sabato 25 marzo 2023

Santa Croce in Gerusalemme

F’dan iż-żmien tar-Randan dak li jkun jaħseb aktar dwar il-passjoni ta’ Kristu. Illum nixtieq naqsam magħkom xi tagħrif dwar knisja li tinsab f’Ruma li hija marbuta b’mod speċjali ma’ dan l-avveniment. Ser nitkellem dwar il-bażilika ta' Santa Croce in Gerusalemme. Din  hija waħda mis-seba' knejjes ta' Ruma li jiffurmaw parti mir-rotta ta' pellegrinaġġ tradizzjonali li kieent saret famuża minn San Filippu Neri.

Bini

Il-bażilika li qed insemmu nbniet fis- seklu IV ħdejn il-Palazzo del Sessorium li kienet ir-residenza ta' Sant'Elena, omm l-imperatur Kostantinu, ħdejn il-Lateran. Il-bażilika ma nbnietx biex tonora l-memorja tal-martri, kif kienet id-drawwa ta’ dawk iż-żminijiet iżda esklussivament biex tilqa’ fiha parti mis-Salib ta’ Ġesù, flimkien ma’ fdalijiet oħra tal-Passjoni li skont it-tradizzjoni Sant’Elena kienet ġabet lejn Ruma mill-vjaġġ tagħha lejn l-Art Imqaddsa fis-sena 325.

Mill-bidu din il-knisja kienet maħsuba bħala relikwarju kbir biex iżżomm xhieda prezzjuża tal-passjoni ta’ Ġesù. Il-bażilika tissejjaħ “f’Ġerusalemm” minħabba li fil-pedamenti tagħha intuża ġebel imbierek li kien miġjub mill-għolja tal-Kalvarju, ġebel trasportat fuq l-istess ġifen flimkien mal-istess relikwi tas-Salib. Għal din ir-raġuni sa mill-Medju Evu l-knisja kienet tissejjaħ sempliċiment "Hierusalem" u minħabba d-devozzjoni popolari, żjara lil din il-bażilika kienet tfisser daqslikieku tirfes fil-belt qaddisa ta' Ġerusalemm stess.

Storja

Il-bażilika ta' Santa Croce in Gerusalemme inbniet fuq il-fdalijiet ta' villa imperjali msejħa Horti Variani ad Spem Veterem, mibdija minn Septimius Severus u mitmuma minn Elagabalus fis- seklu III. Parti minn din il-villa kienu l-Anfiteatru Castrense, iċ-Ċirku Variano, il-Banjijiet Eleniane, imsejħa hekk wara r-restawr li sar mill-Imperatriċi Elena u żona residenzjali li fiha kien hemm sala kbira li aktar tard kienet użata għall-bini tal-knisja Santa Croce in Gerusalemme. Kien fuq l-inizjattiva ta’ Sant’Elena stess li s-sala kbira rettangolari ġiet mibdula f’bażilika Nisranija, li oriġinarjament kienet mgħottija b’saqaf ċatt, imdawwal b’għoxrin tieqa.

Medju Evu

Matul il-pontifikat tal-Papa Luċju II fis- seklu XII sar bosta tibdil f’din il-knisja, inqasmet fi tliet navati, żdied it-transett u l-kampnar għoli tmien sulari. Il-kampnar għandu tliet qniepen: tnejn huma ta’ Simone u Prospero De Prosperis (1631), it-tielet hija aktar reċenti u tmur lura għall-1957. Matul il-Medju Evu l-knisja rat restawr ieħor. Iżda matul il-perjodu li fih il-papa kien jgħix Avignon (1309 – 1377) din il-knisja kien mitluqa għal kollox.

Matul il- Medju Evu l-bażilika kienet post tal-pellegrinaġġi, b'mod partikolari dawk penitenzjali, speċjalment matul ir-Randan. Nhar il-Ġimgħa l-Kbira, il-papiet kienu jżuruha u jimxu ħafjin it-triq li tgħaqqad il-katidral ta’ San Giovanni in Laterano, fejn kienu joqogħdu l-papiet dak iż-żmien, mal-bażilika ta’ Santa Croce bħala sinjal ta’ penitenza. Wara huma kienu jqimu ir-relikwa tal-Salib ta’ Ġesù. Din it-tradizzjoni mbagħad ġiet integrata fil-Liturġija tal-Ġimgħa l-Kbira, li tinkludi mument ta’ adorazzjoni tas-salib.

Età moderna

Fl-1743 il-bażilika u l-monasteru ta’ maġenbha ġew restawrati kompletament fuq inizjattiva tal-Papa Benedittu XIV, li kien marbut b’mod partikolari ma’ Santa Croce, peress li kien il-kardinal titulari tagħha qabel l-elezzjoni tiegħu għat-tron papali. Fl-1798 il-bażilika ġiet maħkuma mis-suldati Franċiżi waqt l- invażjoni Napoleonika u minnha nsterqu r-relikwarji prezzjużi tad-deheb li kienu jżommu l-frammenti tas-Salib, il-musmar u x-xewk. Ir-relikwarji attwali sar fl-1804. Fl-1870, wara l-waqgħa tal-Istat tal-Knisja, il-kumpless kollu ta’ Santa Croce ġie kkonfiskat u meħud għall-beni tal-Istat Taljan, u qatt ma ġie rritornat lis-Santa Sede. Il-bażilika u l-kumpless kollu ta’ Santa Croce għadhom proprjetà tal-istat Taljan.

Relikwi tal-Passjoni 

Kif ghidna, il-bażilika fiha bosta relikwi fosthom uħud tradizzjonalment marbuta mal-Passjoni ta' Ġesù . Dawn huma tliet frammenti tas-Salib, magħruf bħala Veru Lignu, parti mill-kuruna tax-xewk, musmar li bih kien imsallab Kristu mas-salib u Titulus Crucis. It-Titulus Crucis huwa relikwa li tikkonsisti fi njama tal-ġewż li skont it-tradizzjoni hija l-kundanna li kien hemm imwaħħla fuq is-salib ta’ Kristu. Minbarra din tal-aħħar, li nstabet fl-1492, ir-relikwi l-oħra ġew konservati kontinwament mis-seklu IV u dawn huma l-aktar relikwi antiki li għandna tagħrif fuqhom. Matul is-sekli ġew miżjuda relikwi oħra ta’ inqas importanza mar-relikwi tal-Passjoni ta’ Kristu, uħud ta’ provenjenza inċerta, bħalma huma l-frammenti tal-grotta ta’ Betlehem u tas- Santu Sepulkru u tal-kolonna tal-Flagellazzjoni, il-patibulum (il-parti minduda ta’ salib) tal- Ħalliel it-Tajjeb u relikwa tas-saba' ta' San Tumas. Dawn kollha b’xi mod huma relikwi marbuta mal-ġrajjiet tal-Passjoni u l-Qawmien ta’ Ġesù,

Illum tkellimmna dwar knisja partikolari li fiha relikwi tant għeżież speċjalment f’dawn il-jiem. Knisja li minkejja li tinsab mhux wisq bogħod miċ-ċentru ta’ Ruma, għandi l-impressjoni li ftit huma dawk minna li jżuruha.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 25 ta' Marzu 2023



Nessun commento:

Posta un commento