Sewwasew ġimgħa qabel l-Għid
il-Kbir, il-Knisja Kattolika tagħti bidu għall-Ġimgħa Mqaddsa billi tiċċelebra
dak li jissejjaħ Ħadd il-Palm. Din il-festa tfakkar id-dħul trijonfali ta’ Ġesù
f’Ġerusalemm milqugħ mill-folla li tgħoddu bħala sultan billi xxejjer
il-friegħi f’idejha. Din hija tradizzjoni marbuta mal-festa Lhudija ta’ Sukkot
li matulha l-fidili għamlu pellegrinaġġ fit-tempju ta’ Ġerusalemm iġorru mazz
minsuġ ta’ friegħi u weraq tas-siġar.
Fatt storiku
Id-daħla trionfali ta’ Ġesù f’Ġerusalemm seħħet tassew għax insibha miktuba. L-istorja tad-dħul ta’ Kristu f’Ġerusalemm hija preżenti fl-erba’ Evanġelji, iżda b’xi varjazzjonijiet: dawk ta’ Mattew u Mark jgħidu li n-nies bdew ixxejru friegħi tas-siġar ta’ diversi daqsijiet meħuda mill-għelieqi, Luqa ma jsemmihiex din il-ħaġa filwaqt li Ġwanni biss jitkellem dwar il-palm. Fil-fatt Mattew jikteb hekk: “Għadd kbir ta’ nies firxu l-imnatar tagħhom fit-triq, waqt li oħrajn qatgħu xi friegħi mis-siġar u ferrxuhom mat-triq.” (Mt 21,8) Fil-verżjoni ta’ Mark insibu: “U bosta nies firxu fit-triq l-imnatar tagħhom, u oħrajn xi friegħi ħodor li kienu qatgħu mill-għelieqi.” (Mk 11,8) Luqa kiteb hekk: “Imbagħad ġiebu l-felu lil Ġesù, qiegħdu l-imnatar tagħhom fuq il-felu, u rikkbu lil Ġesù fuqu. Huwa u għaddej, firxu l-imnatar tagħhom fit-triq. Xħin imbagħad kien qorob lejn in-niżla tal-Għolja taż-Żebbuġ, il-kotra kollha tad-dixxipli bdiet tfaħħar lil Alla b’għajjat ta’ ferħ u b’leħen għoli għall-għeġubijiet kollha li kienu raw.” (Lq 19,35-37) U fl-aħħar nett Ġwanni jkun aktar ċar u jgħidilna: “L-għada, il-folol ta’ nies li kienu ġew għall-festa, kif semgħu li Ġesù kien ġej Ġerusalemm,ħadu l-friegħi tal-palm u ħarġu jilqgħuh.” (Ġw 12,12-13) Mela hawn naraw dan il-fatt minn erba’ perspettivi differenti biss il-fatt li sal-lum għadu jintuża l-palm għandu mnejn li kienu huma li xxejru fid-dħul ta’ Kristu f’Ġerusalemm dakinhar.
L-ambjent
Lulav |
L-għażla tal-ħmar
Ġesù mbagħad jidħol Ġerusalemm,
is-sede tal-poter ċivili u reliġjuż fil-Palestina u ġie milqugħ kif kien isir
biss bis-slaten. Iżda Kristu daħal hemm fuq ħmar u mhux fuq iemel bħalma keinu
jagħmlu s-slaten. Dan għamlu bħala sinjal ta’ umiltà. L-Evanġelji jirrakkontaw
li Ġesù, wara li wasal mad-dixxipli tiegħu f’Betfaġe, qrib Ġerusalemm (kien
is-Sibt filgħaxija), bagħat tnejn minnhom fir-raħal biex iġibu ħmara marbuta
ma’ felu u jġibuhom ħdejh u jekk xi ħadd joġġezzjona, kellhom jgħidulu li
l-Mulej kellu bżonnhom. L-Evanġelju ta’ Mattew (21, 1-11) jgħid li dan ġara
biex jitwettaq dak li kien tħabbar mill-profeta Żakkarija: “Ifraħ kemm tiflaħ,
bint Sijon; għajjat bil-ferħ, bint Ġerusalemm! Ara, is-sultan tiegħek ġej
għandek; ġust u rebbieħ, umli u riekeb fuq ħmar, fuq felu ta’ ħmara.” (Żak 9,9)
Il-liturġija
Ma nistgħux ma nsemmux
il-liturġija ta’ dan il-jum. Il-liturġija ta’ Ħadd il-Palm issir billi tibda
minn post addattat barra l-knisja; il-fidili jinġabru u s-saċerdot ibierek
il-friegħi taż-żebbuġ jew tal-palm, li wara l-qari ta’ silta evanġelika
jitqassmu lill-fidili, imbagħad tibda l-purċissjoni lejn il-knisja. Hawn,
tkompli ċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa, li hija distinta mill -qari twil
tal-Passjoni ta’ Ġesù, imsejħa minna bħala l-Passju, meħuda mill-Evanġelji ta’ Mattew
li jinqara fis-sena A, dak ta’ Mark li jinqara fis-sena B u skont Luqa li
jinqara fis-sena Ċ, skont is-sena lituġika li nkunu fiha. It-test tal-Passjoni
mhuwiex l-istess bħal dak moqri fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ġimgħa l-Kbira , li
dejjem ikun l-Evanġelju skont San Ġwann. Ir-rakkont tal-Passjoni jinqara
alternattivament minn tliet qarrejja rappreżentattivi: il-kroniku, il-karattri
tal-istorja u Kristu nnifsu. Huwa qari maqsuma f’erba’ partijiet: l-arrest ta’
Ġesù; il-proċess Lhudi; il-proċess Ruman; il-kundanna, l-eżekuzzjoni, l-mewt u
d-dfin. Fi tmiem il-Quddiesa, il-fidili jieħdu d-dar il-friegħi mbierka
taż-żebbuġ.
Dan hu l-ambjent u xi ftit storja
ta’ dak li nfakkru fil-bidu tal-Ġimgħa Mqaddsa
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 1 ta' April 2023
Nessun commento:
Posta un commento