sabato 8 aprile 2023

Bajd tal-Għid

 

Fost il-bosta drawwiet li daħlu anke f’pajjiżna, insibu dik li fl-Għid il-kbir naraw il-bajda tal-Għid. Għalkemm il-bajd, b'mod ġenerali, kien simbolu tradizzjonali ta’ fertilità u twelid mill-ġdid, fil-Kristjaneżmu , għaċ-ċelebrazzjoni tal-Għid, il-bajd sar jissimbolizza l-qabar vojt ta' Ġesù kif ukoll twelid ġdid, twelid u ħelsien mill-ħakma tad-dnub. Tradizzjoni antika kienet li l-kulur tal-bajd tal-Għid ikun aħmar b'tifkira tad-demm ta’ Kristu, imxerred fil-passjoni u fit-tislib tiegħu. Illum insibu bajd taċ-ċikklulata b’xi rigal jew sorpriża fihom. Minn fejn bdiet din id-drawwa?

Il-kummerċ tal-bajd qabel il-Kristjaneżmu

Il-bajda kellha karatteristiċi simboliċi minn żminijiet antiki. Fil-fatt, il-bajd ta’ spiss kellu simbolu tal-ħajja u tas-saġralità. Skont xi twemmin pagan u mitoloġiku tal-passat, is-sema u l-pjaneti kienu meqjusa bħala żewġ emisferi li ħolqu bajda waħda, filwaqt li l-Eġizzjani tal-Qedem kienu jqisu l-bajda bħala l-fulkru tal-erba’ elementi tal-univers cioè l-ilma, l-arja, l-art u n-nar. Dawn l-elementi mxew fuqhom ukoll il-filosofi Griegi tal-qedem.

It-tradizzjoni tal-għoti tal-bajd kienet diġà ddokumentata fost il-Persjani tal-qedem fejn it-tradizzjoni tal-bdil tal-bajd sempliċi tat-tiġieġ fil-miġja tar-rebbiegħa kienet mifruxa sewwa u kienet segwita maż-żmien minn popli tal-qedem oħra bħall-Eġizzjani, il-Griegi u ċ-Ċiniżi li kienu jqisu l-bidla tal -istaġun bħal speċi bidu ta’ sena ġdida.

Bajd tal-fuħħar instab f’ħafna oqbra antiki fir-Russja u l-Isvezja. L-istatwi ta’ Dijonizju, divinità tal-fidi tal-Griegi, misjuba fl-oqbra fil-Greċja narawhom iġorru bajda f’idejhom. Dan huwa sinjal tar-ritorn għall-ħajja. Għall-kuntrarju, is-segwaċi tal Orfiżmu kienu pprojbiti li jieklu bajd peress li dan il-kult misterjuż fittex il-ħruġ miċ-ċiklu infinit tar-rinkarnazzjoni.

Il-bajda fil-Kristjaneżmu

Id-drawwa Nisranija tal-bajd tal-Għid bdiet fost l-Insara tal-bidu tal-Mesopotamja, li kienu jiżbgħu l-bajd bil-kulur aħmar, kif għidt diġà, b’tifkira tad-demm ta’ Kristu, imxerred fit-tislib tiegħu. Il-Kattoliċiżmu ħa din id-drawwa u minn issa ’l quddiem l-Insara raw il-bajda bħala simbolu tal-ħajja fil-perspettiva ġdida ta’ Kristu Rxoxt. Fil-fatt, il-bajda tidher qisha ġebla jew ċagħqa u tidher bla ħajja, kif ukoll deher il-qabar tal-ġebel li fih kien midfun Ġesù. Ġewwa l-bajda, iżda, hemm ħajja ġdida lesta biex tiffjorixxi, sewwasew minn dak li deher mejjet. B’dan il-mod il-bajda fost l-Insara saret simbolu tal-qawmien. Hawn tajjeb insemmu drawwa lokali. Il-figolla tal-Għid, li fl-imgħoddi ma kinitx tinqasam qabel iddoqq il-Glorja f’Sibt il-Għid, ma tkunx kompluta jekk fuqha ma jkunx hemm il-bajda.

Id-dekorazzjoni tal-bajd tal-Għid hija tradizzjoni li aktarx tmur lura għall-inqas għas-seklu XII. Spjegazzjoni waħda għal din id-drawwa hija li dak iż-żmien il-bajd kien ikel projbit matul il-ġimgħat tar-Randan u għalhekk in-nies kienu jiżbgħu u jżejnu l-bajd biex jimmarkaw it-tmiem ta’ dan il-perjodu ta’ penitenza u sawm, imbagħad kienu jiekluh fl-Għid biex jiċċelebraw. Illum il-bajd tal-Għid insibuh taċ-ċikkulata. Il-bajd taċ-ċikkulata bdejna nsibuh fl-Ewropa fil-bidu tas-seklu XIX.

Il-bajda tal-Għid fil-Medju Evu u wara

Id-drawwa ta’ għoti ta' bajd imżejjen bdiet fil-Medju Evu bħala rigal lill-qaddejja mingħand dawk ta’ fuqhom. Fl-istess perjodu l-bajda mżejna, minn simbolu tat-twelid mill-ġdid tan- natura fil-bidu tar-rebbiegħa saret għall-Kristjaneżmu s-simbolu tat-twelid mill-ġdid tal-bniedem fi Kristu. It-tixrid tal-bajd bħala rigal tal-Għid probabbilment beda fil-Ġermanja fejn kien hemm id-drawwai li jingħata bajd sempliċi fl-okkażjoni ta' din il-festa. Oriġinarjament il-bajd kien ikun mgħolli u mgeżwer bil-weraq jew petali tal-fjuri, sabiex jieħu dehra sabiħa. Fil-Medju Evu wkoll daħlet drawwa ġdida: il-ħolqien ta’ bajd artifiċjali miksi b'materjali prezzjużi bħall-fidda, platinu u deheb. Ma għandniex xi ngħidu, dan il-bajd kien maħsub għall-aristokratiċi u nobbli. Dwardu I, sultan tal-Ingilterra mill-1272 sal-1307, kien ikkummissjona l-ħolqien ta' madwar 450 bajda miksija bid-deheb biex jingħataw bħala rigal fl-Għid.


Madankollu, it-tradizzjoni rikka tal-bajda mżejna b’metal u ħaġar prezjużi hija dovuta lill-arġentier Russu Peter Carl Fabergé li fl-1883 ġie kkummissjonat mit-Tżar biex jipprepara rigal speċjali għat-Tżarina Marija;  u hu ħoloq bajda għall-okkażjoni, bajda tal-platinu bl-enamel abjad li fiha bajda oħra fiha, din id-darba tad-deheb, li kien fiha żewġ rigali: riproduzzjoni tal-kuruna imperjali u fellus tad-deheb. L-ewwel bajda Fabergé kienet ikkontribwiet ukoll biex inxterdet it-tradizzjoni tar-rigal ġewwa l-bajda. Fabergé baqa’ jaħdem minn dan il-bajd u llum fil-belt ta’ San Pietruburgu fir-Russja nsibu mużew sħiħ b’xogħol dan l-arġentier.

Bajda tal-Għid illum

Illum il-bajda tal-Għid saret drawwa komuni ħafna madwar id-dinja kollha, ovvjament fejn ikun iċċelebrat l-Għid il-kbir. Illum mhux biss inbidel l-ingredjent u minn bajda ta’ tiġieġa saret waħda taċ-ċikkulata u mhux aktar miżbugħa imma mgeżwra f’karta kkulurita mill-isbaħ, illum sirna nsibu wkoll diversi daqsijiet ta’ bajd tal-Għid. Din id-drawwa bdiet fis-seklu XX u oriġinat mill-belt ta’ Turin fl-Italja. Kienet is-Sinjura Giambone, sid ta’ ħanut f’Via Roma, li l-ewwel kellha l-idea li timla l-qxur vojta tal-bajd tat-tiġieġ biċ-ċikkulata mdewba. F’Turin din il-proposta ġdida ntlaqgħet b’entużjażmu kbir u minn hemm inxterdet mad-dinja kollha.

Għandek tgħid kemm stejjer ikun hemm wara sepliċiment bajda!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 8 ta' April 2023



Nessun commento:

Posta un commento