Ġewwa Tal-Pietà, fix-xaqliba ta’
Gwardamanġa, hemm triq li jisimha Hookham Frere. Din it-triq tinsab sewwasew
paralela ma’ Triq San Luqa, dik it-triq dritta dritta li twassal sa quddiem
l-isptar San Luqa. Nistqarr magħkom li sa ftit ilu ftit li xejn kont nagħti kaz
minn fejn kien ġej dan l-isem. Kont nimmaġina li hu xi persuna Franċiża li
kellha xi rabtiet ma’ Malta, imma dan l-aħħar il-kurżità għelbitni u fittixt
dwar dan il-bniedem. Indunajt kemm dak il-ftit li kont nimmaġina dwaru kien
żbaljat.
John Hookham Frere twieled Londra nhar il 21
ta’ Mejju tas-sena 1769. Missieru, John Frere kien membru ta’ familja ta’
Suffolk li kien kien ħa l-edukazzjoni tiegħu f’Caius College ġewwa Cambridge. Hu
sar Second Wrangler, jiġifieri temm l-istudji tiegħu bl-ogħla unuri, fl-1763.
Ommu, Jane, keinet bint John Hookham, negozjant għani ta’ Londra u kienet persuna ta’ kultura li ħalliet xi kitbet
kif ukoll xi poeżiji.
Iċ-ċkejken Frere intbagħat biex jistudja ġewwa
Eton College fl-1785, u hemm sar jaf, anzi sar ħabib ma’ George Canning li lejn
tmiem ħajtu, fl-1827, kien laħaq Prim Ministru tar-Renju Unit. Din
il-ħbiberija affettwat bil-kbir il-ħajja ta’ Frere. Minn Eton huwa mar fil-kulleġġ ta’ Cambridge
fejn gradwa fl-1792 u fl-1795. Wara li temm l-istudji tiegħu huwa daħal
fis-servizz pubbliku fl-uffiċċju tal-affarijiet barrani taħt Lord Grenville. Mill-1796
sal-1802 insibuh ukoll bħala Membru tal-Parlament.
Frere sar membru tal-Privy Council, dak il-korp
ta’ konsulenti tal-Monarka Brittanika, fl-1805. Fl-1807 ġie mibgħut bħala
diplomatiku fil-belt ta’ Berlin fil-Ġermanja iżda l-missjoni ġiet abbandunata u
Frere ġie mibgħut Spanja fl-1808, dejjem fejn għandha x’taqsam id-diplomazija. Meta
Napuljun beda javvanza fuq Madrid, il-ħajja fi Spanja saret iebsa u għamlet il-missjoni
tiegħu diffiċli. Wara li rrifjuta li jmur San Pietruburgu, ir-Russja, bħala
ambaxxatur, intemmet il-ħajja pubblika tiegħu.
F’pajjiżna
Fl-1816, huwa żżewweġ lil
Elizabeth Jemima Hay, dowager Kontessa ta' Erroll. Fl-1820, minħabba problemi
ta’ saħħa li kellha martu ġew flimkien jgħixu Malta, fejn baqgħu
għall-kumplament ta' ħajjithom. Għall-ewwel huwa kien joqgħod ġewwa l-Belt
Valletta biss ftit wara huwa mar joqgħod Tal-Pietà, f’dar jew aħjar villa li wara
bdiet iġġib ismu, jew aħjar kunjomu, proprju Villa Frere. Meta rtira għal
kollox huwa baqa’ attiv ħafna u ddedika ruħu għal-letteratura kif ukoll studja
l-awturi Griegi favoriti tiegħu u tgħallem l-Ebrajk u l-Malti.
Huwa sar ħabib ta’ bosta Maltin u
billi Malta kienet kolonja Ngliża, ma jistax jonqos li kellu bosta ħbieb
tal-istess nazzjonalità tiegħu. Ta’ min jgħid ukoll li Frere kien ħabib kbir
ta’ Mikiel Anton Vassalli, meqjus bħala wieħed mill-missirijiet tal-ilsien
Malti. Dan, flimkien ma’ mistednin distinti oħra, kien viżitatur regolari ta’ Villa
Frere u l-ġonna tagħha.
Villa Frere
Villa Frere |
Triq Hookham Frere
It-triq li ġġib isem dan
il-bniedem ma nistgħux ngħidu li fiha xi storja partikolari, biss tajjeb
insemmu li fil-qrib kien hemm bosta djar li kienu r-residenza ta’ uffiċċjali
għolja tas-servizzi Brittaniċi. Ma rridux ninsew li kantuniera ma’ din it-triq
insibu Villa Gwardamangia, fejn kienet tgħix ir-Reġina Eliżabetta II qabel
telgħet fuq it-tron. Minħabba dan il-fatt f’din it-triq konna nsibu tennis courts
li kienu jaqdu lil dawn l-Ingliżi.
Fatt interessanti ieħor hu li
l-patrijiet Dumnikani fetħu dar f’din it-triq fl-1945. Fl-1952 bit-tħabrik tal-provinċjal Dumnikan ta’ Malta
ta’ dak iż-żmien, P. Esmond Klimeck, bnew is-Santwarju tal-Madonna ta’ Fatima u
l-kunvent li jmiss miegħu. Illum għadna nsibu rħama li tfakkar fejn għexu
l-ewwel patrijiet f’dan il-lokal.
Tajjeb li fl-aħħar nett ngħidu li
John Hookham Frere miet fis-7 ta' Jannar 1846 ġewwa Villa Frere u jinsab midfun
fiċ-ċimiterju li nsibu fis-swar faċċata ta’ Villa Frere.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 29 ta' April 2023
Nessun commento:
Posta un commento