax li nitsgħu nsibu f’Malta.

Triq Hookham Frere

It-triq li ġġib isem dan il-bniedem ma nistgħux ngħidu li fiha xi storja partikolari, biss tajjeb insemmu li fil-qrib kien hemm bosta djar li kienu r-residenza ta’ uffiċċjali għolja tas-servizzi Brittaniċi. Ma rridux ninsew li kantuniera ma’ din it-triq insibu Villa Gwardamangia, fejn kienet tgħix ir-Reġina Eliżabetta II qabel telgħet fuq it-tron. Minħabba dan il-fatt f’din it-triq konna nsibu tennis courts li kienu jaqdu lil dawn l-Ingliżi.

Fatt interessanti ieħor hu li l-patrijiet Dumnikani fetħu dar f’din it-triq fl-1945. Fl-1952  bit-tħabrik tal-provinċjal Dumnikan ta’ Malta ta’ dak iż-żmien, P. Esmond Klimeck, bnew is-Santwarju tal-Madonna ta’ Fatima u l-kunvent li jmiss miegħu. Illum għadna nsibu rħama li tfakkar fejn għexu l-ewwel patrijiet f’dan il-lokal.

Tajjeb li fl-aħħar nett ngħidu li John Hookham Frere miet fis-7 ta' Jannar 1846 ġewwa Villa Frere u jinsab midfun fiċ-ċimiterju li nsibu fis-swar faċċata ta’ Villa Frere.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 29 ta' April 2023



venerdì 28 ottobre 2022

Fratell koperatur

Tista’ tgħid li fl-ordnijiet reliġjużi maskili kollha nsibu l-fratelli koperaturi jew kif huma magħrufin aktar il-frajiet jew l-ajkijiet. Il-kelma koperatur turi minnha nfisha li dawn huma reliġjużi li jikkoperaw, jgħinu fil-ħajja ta’ kuljum tal-kunvent jew monasteru. Dawn għandhom rwol differenti minn dawk tal-patrijiet jew tal-irħieb jew kif jissejħu spiss il-monaċi. Huma aħwa li jagħmlu l-professjoni reliġjuża daqs il-patrijiet jew l-irħieb iżda ma jkunux ordnati saċerdoti. Storikament, il-fratelli koperaturi kienu jwettqu rwol iffukat fuq is-servizzi manwali u xogħlijiet sekulari, u kienu distinti minn patri jew raħeb peress li r-rwol primarju ta’ dawn tal-aħħar kien li jitolbu fil-kor flimkien, jew kif xi drabi jissejjaħ l-Uffiċċju Divin.


L-ilbies

Sal-Konċilju Vatikan it-tieni kien hemm xi ordnijiet reliġjużi li l-frajiet tagħhom kienu jilbsu differenti mill-patrijiet iżda din il-ħaġa spiċċat għax dan il-konċilju għaraf li l-professjoni li jagħmel il-patri u dik li jagħmel il-fratell koperatur hija xorta u l-għan aħħari tal-ordni ma huwiex li membru jkun saċerdot imma li jkollu l-professjoni reliġjuża, jiġifieri li jwiegħed li jgħix il-faqar, il-kastità u l-ubbidjenza. Dawn il-voti huma l-istess kemm għal reliġjuż saċerdot kif ukoll għal reliġjuż koperatur, kemm għal patri kif ukoll għal fra. Pereżempju fl-Ordni Dumnikan, sal-Konċilju Vatikan it-tieni, il-frajiet kienu jilbsu t-tonka bħal tal-patrijiet imma bi skapular iswed minflok abjad. Ladarba l-fra aktarx jagħmel xogħol manwali huwa aktar prattiku li l-iskapular, dak l-ispeċi ta’ fardal li jinżel minn fuq l-ispallejn għal quddiem u wara tal-persuna, ikun iswed billi l-abjad jitħammeġ malajr. Il-Konċilju kien ħalla l-għażla tal-bdil tal-abitu f’idejn l-istess fratelli koperaturi u jingħad li kien hemm frajiet li ppreferew li jibqgħu jibsu skapular iswed. L-istess nistgħu ngħidu għall-Ordni taċ-Ċisterċensi, irħieb jew monaċi li għandhom ir-regola ta’ San Benedettu. Sal-Konċilju l-frajiet ta’ dan l-Ordni Reliġjuż, lienma Ordni ma nsibux membri tiegħu f’pajjiżna, kienu jilbsu tonka kannella filwaqt li dawk l-irħieb saċerdoti kienu u għadhom jilbsu tonka bajda. Il-frajiet fl-Ordni Vallombrosan, li wkoll ma għandux monasteri tiegħu f’Malta, kienu jilbsu kappa bla kapoċċ kontrarjament għall-membri li ħadu l-Ordni Sagri u t-tonka tagħhom kienet iqsar minn dik tal-monaċi tal-istess ordni.

Dan kollu juri li l-fratell koperatur huwa aktar miftugħ għal xogħol manwali u għalhekk biex ma jitħammiġx kien jingħatalu abitu reliġjuż li mhux biss jiddistinwih minn membri oħra tal-ordni imma wkoll ilbies prattiku għax-xogħol tiegħu matul il-jum. Illum din id-differenza fl-ilbies ma għadhiex teżisti.

Ftit storja

Għalkemm il-ħajja reliġjuża bdiet b’komunitajiet ta’ eremiti u patrijiet tad-deżert li fihom ħadd ma kien ikun ordnat saċerdot, maż-żmien il-Knisja bdiet tgħaqqad il-ħajja monastika ma’ ministri ordnati. F'dan il-kuntest, eventwalment ħarġet ġerarkija li fiha l-aħwa kienu ristretti għal rwoli primarji bħalma huma t-tmexxija u l-ekonomija kif ukoll rwoli sekondarji, xogħol manwali u affarijiet sekulari oħra ta’ monasteru. Dawn tal-aħħar għaddew f’idejn il-fratelli koperaturi filwaqt li tal-ewwel ħaduhom l-aħwa li kienu ordnati saċerdoti.

Fis-seklu tlettax nibtet fergħa ġdida fil-Knisja Kattolika. Sa issa kienu jeżistu rħieb, kultant eremiti, li jgħixu f’monasteru. San Franġisk ta’ Assisi u San Duminku ta’ Gużman waqqfu l-ewwel ordnijiet ta’ patrijiet u fetħu l-ewwel kunventi. X’inhi d-differenza bejn raħeb jew monaku u patri? Ir-raħeb joqgħod ġewwa monasteru, isem li ġej minn Mono Stare wieħed joqgħod waħdu, għax il-ħajja monastika hija ħajja li aktarx fiha ħafna solitudni fejn wieħed jiltaqa’ ma’ sħabu għat-talb iżda jkollu bosta ħin tal-ġurnata waħdu mehdi fix-xogħol. Il-patri joqgħod f’kunvent, li hija kelma wkoll ġejja minn kliem ieħor – Con Vivere, ngħixu flimkien. Hawn hija d-differenza prinċipali bejn il-monaku u l-patri. Intant meta l-qaddis ta’ Assisi u dak ta’ Calaruega waqqfu l-ordnijiet tagħhom huma waqqfuhom bil-patrijiet u bil-frajiet. Eventwalment San Franġisk qatt ma ħa l-Ordni Sagri għax ma kienx iħossu denju filwaqt li San Duminku kien saċerdot u Kanonku qabel ma waqqaf l-ordni tiegħu.

Illum

Aħna l-Maltin imdorrijin naraw il-frajiet fil-knejjes jagħmluha ta’ sagristana, biss ix-xogħol tagħhom huwa ħafna aktar minn dak li jidher. Huma jgħinu fit-tmexxija tal-kunventi tagħhom. Fl-Ordni Dumnikan dawn ma jistgħux isiru superjuri ta’ komunità  biss fl-Ordni Franġiskan l-istorja hija bil-kontra.

Biss il-fratell koperatur ma huwiex marbut biss mal-knisja u ż-żamma tagħha. Barra minn pajjiżna nsibu fratelli koperaturi li saħansitra huma għalliema fl-universitajiet. Il-kunċett li fra ma jsirx patri għax ma jkunx studja huwa kunċett żbaljat, huma żewġ għażliet differenti, huma żewġ vokazzjonijiet differenti. Illum ħafna frajiet jagħmlu xogħol importanti ferm fil-komunitajiet li fihom jgħixu.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 29 ta' Ottubru 2022




sabato 15 ottobre 2022

Aktar dwar ir-Rużarju

Il-ġimgħa l-oħra bdejna naraw fuq fuq kif oriġinat it-talba tar-Rużarju. Rajna kif aktarx bdiet u bdejna naraw ftit l-iżvilupp tiegħu matul is-snin. Illum inkomplu niskopru ftit aktar dwar din id-devozzjoni popolari mmens fi ħdan il-Knisja Kattolika.


Aktar żviluppi

Duminku tal-Prussja, li diġà semmejnieh il-ġimgħa l-oħra, kien iżid sentenza mill-Bibbja ma’ kull Sliema u Qaddisa. Is-superjur ta’ dan Duminku, Adolf von Essen, u xi oħrajn xerrdu kemm felħu din it-talba kemm fil-Prussja kif ukoll fil-Belġju u fi Franza, tant li mal-abitu tal-irħieb Ċertożini u Benedittini bdiet tidher kuruna tar-Rużarju mdendla maċ-ċintorin li jdur mal-qadd. Din id-drawwa għadha popolari sal-lum il-ġurnata. Is-saċerdot Dumnikan Alan de Rupe, li wkoll semmejnieh diġà, xerred it-talba tar-Rużarju fi Franza, fil-Fjandi u fin-Netherlands. Fl-1474 id-Dumnikan Ġakbu Sprenger waqqaf fratellanza tar-Ruarju fi Strasburgu fi Franza u sena wara oħra f’Kolonja l-Ġermanja. Dawn l-għaqdiet bdew jinxterdu tant li fl-1480 twaqqfet il-fratellanza tar-Rużarju f’Venezja u sena wara oħra f’Firenze. Fis-seklu sittax bdew jitwaqqfu għaqdiet tar-Rużarju għan-nisa. Dawk kienu saru popolari billi dak iż-żmien il-mara kienet titħalla barra minn għaqdiet soċjali. Dawn kienu jinvolvu talb fil-privat. Il-Kapitlu Ġenerali  tal-Ordni Dumnikan li kien sar fl-1574, kien ħeġġeġ biex fil-knejjes amministrati mid-Dumnikani jitwaqqfu fratellanzi tal-Madonna tar-Rużarju. F’Malta dawn il-fratellanzi wkoll saru popolari mhux biss fil-knejjes Dumnikani biss imma tista’ tgħid f’kull parroċċa twaqqfet fratellanza u artal lill-Madonna tar-Rużarju.

Fl-1571 il-Papa Piju V, li tajjeb ngħidu li kien dak il-papa li għen ħafna biex inbniet il-Belt Valletta, sejjaħ biex l-Ewropa kollha titlob ir-Rużarju għar-rebħa Nisranija fil-Battalja ta’ Lepanto. Ma ninsewx li sitt snin qabel kien sar l-assedju l-kbir fil-gżira tagħna, allura nifhmu l-periklu kbir li kien hemm dak iż-żmien ta’ okkupazzjoni barranija f’artijeit Ewropej. Ir-rebħa tal-Insara f’Lepanto kienet għall-ewwel iċċelebrata bħala l-festa tal-Madonna tal-Vitorja fis-7 ta’ Ottubru, iżda wara ħadet l-isem ġdid tal-Madonna tar-Rużarju.  Fl-1587 il-Venerabbli Alwiġi ta’ Granada, saċerdot Dumnikan magħruf għal kitbietu u l-prietki tiegħu, ippubblika l-ktieb Rosario della Sacratissima Vergine Maria. Sena wara l-Ingliż Dun Ġwann Bucke ħareġ il-ktieb Instructions for the Use of the Beads. Sa dak iż-żmien l-isem ta’ din it-talba kien għadu magħruf bħala t-talba taż-żibeġ. Fl-1597 insibu l-ewwel riferenza għal din it-talba bl-isem ta’ Rużarju. Personalitajiet oħra li kkontribwew għat-tixrid ta’ din it-talb huma San Alwiġi Maria Grignion de Montfort bil-ktieb tiegħu Is-Sigriet Ammirabbli tar-Rużarju Mqaddes u l-Beatu Bartolo Longo, fundatur tas-Santwarju u tal-opri ta’ karità f’Pompei, li huwa wkoll meqjus bħala l-Appostlu tar-Rużarju Mqaddes.

 

Approvazzjoni uffiċjali

Il-bolla papali Consueverunt Romani Pontifices mill-Papa Dumnikan Piju V stabbilixxiet uffiċjalment id-devozzjoni lejn ir-Rużarju fil-Knisja Kattolika kollha. Id-Duttur tal-Knisja San Pietru Kanisju, Ġiżwita li miet fl-1597 jingħad li żied il-kliem “Qaddisa Marija Omma Alla, itlob għalina midinbin”. Dan il-qaddis xerred mhux ftit id-devozzjoni lejn ir-Rużarju u lejn il-Madonna. Huwa kien jgħid li r-Rużarju huwa l-aqwa mod biex tissewwa l-ħsara li saret lill-Knisja ta’ Kristu mir-riforma Protestanta.

San Pietru Kanisju

Mis-seklu sittax sal-bidu tas-seklu għoxrin, l-istruttura tar-Rużarju baqgħet tista’ tgħid l-istess. Kien hemm 15-il misteru, b’għaxar Ave Marijiet kull wieħed. Fl-1917 seħħew id-dehriet tal-Madonna f’Fatima fil-Portugall. Minn hawn  seħħet iż-żieda fl-aħħar ta’ kull għaxar Sliema u Qaddisa. Dini ż-żieda saret fuq talba tal-Madonna stess.  Din it-talba hija hekk: O Ġesu tiegħi, aħfrilna dnubietna, eħlisna min-nar tal-infern; Ħu l-ġenna l-erwieħ kollha, l-aktar dawk li għandhom bżonn tal-ħniena tiegħek.  Wara l-Konċilju Vatikan II, Mons. Annibale Bugnini, riformsita tal-liturġija, kien ppropona xi tibdil fl-istruttura tar-Rużarju, iżda l-Papa Pawlu VI rrifjuta li jimplimenta l-proposta għar-raġuni li t-tibdil ta’ devozzjoni tant stabbilita u popolari setgħet tfixkel lill-fidili u turi nuqqas ta’ rispett għal prattika daqstant antika. Għalhekk ma kien hemm ebda tibdil sal-2002 meta San Ġwanni Pawlu II waqqaf il- ħames misteri Tad-Dawl bl-Ittra Appostolika Rosarium Virginis Mariae. Fatt kurjuz f’din l-Ittra tal-Papa huwa li l-misteri ġodda tar-Ruzarju, imsejħin Misteri tad-Dawl biex jibdew jingħadu nhar ta’ Ħamis, jaqblu mal-ħames Misteri li San Ġorġ Preca kien ta lill-membri tal-MUSEUM fl-1957 u li l-qaddis sejħilhom ukoll Misteri tad-Dawl.

Din hija l-istorja fil-qosor ta’ din it-talba Marjana tant popolari u mifruxa mad-Dinja Kattolika kollha. L-iskop tiegħi li ktibt dawn l-artikli kien biex dak li jkun isir jaf l-istorja fuq fuq ta’ din it-talba li tingħad aktar mis-sotu matul ix-xahar ta’ Ottubru.

Fr Reno Muscat 

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 15 ta' Ottubru 2022




venerdì 7 ottobre 2022

Ir-Rużarju

Niftakar lill-bużnanna tiegħi issejjaħ ix-xhur skont xi qaddis jew devozzjoni. Għaliha u għal bosta oħrajn ix-xahar ta’ Ottubru kien iddedikat lir-Rużarju. Interessanti wieħed ikun jaf kif evolviet din it-talba.

Bla dubju ta’ xejn waħda mill-aktar talbiet Marjani popolari hija t-talba tar-rużarju. Bosta ngħiduh kuljum imma forsi ftit li xejn nafu l-istorja tiegħu.


Hemm diversi fehmiet dwar l-istorja tar-Rużarju. L-oriġini eżatta tar-Rużarju bħala talb ma huwa ċar xejn u dan huwa suġġett għal dibattitu fost l-istudjużi. Fil-Kristjaneżmu l-użu ta’ ħbula bl-għoqod biex jgħinu lil dak li jkun jitlob imur lura għall-irħieb tad-deżert fis-seklu tlieta u fil-bidu tar-raba’ seklu. Dan l-apparati tal-għadd kienu jintuża fil-monakiżmu Kristjan għat-talb bħat-Talba ta’ Ġesù. It-Talba ta’ Ġesù hija din: Mulej Ġesù Kristu Iben ta’ Alla jkollok Ħniena minni jiena midneb.  Wara l-Ewwel Konċilju ta’ Efesu li sar fl-431 beda jiżdied it-talb Marjan. Skont xi tradizzjonijiet Kattoliċi, ir-Rużarju kien mogħti lil San Duminku f’dehra tal-Madonna li kellu.

Il-meditazzjoni waqt ir-reċitar tas-Sliema u l-Qaddisa, jew kif tafhom id-dinja kollha l-Ave Maria, kien attribwit lil Duminku tal-Prussja, raħeb jew monaku Ċertożin li fl- 1458 kiteb ktieb bl-isem Liber Experientiae  imma li huwa kien isejjaħ Vita Christi Rosarium (Il-Ħajja tar-Rużarju ta’ Kristu). Iżda fl-1977, it-Teologu minn Trier Andreas Heinz skopra Vita Christi Rosarium ieħor bid-data 1300, għalhekk huwa jinsisti li l-oriġini tar-Rużarju kif nafuh illum tmur lura għall-inqas għal dak iż-żmien. Dan ma jfissirx li r-Rużarju beda dik is-sena, ifisser li dik is-sena r-Rużarju kien diġà stabbilit. San Duminkun ta’ Gużman kien ilu madwar 80 sena mejjet għalhekk jista’ jkun li it-tradizzjoni li tgħid li dan il-qaddis ingħata r-Rużarju hija minnha.

Ftit storja

Talb biż-żibeġ bħar-rużarju għandu mnejn beda mil-lajċi biex jimitaw l-irħieb Insara. Dawn l-irħieb waqt il-Liturġija tas-Sigħat kienu jitolbu l-150 Salm kuljum. Peress li ħafna mil-lajċi u anke frajiet fil-monasteri ftit li xejn kienu jafu jaqraw, biddlu l-150 salm ma’ 150 Missierna  jew kif jafha kulħadd: Pater Noster. Huma kienu jużaw qafla bl-għoqod fuqha biex iżommu l-għadd preċiż ta’ Pater Noster li jgħidu.

Skont tradizzjoni Dumnikana, fl-1208 ir-Rużarju ġie mogħti lil San Duminku f’dehra mill-Verġni Marija fil-knisja ta’ Prouille. Din id-dehra Marjana ngħatat l-isem tal-Madonna tar-Rużarju. Fis-seklu XVI il-Beatu Alan de Rupe, saċerdot u teologu Dumnikan, jingħad li kellu dehra mingħand Ġesù dwar l-urġenza li r-Rużarju jerġa’ jiddaħħal bħala forma ta’ talb. Il-Beatu Alan qal ukoll li kien irċieva l-“15-il Wegħda” tal-Omm Imqaddsa. Qabel mewtu li seħħet fit-8 ta’ Settembru 1475, huwa reġa’ xerred ir-Rużarju f’ħafna pajjiżi u waqqaf ħafna fratellanzi tar-Rużarju. Minkejja l-popolarità tal-istorja tal-Beatu Alan dwar l-oriġini tar-rużarju, qatt ma nstabet xi evidenza storika li torbot lil San Duminku mar-Rużarju. L-istorja tad-devozzjoni ta’ San Duminku lejn ir-Rużarju u dehra tal-Madonna tar-Rużarju ma tidher fl-ebda dokument tal-Knisja jew tal-Ordni Dumnikan qabel il-kitbiet tal-Beatu Alan, li nkitbu madwar 300 sena wara.

Żvilupp storiku

Sas-seklu sebgħa t-talb lil Marija kien qed isir aktar komuni. L-ewwel talba magħrufa lil Marija hija s-Sub tuum praesidium, li bil-Malti tiġi hekk: Omm qaddisa tal-kbir Alla, taħt il-mant tiegħek nistkennu, tirruftax it-talb minn tagħna, waqt li lilek aħna ntennu. Fil-bżonn kbir li fih ninsabu, mill-periklu int ħarisna, bit-talb tiegħek int qaddisna. Magħna kun dejjem pjetuża, Verġni mbierka u Glorjuża. L-ewwel forma tas-Sub tuum praesidium tinstab fil-liturġija Ortodossa Kopta u kopja tagħha bil-Grieg tmur lura għal madwar is-sena 250 wara Kristu.

Matul il-Medjuevu aktarx li kemm il-Pater Noster kif ukoll l-Ave Maria kienu jingħadu biż-żibeġ. Fis-seklu XIII f’Pariġi, kienu jeżistu erba’ ħwienet tax-xogħol li kienu jsenslu l-kuruni biż-żibeġ. Dawn kienu jissejħu paternosteri, isem li ġej mit-talba tal-Missierna bil-Latin, Pater Noster.

Kittieb li ktieb il-ħajja ta’ San Ajbertu ta’ Krespin, raħeb Benedittin li miet fl-1140, qal li dan il-qaddis kien ta’ kuljum jgħid 150 Sliema u Qaddisa, 100 minnhom għarkupptejh u 50 minnhom mindud għal tulu fl-art. San Luwiġi Re ta’ Franza li miet fl-1270 jingħad li ta’ kull filgħaxija kien jinżel 50 darba għarkupptejh u kull darba li jqum kien jgħid Sliema u Qaddisa bil-mod. Fis-seklu 12, ir-regola tal-Ankoriti Ingliżi (gruppi ta’ lajċi li kienu jħallu d-dinja biex jgħidu ħajja solitarja ta’ talb u meditazzjoni), speċifikat kif il-ħamsin Ave Marija kellhom jinqasmu f’ħames deċennji jew posti ta’ għaxar Ave Marijiet kull waħda. Bil-mod il-mod, l-Ave Maria ħadet post il-Missierna li kienu jingħadu fil-bidu, iżda qabel kull għaxar Sliema u Qaddisa tingħad Missierna. Issa r-rużarju sar jirrifletti aktar l-istruttura tal-Uffiċju Divin monastiku.

Billi hemm aktar wieħed x’jgħid dwar din it-talba, illum nieqfu hawn u nkomplu ngħidu aktar il-ġimgħa d-dieħla.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 8 ta' Ottubru 2022



venerdì 7 giugno 2019

Tal-Pietà



Wieħed mill-irħula li nsibu madwar il-port ta’ Marsamxett u li llum qed jinbidel sewwa huwa dak li jġib l-isem ta’ Tal-Pietà. Nista’ nsejjaħlu subborg għaliex imiss mas-swar li jdawru lill-Belt Valletta u l-Furjana u jibqa’ sejjer sal-Ħamrun u l-Imsida. Minkejja li mhux xi raħal kbir huwa raħal interesanti u llum nixtieq ngħid xi ħaġa dwaru.

Oriġini
Hija ħaġa ċerta li l-isem ta’ dan il-post ittieħed mill-kappella qadima, taħt it-titlu tad-Duluri, li nsibu fil-qiegħ tal-wied, illum Triq id-Duluri. Fil-passat il-baħar kien jidħol sa qrib din il-kappella u jingħad li ħdejn il-kappella kien hemm xtajta ramlija. Biż-żmien l-art kibret u l-baħar kellu jersaq lura. Din kienet l-ewwel knisja fil-lokal li nbniet fl-1590 ħdejn ċimiterju. Madwar kwart ta’ seklu wara nbena kunvent ħdejn din il-kappella. Dan għadda minn bosta idejn fosthom l-Agostinjani, is-Sorijiet Franġiskani u llum jinsab f’ idejn il-membri tal-Youth Fellowship.  Interessanti wkoll li din il-kappella għal xi żmien serviet bħala Viċi-Parroċċa ta’ San Pawl tal-Belt Valletta bejn l-1721 u l-1740. Kienet proprju din il-kappella li tat l-isem ta’ dan ir-raħal.

Raħal Marjan
Il-kappella tad-Duluri
Huwa fatt interessanti li it-tliet knejjes li nsibu f’dan il-lokal huma t-tlieta ddedikati lill-Madonna. Minbarra dik tad-Duluri li għadna kemm semmejna insibu wkoll il-knisja tal-Madonna ta’ Loretu tas-sorijiet Orsolini.  Din il-knisja hi ġawhra ta’ arkitettura klassika li żżejjen din iż-żona. Mit-tberik tal-ewwel ġebla nhar l-1 ta’ Mejju 1928 sat-tmiem ta’ dan il-bini li tlesta fl-1938, hemm ġrajjiet sħaħ ta’ sagrifiċċji, qtigħ il-qalb, sejħat għall-għajnuna u ġbir.

It-tielet knisja fil-lokal hija l-knisja parrokkjali. Din hija ddedikata lill-Madonna tar-Rużarju ta’ Fatima, l-unika parroċċa b’dan tit-tiltu fid-djoċesi tagħna. Il-Patrijiet Dumnikani kienu joqgħodu f’Tal-Pietà f’dar fi Triq Hookham Frere. Bit-tħabrik tal-provinċjal tagħhom ta’ dak iż-żmien, P. Esmond Klimeck, fl-1952 bnew is-Santwarju tal-Madonna ta' Fatima. Is-Santwarju nfetaħ fis-sena 1955 u fl-1968 sar knisja parrokkjali.

Fil-lokal ma nsibux aktar knejjes kattoliċi għajr dik fl-isptar San Luqa li llum ma għadiex tintuża bħal qabel.

Żoni diversi
Spiss tfiġġ il-mistoqsija jekk dan il-lokal jismux Tal-Pietà jew Gwardamanġa. Biex ngħidu s-sew bosta jafu n-naħa tal-Isptar San Luqa bħala Gwardamanġa imma min twieled fih jaf li fiċ-ċertifikat tat-twelid isib li huwa mwieled Tal-Pietà. L-istess il-Kunsill Lokali, illum jissejjaħ Pietà – Gwardamanġa imma fil-bidu kien Pietà biss u l-kodiċi postali huma PTA, taqsira tal-isem Pietà.

Gwardamanġa hija żona f’Tal-Pietà bħalma nsibu żoni oħra fl-istess lokalità. Lejn il-baħar jissejjaħ Sammiżun, derivazzjoni tal-kelma Franċiża Sa Maison, imsemmi għall-Balliju Sa Maison, kavallier tal-Ordni ta’ San Ġwann li kien bena xi binja f’dik l-akwata. Bejn Sammiżun u l-Bombi insibu żona msejħa Ta’ Braxja, fejn hemm iċ-ċimiterju. Gwardamanġa hija żona minn Tal-Pietà bħal żoni oħrajn. Madanakollu l-parroċċa tissejjaħ bħala dik ta’ Gwardamanġa kemm mill-Patrijiet Dumnikani li jmexxuha kif ukoll mill-Kurja. Biss din il-parroċċa taqdli ż-żoni kollha ta’ Tal-Pietà.  

Patrijiet
Il-parroċċa ta’ Fatima hija mmexxija mill-Patrijiet Dumnikani li ma humiex l-uniċi patrijiet fil-lokal. Il-Provinċja Agostinjana, xtrat biċċa art kbira fil-Pietà biex ikun jista’ jinbena l-Kulleġġ il-ġdid u modern. Għall-bidu bdiet tuża bħala Kulleġġ waħda mill-Vilel. F’Jannar 1966 beda x-xogħol tat-tiswijiet meħtieġa  fil-vilel fejn kellha tkun l-iskola u fil-mezzanin l-ieħor fejn kellhom jgħammru l-patrijiet tal-Kulleġġ. Il-kulleġġ  ġie inawgurat fis-16 ta’ April 1966 b’quddiesa fis-sala tal-kulleġġ il-ġdid. Fl-1 ta Ottubru 1973  saret l-inawgurazzjoni tal-kulleġġ il-ġdid tal-Pietà. Dan il-Kulleġġ iġib l-isem ta’ Santu Wistin.

Binjiet interessanti
Minkejja li r-raħal ta’ Tal-Pietà mhux wisq kbir, fih insibu numru ta’ binjiet interessanti. Villa Hookham Frere hija waħda minnhom, villa li għal xi snin kienet minsija u abbandunata imma llum reġa’ hemm interess fiha u jalla ikun hemm aktar. Villa Guardamangia wkoll daħlet fl-istorja mhux biss ta’ dan ir-raħal. Din hija d-dar fejn ir-Reġina Eliżabetta kienet toqgħod meta kienet tgħix Malta. Il-kundizzjoni ta’ din il-villa llum hija waħda tal-biki imma jidher li hemm interess li din id-dar storika ssir mużew. Jalla din l-ambizzjoni narawha sseħħ qabel ma din il-villa tispiċċa rmied!

Bla dubju l-akbar binja hawnhekk huwa l-isptar San Luqa. Dan beda jinbena fl-1930 u dam ftit mhux ħażin ma tlesta minħabba li anke dewmet ix-xogħol it-tieni gwerra dinjija. Ma’ dan l-isptar żdied l-ieħor bl-isem ta’ Karin Grech fis-snin tmenin. L-isptar San Luqa sar l-isptar ġenerali ta’ Malta wara dak tal-Furjana u dam jaqdi lill-poplu sal-1 ta’ Lulju tas-sena 2007 meta nfetaħ l-isptar Mater Dei.

Ta’ min jgħid li f’Tal-Pietà nsibu żewġ binjiet ta’ xandir. L-istazzjonijiet tar-radju u tat-televizzjoni nazzjonali jinsabu fit-triq li twassal għall-isptar filwaqt li l-istazzjonijiet tax-xandir tal-Partit Nazzjonalista wkoll jinsabu f’Tal-Pietà, sewwa sew fi Triq id-Duluri u l-akwati.

Daqxejn ta’ raħal tabilħaqq imma huwa raħal interessanti ħafna.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  8 ta' Ġunju 2019





sabato 19 agosto 2017

INŻURU POSTIJIET DUMNIKANI GĦEŻIEŻ


Ruma
Lejn l-aħħar ta’ Marzu ta’ din is-sena, grupp ta’ 17-il Dumnikan ingħaqad biex imur inżur xi wħud mill-aktar postijiet għeżież għad-Dumnikani ġewwa l-Italja. Il-grupp kien kompost minn għadd ta’ nies differenti kemm fl-età kif ukoll fil-ħajja tagħhom. Minn żgħażagħ taħt l-20 sena sa pensjonanti, minn industrijalist għal pulizija, gwardjan, patri, ħaddiema tal-id u oħrajn tal-pinna kif ukoll kif diġa semmejt, pensjonanti.
Il-mawra bdiet f’Ruma – il-belt eterna. Hemmhekk żorna xi wħud mill-bosta knejjes li hemm u ma jistax jonqos li nżuru l-Vatikan. Żorna wkoll il-mużew tal-Vatikan – esperjenza li ma tintesiex. Ruma wkoll hemm il-kurja ċentrali tal-Ordni Dumnikan u għalhekk żorna l-bażilika ta’ Santa Sabina u l-Kurja Dumnikana fuq l-għolja tal-Avventino. Hemmhekk il-grupp kellu quddiesa bil-Malti fiċ-ċella ta’ San Duminku. Wara kienu mdawrin mal-post minn Patri Llewellyn Muscat. Filgħaxijiet ma naqasx id-divertiment, id-daħq u ċ-ċajt li tistenna meta jiltaqa’ grupp ta’ ħbieb bħal dan.
Bologna
Minn Ruma l-grupp telaq lejn Bologna – il-belt li fiha miet u għadu midfun il-qaddis tagħna Duminku. Il-qofol tal-jiem ġewwa Bologna kienu l-quddiesa bil-Malti li tqaddset fuq il-qabar ta’ San Duminku. Kull Dumnikan joħlom li xi darba jżur Bologna u jmur jara b’għajnejh l-arka fejn jinstab midfun Missierna. Il-grupp tagħna mhux biss kellu x-xorti li jżur dan il-post għażiż iżda kellu wkoll quddiesa fuq dan il-qabar. Wara din il-quddiesa l-grupp iddaħħal fiċ-ċella fejn miet San Duminku u fil-korin jew kif jissejjaħ, il-kapitlu tal-Kunvent ta’ Bologna fejn hemm l-ewwel pittura ta’ San Duminku, dak li kulħadd isejjaħlu l-anonu  għax ma nafux l-artist li pittru. Bologna hija belt sabiħa u organizzata ħafna. Hemmhekk żorna l-katidral ta’ San Pietru, il-knisja ta’ San Petronju – waħda mill-akbar knejjes fid-dinja u morna wkoll inżuru s-santwarju tal-Madonna ta’ San Luqa, li oriġinarjament kienet knisja tad-Dumnikani. Dan is-santwarju huwa għażiż ħafna għan-nies ta’ Bologna. Dan jinstab fuq l-għola parti tal-belt. Billi l-post fejn kien alloġġjat il-grupp ma kienx wisq bogħod mill-knisja ta’ San Duminku, bosta kienu dawk li żaruha ta’ kuljum, u forsi anke aktar minn darba.
Napli
Minn Bologna l-grupp telaq lejn Napli – il belt li fi żmien kienet kapitali ta’ Renju, kienet ukoll provinċja Dumnikana awtonoma. Illum din il-belt sabiħa tilfet ħafna mill-importanza tagħha iżda mhux mill-faxxinu li toffri lil dak li jżurha. Ovvjament meta tkun għadek kif ħallejt Bologna u tmur Napli tħoss ix-xokk kulturali, tara d-differenza f’kollox, dawn huma żewġt ibliet li donnhom il-lejl u n-nhar, l-abjad u l-iswed. Hemmhekk il-grupp kellu quddiesa oħra bil-Malti ġewwa l-knisja ferm sabiħa ta’ San Domenico Maggiore. Fil-kunvent li hemm ma’ din il-knisja kien jgħix San Tumas ta’ Akwinu, u l-grupp wara l-quddiesa kien imdawwar mal-mużew tal-knisja, mal-kunvnet u żar ukoll iċ-ċella ta’ San Tumas. Hemmhekk hemm merfugħ bl-akbar għożża, il-pittura tal-kurċifiss li kellem lil dan il-qaddis Dumnikan. Ladarba l-grupp kien Napli ma setax jonqos li jżur it-triq magħrufa għall-presepji – Via Gregorio Armeno. Fit-tarf ta’ din it-triq insibu l-bażilika San Paolo Maggiore fejn hemm il-qabar ta’ San Gejtanu. Billi ma aħniex mill-Ħamrun, xorta morna nżuru l-qabar ta’ dan il-qaddis maħbub. Żorna wkoll bosta knejjes oħra li hemm fiċ-ċentru tal-belt, fosthom il-knisja ta’ Ġesù Nuovo, meravilja ta’ arti fl-irħam – knisja li ma fiha xejn nieqes u xejn żejjed. Ma jistax jonqos li ssir żjara lid-duomo, il-knisja ta’ San Ġennaru. Qabel ma l-grupp daħal fil-knisja żar it-teżor ta’ dan il-qaddis. Dan huwa teżor għani ferm li fil-valur tiegħu jaqbeż sewwa l-Crown Jewels ta’ Londra.
L-aħħar vjaġġ kien minn Napli għal Bari. Hemmhekk l-aktar qaddis magħruf u marbut ma’ din il-belt huwa San Nikola. Lanqas aħna mis-Siġġiewi imma morna nżuru l-knisja ta’ dan il-qaddis li hija parti mill-kunvent tad-Dumnikani. Hemmhekk saret dawra sewwa mal-knisja. Wieħed dlonk jinnota l-preżenza ta’ bosta Nsara Ortodossi f’din il-knisja. Il-fatt li San Nikola kien qaddis Grieg u li l-kult tiegħu huwa mifrux sewwa fid-Dinja Ortodossa, iwassal bosta Nsara Ortodossi biex iżuru din il-knisja. Fil-fatt ta’ kuljum jaslu mijiet ta’ pellegrini Ortodossi li flimkien mal-Insara ta’ Rit Ruman, bħalna, jagħti ġieħ lil dan il-qaddis. Minkejja li l-mawra tal-grupp ġewwa Bari kienet waħda qasira, xorta kien hemm il-ħin biex wieħed jara ftit il-belt, u ovvjament anke instab ħin għal flixkun birra kiesħa.
Għaddiet ġimgħa bħal ħolma, ġimgħa fejn bosta ħolm sar realtà, fejn ix-xewqa ta’ bosta li jżuru l-aktar postijiet Dumnikani għeżież fl-Italja, seħħet.

Dan l-artiklu deher fil-programm tal-Festa San Duminku Il-Birgu 2017





































venerdì 21 aprile 2017

Uċuħ

Il-wiċċ huwa dik il-parti tal-ġisem li jinkludi s-sensi kollha kif ukoll huwa dik il-parti li turi l-emmozzjonijiet tal-bniedem. Fil-wiċċ għandna l-għajnejn biex naraw, il-widnejn biex nisimgħu, l-imnieħer li nxommu bih u fih il-ħalq li ġewwa fih hemm l-ilsien li jtiegħem. Il-wiċċ fih ukoll is-sens tal-mess, jekk xi ħaġa tmiss ma’ wiċċek dlonk tinduna għax tħossha. Il-wiċċ fih is-sensi kollha. Il-wiċċ juri l-emozzjoni ta’ dak li jkun. Jekk jifraħ il-wiċċ donnu jixgħel iżda jekk dak li jkun jibda jħossu mdejjaq, il-wiċċ malajr juri. Mela nistgħu ngħidu li l-wicc huwa l-mera tar-ruħ għax dak li nkunu qed inħossu fina dlonk ixandru wiċċna.

Gestalt
Fil-psikoloġija niltaqgħu mal-kelma Gestalt. Din hija kelma Ġermaniża li tfisser bejn wieħed u ieħor ‘Forma’. Din id-dixxiplina tipprova tanalizza kif minn tant bnedmin, wieħed jasal biex jidentifika bniedem ieħor bla problemi ta’ xejn. Aħna l-Ewropej għandna l-idea żbaljata li l-popli Ażjatiċi, l-aktar iċ-Ċiniżi, huma kollha wiċċ wieħed. Din hija idea żbaljata u jekk wieħed jifhem it-teorija tal-Gestalt malajr ineħħi din l-idea minn moħħu. Il-wiċċ huwa kollezzjoni ta’ forom: widnejn, għajnejn, imnieħer, geddum, ħalq u nsomma l-kumplament. Kull parti tal-wiċċ hija differenti minn ta’ ħaddieħor. Il-partijiet kollha flimkien jiffurmaw il-wiċċ tal-persuna unika li tiddistingwi bniedem minn ieħor. Dan huwa l-ewwel għarfien bażiku tal-bniedem. Tarbija tagħraf lil ommha bla ebda diffikultà. Dan huwa effett tal-Gestalt, tarbija tidra lil ommha għaliex tagħraf il-forom tal-wiċċ ta’ dik li titmagħha, tlibbisha, tfissida u turiha l-imħabba.  Dan huwa l-ewwel attrazzjoni bejn it-tarbija u l-ġenitur skont it-teorija tal-Gestalt, teorija li għandha x’ taqsam mal-għarfien tal-wiċċ.

Żewġt uċuħ
Il-bieb li kienu jużaw il-Gakbini
fil-kunvent ta' Pariġi
Jekk bniedem tgħid li għandu żewġt uċuħ ma huwiex xi kumpliment anzi huwa insult għax din il-frażi tfisser li bniedem huwa faċċol, gakbin, mhux ta’ min jafdah. Iżda hawn oġġetti fejn huwa importanċi li jkollhom żewġt uċuħ: munita b’ wiċċ wieħed ma hijiex tajba iżda falza, għalhekk fil-każ tal-muniti dawn dejjem għandhom ikollhom żewġt uċuħ imma l-bniedem għandu dejjem jiftakar li hu mhux munita għalhekk ma għandu qatt jimxi b’ żewġt uċuħ.

Użajt il-kelma ‘Gakbin’ iżda forsi ftit jafu minn fejn oriġinat. Il-Gakbini ma huma xejn għajr membri ta’ għaqda politika li twaqqfet fil-belt ta’ Pariġi fl-1789. Dawn kienu jiltaqgħu fil-kunvent tal-patrijiet Dumnikani ġewwa Triq Saint Honore. Il-kunvent kien iġib l-isem ta’ San Gakbu u għalhekk kienu jissejħu Gakbini għax ta’ San Gakbu. Il-membri ta’ din l-għaqda kienu kontra l-monarkija u favur ir-repubblika. Il-ħidma ta’ dan il-moviment wittiet it-triq għar-revoluzzjoni Franċiża. B’ hekk għal dawk li kienu favur il-monarkija raw fil-Gakbini nies ta’ żewġt uċuħ u sal-lum bqajna nużaw din il-kelma b’ mod dispreġjattiv.

Wiċċ ta’ belt
Dan l-aħħar erġajt żort il-belt ta’ Napli. Daqs għaxar snin ilu kont ngħix f’ dik il-belt u min jaf kemm-il darba semmejtha fl-artikli tiegħi f’ dan il-ġurnal għaliex kont irbatt qalbi magħha. Din id-darba ma mortx Napli waħdi biex inżur xi ħbieb tiegħi iżda kont ma’ grupp li bosta minnhom qatt ma kienu żaru din il-belt famuża iżda b’ bosta wċuħ! Għalfejn qed ngħid li Napli hija belt b’ bosta wċuħ? Iva Napli trid taraha mhux minn wiċċ wieħed iżda minn bosta angoli.

Megellina, il-parti High Class ta' Napli
Bosta minna l-Maltin meta jżuru Napli jmorru Via San Gregorio Armeno, it-triq magħrufa mad-dinja kollha għall-presepji. Biex ngħid id-dritt, ikun dnub jekk iżżur Napli u ma tmurx f’ din it-triq. Tkun qisek turist li ġejt Malta u ma dħaltx il-Belt!

Mal-grupp li kont, ġejna alloġġjati fiċ-ċentru. Konna għadna kif ħallejna Bologna u sħabi ħassew ix-xokk kulturali. Bologna kollox f’ postu, kollox organizzat, toroq wiesgħin, poplu xi ftit imnieħru mxammar. Napli hemm il-gegwiġija, storbju, toroq dojoq u graffitti ma’ kullimkien, ma’ kull ħajt, ma’ kull bieb. X’ differenza!

Darba waranofsinhar mort mixja ma’ żewġ membri mill-grupp li konna. Ħadthom ħdejn il-baħar, Mergellina. X’ differenza miċ-ċentru! Hawn kullimkien lukandi ta’ ħames stilel. Toroq indaf u wiesgħin, kulħadd jippassiġġa bil-kwiet. Karozzi xejn għax din il-parti hija magħluqa għall-karozzi biex tintuża min-nies biss. Dan huwa l-wiċċ l-ieħor ta’ Napli. Min ma jiċċaqlaqx mit-triq tal-presepji jew miċ-ċentru tal-belt ma jista’ qatt jgħid li jaf Napli sewwa għax ikun ra wiċċ wieħed tal-belt u ma jkunx ra l-parti biex ngħid hekk high class.

Għidtilkom li qabel Napli konna Bologna. Min iżur din il-belt jaħseb li hemm kollox sew! Nassigurakom li anke din il-belt għandha wiċċ ieħor li huwa differetni minn dak taċ-ċentru. Jien għext hemmhekk ukoll u kont immur f’ parroċċa fejn tara graffitti mal-ħajt, tisma’ bi kriminalità u hemm minn kollox. Bil-fors għax kull belt fiha aktar minn wiċċ wieħed.

Il-wiċċ! Kemm hemm xi tgħid dwaru! Mhux biss dak il-wiċċ li għandha fil-parti ta’ quddiem ta’ rasna iżda diversi tipi ta’ wċuħ.


Fr Reno  Muscat


Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 22 ta' April 2017