Il-Bażilika ta’
San Pawl f’Ruma hija it-tieni l-akbar Bażilika Papali wara dik ta’ San Pietru
fil-Vatikan. Din tinsab fuq Via Ostiense, fuq ix-xatt tax-xmara Tevere, madwar
żewġ kilometri bogħod mis-swar li l-Imperatur Awreljanu kien bena madwar
il-belt ta’ Ruma bejn is-snin 270 u 275 sabiex iħarsu l-belt mill-attakki
tal-barbari. Minn hawn ħadet isimha din il-Bażilika, fuori le mura tfisser il barra mis-swar tal-belt. Hawnhekk tradizzjonalment huwa l-post fejn
kien jinstab il-qabar tal-Appostlu San Pawl. Fil-fatt din il-knisja tinstab
madwar tliet kilometri bogħod mill-kumpless ta’ knejjes imsejjaħ Tre Fontane, il-post fejn il-qaddis kien
sofra l-martirju. Il-qabar tal-Appostlu jinstab sewwasew taħt l-altar Papali fil-Bażilika. Għal din ir-raġuni,
matul is-sekli, hawn dejjem kien post ta’ pellegrinaġġ.
Ftit storja
Qabel ma nbniet
l-ewwel knisja f’dan il-post konna nsibu ċimiterju li kien jintuża bejn l-ewwel
u t-tielet seklu wara Kristu. Bħalma ġara fil-kaz tal-Appostlu Pietru hekk ġara
fuq il-qabar ta’ Pawlu. Hawn ukoll dlonk wara l-martirju sar post ta’
devozzjoni kbira mill-ewwel Insara ta’ Ruma. Fuq il-qabar inbena monument żgħir.
lnsibu li l-post fejn indifen Pawlu kien sar wieħed devozzjonali ħafna u
għalhekk kienet inbniet daqxejn ta’ knisja, jew aħjar Bażilika.
Il-Bażilika
biż-żmien saret ċkejkna wisq biex taqdi l-ħtiġijiet tal-pellegrini li bdew
iżuru dan il-post. Għalhekk dik twaqqgħet u minflokha bdiet tinbena oħra.
Il-Bażilika kellha ħames navati u kien fiha tmenin kolonna. Ix-xogħol kollu
tal-bini intemm fis-sena 395. Biż-żmien din il-knisja kompliet tissebbaħ.
Il-Papa Ljun il-Kbir beda d-drawwa li fil-Bażilika jsiru xbiehat tal-Papiet
maħdumin fil-mużajk. Dawk kienu jitpoġġew fuq in-navi tal-kursija ċentrali. Fis-seklu
XI inbena l-kampnar tal-Bażilika. Fl-1285 il-bażilika kompliet tissebbaħ billi
saritilha it-tribuna mill-iskultur Arnolfo di Cambio. Dik is-sena wkoll kien
iżżanżan il-gandlier tal-irħam li jżomm il-blandun fi żmien il-Għid. Dik
is-sena wkoll inbena il-kjostru tal-knisja.
Nar
Matul il-lejl
tal-15 ta’ Lulju tas-sena 1823 nar kbir ħakem lill-Bażilika. Dan in-nar qered tista’ tgħid din il-knisja għal kollox.
Kien ħtija ta’ ħaddiem li kien qiegħed isewwi s-saqaf tal-knisja li seħħet din
id-diżgrazzja. Huwa kien nesa n-nar li kien kebbes biex jaħdem, telaq lejn daru
bla ma tfiegħ u seħħ dak li seħħ. F’dak il-lejl kien hemm ragħaj li ra n-nar u
mar malajr javża lill-patrijiet tal-abatija ta’ ħdejn il-Bażilika. Fi żmien li
la kien hemm il-mezzi ta’ komunikazzjoni u lanqas il-mezzi tat-trasport li
għandna llum, minn x’ ħin ir-ragħaj ittenda bin-nar sakemm waslu l-pumpieri
tat-tifi tan-nar kienu laħqu għaddew madwar sagħtejn. Bosta opri inqerdu, imma
fortunatament it-tribuna, il-gandlier tal-blandun u l-apside ħelsuha ħafif.
Ġbir u bini
mill-ġdid
Fl-1825 il-Papa
Ljun XII kiteb l-enċiklika Ad plurimas u
fiha ħeġġeġ lill-isqfijiet sabiex jagħmlu ġabra mingħġand il-fidili bl-iskop li
tinbena mill-ġdid il-Bażilika ta’ San Pawl. L-appell tal-Papa intlaqa’ tajjeb
ħafna u bdew jaslu flus kbar mingħand l-Insara tad-dinja kollha. Fost
id-dinjitarji li taw sehemhom għall-bini mill-ġdid ta’ din il-knisja insibu
r-Re Karlu Feliċ ta’ Sardenja, ir-Re Karlu X ta’ Franza, ir-Re Franġisku I
tar-Renju ta’ Napli u Sqallija kif ukoll iż-Żar Nikola I tar-Russja u Ibraħim
Pascia viċire tal-Eġittu.
Is-sena ta’ wara
inbeda ix-xogħol tal-bini mill-ġdid tal-bażilika. Fl-1840 il-Papa Gregorju XVI
ikkonsagra l-altar tal-Bażilika imma kellu jkun il-Beatu Papa Piju IX biex nhar
l-10 ta’ Settembru, 1854 ikkonsagra il-Bażilika. Għal din l-okkażjoni kienu
attendew bosta kardinali u isqfijiet. Ftit wara kellha titħabbar id-domma
tal-Immakulata Kunċizzjoni u għalhekk
bosta dinjitarji tal-Knisja kienu marru Ruma. Madankollu ix-xogħol fil-Bażilika
baqa’ sejjer sal-1874. Fit-23 ta’ April, 1891 splodiet il-fabbrika tal-polvri
Forte Portuense li kienet tinsab fil-qrib. Bl-isplużjoni tkisser il-ħġieġ
ikkulurit u ddisinjat tat-twieqi li kien sar fl-1830. Minflok il-ħġieġ wara
tqiegħdu folji rqaq tal-alabastru li kienu ingħataw mir-Re Fuad tal-Eġittu. Fl-1928
tlesta l-kjostru meraviljuż li hemm quddiem il-knisja. Fl-2006 sar xogħol biex
il-qabar tal-Appostlu Pawlu jkun jista’ jidher minn dawk li jżuru l-Bażilika.
Hekk kif wieħed
jidħol mill-kjostru ffurmat minn 150 kolonna li jinsab quddiem il-Bażilika jara
statwa fin-nofs. Bla dubju din hija statwa ta’ San Pawl. Hija xogħol fl-irħam
tal-iskultur Giuseppe Obici Il-Porta Santa, li kull bażilika Papali għandha
huwa tal-bronz indurat bid-deheb u sar fl-okkażjoni tal-Ġublew tas-sena 2000. Interessanti
għalina l-Maltin hija l-pittura tal-qaddis Pawlu meta ħeles mill-għarqa u ġie
pajjiżna.
F’din il-Bażilika
indifnu żewġ papiet, il-Papa San Feliċ III u l-Papa Ġwanni XIII.
Hawn insibu wkoll
mużew li għalkemm ma huwiex kbir wisq, madanakollu fih biċċiet ta’ interess x’
wieħed jara. Ħdejn is-sagristija hemm sala b’bosta kwadri ta’ artisti varji.
Hemm ukoll il-monasteru tal-patrijiet Benedittini li ilu mwaqqaf mijiet kbar
ta’ snin. Fil-kumpless wieħed isib ukoll
post fejn jista’ jiekol jew jixrob xi ħaġa.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 22 ta' April 2023
Nessun commento:
Posta un commento